Eħud Ikisser il-Madmad taʼ l-Oppressur
DIN hija storja vera taʼ kuraġġ u tattika. Seħħet xi 3,000 sena ilu. Ir-rakkont skritturali jibda bil-kliem: “U wlied Iżrael issuktaw jagħmlu l-ħażin f’għajnejn il-Mulej u l-Mulej saħħaħ lil Għeglon, sultan taʼ Mowab, kontra Iżrael għax dawn għamlu l-ħażen f’għajnejn il-Mulej. Għeglon ġabar miegħu l-Għammonin u l-Għamalekin, u ħareġ jaħbat għal Iżrael, u ħa f’idejh Belt it-Tamar. U wlied Iżrael qdew lil Għeglon, sultan taʼ Mowab, għal tmintax-il sena.”—Mħallfin 3:12-14.
It-territorju tal-Mowabin kien lejn il-lvant tax-Xmara Ġordan u tal-Baħar il-Mejjet. Imma huma kienu qasmu x-xmara u okkupaw l-inħawi madwar Ġeriko, “belt is-siġar tal-palm,” u b’hekk iddominaw lill-Iżraelin. (Dewteronomju 34:3) Għeglon, is-sultan taʼ Mowab, “raġel smin ħafna,” kien ordna li jitħallas tribut li kien taʼ piż u umiljanti għall-Iżraelin għal kważi 20 sena. (Mħallfin 3:17) Madankollu, ir-rikjesti tiegħu biex jitħallas it-tribut kienu skuża tajba biex dan it-tirann jiġi eliminat.
Il-Bibbja tgħid: “U wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej, u l-Mulej qajjmilhom salvatur, lil Eħud bin Gera, raġel xellugi mit-tribù taʼ Benjamin. U wlied Iżrael bagħtuh bit-tribut f’idu għand Għeglon, sultan taʼ Mowab.” (Mħallfin 3:15) Jistaʼ jkun li Jehovah għamel ċert li Eħud jiġi magħżul biex jippreżenta t-tribut. M’hemmx miktub jekk qatt kienx wettaq dan l-inkarigu qabel. Madankollu, il-mod kif Eħud ipprepara bir-reqqa għal-laqgħa tiegħu m’Għeglon u t-tattika li uża juru li forsi kien xi ftit familjari mal-palazz t’Għeglon u maʼ dak li setaʼ jistenna hemmhekk. F’dan kollu, il-fatt li kien xellugi kien sinifikanti.
Raġel Immankat jew Gwerrier?
It-terminu “xellugi” letteralment ifisser ‘magħluq, immankat, jew marbut fl-id il-leminija.’ Ifisser dan li Eħud kien immankat, forsi kellu idu l-leminija sfigurata? Ikkunsidra x’tgħid il-Bibbja dwar is-“sebaʼ mitt raġel magħżul, xellugin” mit-tribù taʼ Benjamin. “Kull wieħed kellu l-ħila jwaddab ġebla bl-iżbandola għal xagħra, u ma jfallilux,” jgħid Mħallfin 20:16. X’aktarx li kienu magħżulin għall-ħila kbira li kellhom fil-battalja. Skond xi studjużi tal-Bibbja, il-kelma “xellugi” tfisser wieħed “li juża idu x-xellugija kif ukoll il-leminija.”—Mħallfin 3:15, The Douay Version.
Fil-fatt, it-tribù taʼ Benjamin kien magħruf għall-irġiel xellugin. L-ewwel Kronaki 12:1, 2 jgħidilna dwar l-irġiel minn dan it-tribù, “il-qalbenin li għenuh fil-gwerra; mħarrġa fil-ġbid tal-qaws; iwaddbu bil-lemin u bix-xellug, ħaġar u vleġeġ, bil-qaws.” Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid li din l-abbiltà setgħet tinkiseb “billi jorbtu l-id il-leminija taʼ tfal żgħar—b’hekk kienu ‘marbutin f’idhom il-leminija’—u għallmuhom jużaw idhom ix-xellugija fix-xogħol.” L-għedewwa taʼ Iżrael kienu normalment imħarrġin biex jiġġieldu maʼ gwerriera li jużaw idhom il-leminija. B’hekk, ħafna mit-taħriġ taʼ l-għadu ma kien ikun jiswa xejn jekk bla mistenni jiġġieled maʼ suldat xellugi.
“Kelma Moħbija” għas-Sultan
L-ewwel ħaġa li kellu jagħmel Eħud kien li jipprepara “sejf”—wieħed b’żewġt ixfar li kien żgħir biżżejjed biex jaħbih taħt ħwejġu. Hu forsi stenna li kienu se jfittxulu. Ix-xwabel normalment kienu jintlibsu fuq in-naħa tax-xellug, biex dawk li kienu jużaw idhom il-leminija setgħu malajr joħorġuhom. Minħabba li kien xellugi, Eħud ħeba l-arma tiegħu “taħt il-ħwejjeġ fuq ġenbu tal-lemin,” x’aktarx fejn l-għassiesa tas-Sultan ma kinux ifittxulu. Għalhekk, mingħajr tfixkil, hu “mar joffri t-tribut lil Għeglon, sultan taʼ Mowab.”—Mħallfin 3:16, 17.
