Nittrijonfaw fuq Satana u x-Xogħlijiet Tiegħu
“Issottomettu rwieħkom, għalhekk, lejn Alla; imma opponu lix-Xitan, u huwa se jaħrab minnkom.”—ĠAKBU 4:7.
1. “Id il-wieħed mill-agħar” kif effettwat lill-bnedmin illum?
ĠOB stqarr b’mod korrett: “L-art infisha ġiet mogħtija f’id il-wieħed mill-agħar.” (Ġob 9:24) U aħna issa niffaċċjaw l-iktar żminijiet kritiċi fl-istorja umana kollha. Għala? Għaliex dawn huma “l-aħħar jiem” tad-dominanza demonistika taʼ Satana fuq l-art. Mhux taʼ b’xejn li, imbottati minn Satana, ‘nies mill-agħar u impusturi qegħdin javanzaw mill-ħażin għall-agħar, jiżvijaw u jiġu żvijati.’ (2 Timotew 3:1, 13) Barra minn hekk, persekuzzjonijiet, inġustizzji, krudiltajiet, atti kriminali, tbatijiet ekonomiċi, mardiet kroniċi, weġgħat taʼ xjuħija, dipressjonijiet emozzjonali—dawn u oħrajn jistgħu jtaqqluna ferm.
2. Kif nistgħu nkampaw maʼ l-attakki taʼ Satana llum?
2 L-avversarju l-kbir, Satana x-Xitan, qed jagħmel attakk ikkonċentrat fuq l-umanità u fuq l-adoraturi veri t’Alla b’mod partikulari. Il-mira tiegħu hija li jdawwar kontra Alla lil dawk kollha li possibilment se jżommu l-integrità u jwaqqagħhom għall-qerda flimkien miegħu u maʼ l-anġli demoniċi tiegħu. Aħna żgurati, iżda, li jekk nissaportu fl-integrità, ix-Xitan se jaħrab minna. Bħal Ġesù, nistgħu ‘nitgħallmu l-ubbidjenza’ lejn Alla mill-affarijiet li nsofru, u bil-qalb tajba m’hijiex mistħoqqa Tiegħu, nistgħu niksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Ebrej 5:7, 8; Ġakbu 4:7; 1 Pietru 5:8-10.
3, 4. (a) Pawlu liema provi esterni kellu jitqabad magħhom? (b) X’kien it-tħassib taʼ Pawlu bħala anzjan Kristjan?
3 L-appostlu Pawlu wkoll kien ittestjat b’ħafna modi. Billi stqarr il-kredenzjali tiegħu bħala ministru taʼ Kristu, kiteb: “Jien wieħed b’mod iktar li jispikka: f’ħidmiet iktar bil-bosta, f’ħabsijiet iktar bil-bosta, f’daqqiet għal eċċess, fi qrib l-imwiet spiss. Minn Lhud ħames darbiet irċevejt erbgħin daqqa neqsin waħda, tliet darbiet kont imsawwat b’vireg, darba kont imħaġġar, tliet darbiet ġarrabt nawfraġju, lejl u jum qattajt fil-fond; fi vjaġġi spiss, f’perikli minn xmajjar, f’perikli minn ħallelin tat-toroq, f’perikli mir-razza tiegħi stess, f’perikli mill-ġnus, f’perikli fil-belt, f’perikli fix-xagħri, f’perikli fil-baħar, f’perikli fost aħwa foloz, f’ħidma u tbatija, f’iljieli bla rqad spiss, fil-ġuħ u l-għatx, f’astinenza minn ikel bosta drabi, f’kesħa u għera.
4 “Minbarra dawk l-affarijiet taʼ xorta esterna, hemm dak li jiġri lejja minn jum għal jum, l-anzjetà għall-kongregazzjonijiet kollha. Min hu dgħajjef, u jien m’inix dgħajjef? Min hu mogħti gambetta, u jien m’inix mgħaddab?” (2 Korintin 11:23-29) B’hekk, Pawlu żamm l-integrità waqt li ffaċċja persekuzzjonijiet u provi minn barra, u bħala anzjan Kristjan, kien ikkonċernat b’mod profond f’li jsaħħaħ lil aħwa rġiel u nisa iktar dgħajfin fil-kongregazzjoni, billi għenhom iżommu l-integrità. X’eżempju mill-aħjar għal anzjani Kristjani llum!
Integrità Taħt Persekuzzjoni
5. X’inhija t-tweġiba għal persekuzzjoni diretta?
5 Satana liema skemi juża biex ikisser l-integrità? Kif indikat hawn fuq, waħda mill-iktar strateġiji feroċi taʼ Satana hija persekuzzjoni diretta, imma hemm tweġiba. Efesin 6:10, 11 jagħtina l-parir: “Komplu iksbu qawwa fil-Mulej u fis-setgħa taʼ saħħtu. Ilbsu l-libsa sħiħa tal-ħadid mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-tnassis [jew, “atti makakki,” nota taʼ taħt] tax-Xitan.”
