Xogħol li Jirrikjedi l-Umiltà
1 Il-Kelma t’Alla twissina biex inkunu ‘umli [u] ma rroddux deni b’deni imma għall-kuntrarju, inwieġbu bil-barka.’ (1 Pt. 3:8, 9) Dan il-parir verament japplika fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Tabilħaqq, il-ministeru Kristjan jistaʼ jpoġġi l-umiltà tagħna fi prova.
2 L-umiltà hija kwalità li tgħinna nissaportu sitwazzjonijiet li ma tantx jogħġbuna. Waqt li nkunu qed nippridkaw, aħna nkellmu lil nies li ma nafuhomx mingħajr ma jkunu stidnuna, filwaqt li nafu li xi wħud m’humiex se jilqgħuna tajjeb. Jirrikjedi l-umiltà sabiex nibqgħu nippridkaw minkejja li niġu trattati b’dan il-mod. F’territorju wieħed li kien verament diffiċli, żewġ aħwa pijunieri nisa marru minn dar għal dar kuljum għal sentejn sħaħ mingħajr ma kien hemm xi ħadd li fetħilhom il-bieb! Minkejja dan, huma pperseveraw, u llum f’dawk l-inħawi hemm żewġ kongregazzjonijiet.
3 Inkampaw mal-Maledukazzjoni: L-umiltà se tgħinna nimitaw lil Ġesù meta n-nies ikunu ħorox jew maledukati. (1 Pt. 2:21-23) F’dar waħda, oħt sfat abbużata verbalment, l-ewwel mill-mara u mbagħad mir-raġel. Dawn ordnawlha titlaq ’il barra mill-propjetà tagħhom. L-oħt sempliċement tbissmet u qalet li kienet tittama li tkun tistaʼ tkellimhom darb’oħra. Dan tant impressjonahom li meta żarithom Xhud oħra huma semgħuha u aċċettaw l-istedina tagħha biex jattendu laqgħa fis-Sala tas-Saltna. L-oħt l-oħra, dik li ma kinitx ġiet milqugħa, kienet hemm biex tilqagħhom u biex tkompli tagħtihom xiehda. Aħna wkoll għandna mnejn intaffu l-oppożizzjoni taʼ dawk li ma jilqgħuniex billi nuru ‘l-ħlewwa u r-rispett.’—1 Pt. 3:15, 16a (3:15, NW); Prov. 25:15.
4 Evita l-Arroganza: L-għarfien li għandna mill-Bibbja ma jagħtina l-ebda raġuni biex inqisu lin-nies inferjuri għalina jew biex nużaw kliem taʼ disprezz meta nirreferu għalihom. (Ġw. 7:49) Minflok, il-Kelma t’Alla twissina biex ‘ma nkasbru ’l ħadd.’ (Titu 3:2) Meta nuru l-umiltà, bħalma għamel Ġesù, inkunu qed inserrħu lil oħrajn. (Mt. 11:28, 29) Il-fatt li nuru umiltà se jgħin biex nagħmlu l-messaġġ tagħna iktar sabiħ.
5 Iva, l-umiltà se tgħinna nipperseveraw meta t-territorju jkun diffiċli. Din tistaʼ tgħin biex ittaffi l-oppożizzjoni taʼ dawk li ma jilqgħuniex, u biex tiġbed lil oħrajn lejn il-messaġġ tas-Saltna. Fuq kollox, din se tferraħ lil Jehovah, li ‘jagħti l-grazzja lill-umli.’—1 Pt. 5:5.