Id-dettalji dwar l-ewwel ġrajjiet fil-palazz t’Għeglon m’humiex imniżżlin. Il-Bibbja sempliċement tgħid: “U ġara li malli temm joffri t-tribut, Eħud bagħat in-nies li kienu jġorruh.” (Mħallfin 3:18) Eħud ippreżenta t-tribut, wassal lil dawk li ġarrew it-tribut sa post bla periklu ’l bogħod mill-palazz t’Għeglon, u wara li bagħathom irritorna lejn il-palazz. Għala? Dawk l-irġiel kienu miegħu għall-protezzjoni għax hekk kienet il-proċedura, jew forsi sempliċement biex iġorru t-tribut? Jew riedhom jitilqu biex jeħlishom mill-periklu qabel ma jwettaq il-pjan tiegħu? Kienet x’kienet ir-raġuni, Eħud bil-kuraġġ mar lura waħdu.
“[Eħud] raġaʼ lura minn ħdejn l-idoli li hemm ħdejn Gilgal u qallu: ‘Għandi kelma moħbija xi ngħidlek, Sultan.’” L-Iskrittura ma tgħidilniex kif irnexxielu jerġaʼ jidħol ħdejn Għeglon. L-għassiesa għala ma kinux suspettużi? Ħasbu li Iżraeli waħdu ma kienx taʼ theddida għall-mexxej tagħhom? Jistaʼ jkun li l-fatt li Eħud mar waħdu ta l-impressjoni li kien se jiċħad lil dawk taʼ pajjiżu? Kien x’kien il-każ, Eħud fittex li jkellem lis-sultan waħdu, u rnexxielu.—Mħallfin 3:19.
Ir-rakkont ispirat ikompli: “Eħud resaq [lejn Għeglon], u hu kien waħdu fl-għorfa friska li kellu fuq, u Eħud qallu: ‘Għandi kelma minn Alla għalik.’” Eħud ma kienx qed jirreferi għal xi messaġġ bil-kliem mingħand Alla. Eħud kellu f’moħħu li juża s-sejf. Forsi billi ħaseb li se jismaʼ xi messaġġ mingħand l-alla tiegħu Kemox, is-sultan “qam minn fuq is-siġġu.” F’ħakka t’għajn, Eħud ħareġ l-arma tiegħu u daħħalha f’żaqq Għeglon. Mid-dehra, il-manku tas-sejf ma kienx forma taʼ salib. Għalhekk, “daħal saħansitra l-manku max-xafra, u x-xaħam għalaq fuq ix-xafra, . . . u ħmieġu ħareġ barra,” jew mill-ferita jew għax ma felaħx jikkontrolla msarnu.—Mħallfin 3:20-22.
Ħarba Mingħajr Xkiel
Mingħajr ma qagħad jipprova jerġaʼ jieħu s-sejf tiegħu, “Eħud ħareġ fis-setaħ, u għalaq il-bieb taʼ l-għorfa taʼ fuq, u sakkar warajh. U hu ħareġ; u l-qaddejja tas-sultan [Għeglon], meta raw il-bieb taʼ l-għorfa msakkar qalu: ‘Għandu mnejn qiegħed jaqdi l-bżonnijiet tiegħu fl-għorfa friska.’”—Mħallfin 3:23, 24.
X’kien is-“setaħ” li ħareġ minnu Eħud? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “It-tifsira preċiża [tal-kelma Lhudija] ma nafuhiex [imma] ġew suġġeriti ‘kolonnat’ u ‘portiku.’” Għalaq Eħud il-bibien minn ġewwa u mbagħad telaq minn xi mkien ieħor? Jew għalaq il-bibien minn barra b’ċavetta li ħa mingħand is-sultan li kien mejjet? Ħareġ hu mbagħad minn quddiem l-għassiesa qisu ma ġara xejn? L-Iskrittura ma tgħidilniex. Madankollu, uża liema metodu uża Eħud, il-qaddejja t’Għeglon ma ssuspettaw xejn għall-ewwel meta sabu l-bibien magħluqin. Ħasbu li kien sempliċement qed “jaqdi l-bżonnijiet tiegħu.”
Waqt li l-qaddejja tas-sultan kienu qed jistennew, Eħud ħarab. Imbagħad sejjaħ lil Iżraelin u qal: “Imxu warajja għax il-Mulej reħa f’idejkom il-Mowabin, l-għedewwa tagħkom.” Billi ħadu f’idejhom il-mogħdijiet strateġiċi tal-Ġordan, l-irġiel t’Eħud waqqfu lil Mowabin milli jirritornaw lejn pajjiżhom. B’hekk, l-Iżraelin “qatlu dakinhar madwar għaxart elef ruħ mill-Mowabin, kollha nies b’saħħithom u taʼ ħila, u ebda bniedem ma salva. U Mowab dakinhar waqgħet f’idejn Iżrael, u l-art strieħet għal tmenin sena.”—Mħallfin 3:25-30.
Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu
Dak li ġara fi żmien Eħud jgħallimna li hemm konsegwenzi tal-biżaʼ meta nagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Jehovah. Mill-banda l-oħra, Jehovah jgħin lil dawk li bi ndiema jduru lejh.
Il-pjanijiet t’Eħud irnexxew la għax hu kien bravu u lanqas għax l-għedewwa kienu bla ħila. It-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla ma jiddependix minn fatturi umani. Ir-raġuni primarja għas-suċċess t’Eħud kienet li hu kellu l-appoġġ t’Alla waqt li aġixxa fi qbil mar-rieda Tiegħu li ħadd ma jistaʼ jfixkel, biex jeħles lill-poplu Tiegħu. Alla kien qajjem lil Eħud, “u kull meta l-Mulej kien iqajjmilhom l-imħallfin, il-Mulej kien ikun maʼ l-imħallef.”—Mħallfin 2:18; 3:15.