6. Kif jistaʼ jintwera li x-Xhieda taʼ Jehovah ħarġu “kompletament rebbiħin”?
6 Taʼ spiss matul dawn l-aħħar jiem, ix-Xhieda taʼ Jehovah kellhom jitqabdu maʼ provi. B’hekk, nistgħu ngħidu maʼ Pawlu: “F’dawn l-affarijiet kollha qegħdin noħorġu kompletament rebbiħin permezz tiegħu li ħabbna.” (Rumani 8:37) Dan jingħata prova tiegħu permezz taʼ l-integrità dokumentata tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-kampijiet taʼ konċentrament tal-Ġermanja, l-Awstrija, il-Polonja, u l-Jugoslavja matul l-era Nażista taʼ bejn l-1933 u l-1945, taħt oppressjoni Komunista fl-Ewropa tal-Lvant bejn l-1945 u l-1989, u matul il-persekuzzjonijiet li fnew lil partijiet taʼ l-Afrika u l-Amerka Latina fi snin iktar riċenti.
7. Liema eżempji kommoventi taʼ integrità huma rrapportati mill-Etjopja?
7 Ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Etjopja pprovdew eżempju kommoventi taʼ integrità bejn l-1974 u l-1991. Wieħed mill-kalzriera li moħħhom biss fil-politika qal lil ħu li kien fil-ħabs: “Aħjar teħles lill-iljuni miż-zoo milli tagħti l-ħelsien lilkom mill-ġdid!” Dawn il-persekuturi krudili ttorturaw lill-qaddejja taʼ Jehovah, u wara xi snin qorti taʼ l-appell ordnat esekuzzjonijiet. Il-ġisem taʼ wieħed ħu tpoġġa fejn jistaʼ jarah kulħadd bħala eżempju taʼ twissija. Aħwa oħrajn li appellaw is-sentenza tal-mewt inħelsu minn qorti iktar liberali, u xi wħud minn dawn il-‘konkwistaturi’ leali rrakkontaw l-esperjenzi tagħhom fil-programm tal-Konvenzjoni Distrettwali “Tagħlim Divin” f’Addis Ababa kmieni fl-1994.a—Ġwann 16:33; qabbel 1 Korintin 4:9.
8. Satana kif ipprova japprofitta ruħu minn “tindif etniku”?
8 Satana ma rnexxilux ixaqqaq l-integrità t’aħwa rġiel u nisa leali bħal dawn permezz t’attakk frontali dirett. Mela, xi skemi makakki oħrajn juża? Rivelazzjoni 12:12 jgħid dwar dawn l-aħħar jiem: “Gwaj għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, billi jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” Billi ma rnexxilux jeqred għal kollox lin-nies leali t’Alla bil-persekuzzjonijiet, fir-rabja li għandu qed jipprova jimmassakra popolazzjonijiet sħaħ, bla dubju bl-intenzjoni li jeqred lin-nies taʼ Jehovah flimkien mal-bqija tal-popolazzjoni. B’hekk l-hekk imsejjaħ tindif etniku ġie mwettaq f’partijiet taʼ dik li qabel kienet il-Jugoslavja, u saru attentati taʼ ġenoċidji fil-Liberja, il-Burundi, u l-Irwanda.
9. It-tattiċi taʼ Satana għala taʼ spiss ifallu? Agħti eżempji.
9 Taʼ spiss, iżda, it-tattiċi taʼ Satana daru lura fuqu, għax afflizzjoni satanika tqanqal lil nies taʼ qalb onesta biex jirrealizzaw li l-unika tama tagħhom tistrieħ fuq is-Saltna t’Alla, imxandra b’mod żeluż mix-Xhieda taʼ Jehovah. (Mattew 12:21) Tabilħaqq, uħud interessati ġejjin fi qtajjiet lejn is-Saltna! Per eżempju, fil-Bosnja u Ħerzegovina li huma mtertqin bil-ġlied, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù, fis-26 taʼ Marzu, 1994, 1,037 attendew, 291 iżjed mis-sena taʼ qabel. L-ogħla attendenzi ġew irreġistrati f’Sarajevo (414), Zenika (223), Tuzla (339), Banja Luka (255), u bliet oħrajn. Fil-pajjiż qrib tal-Kroazja kien hemm attendenza fejn intlaħqet quċċata ġdida taʼ 8,326. Il-vjolenza li seħħet madwarhom ma żammetx lura lix-Xhieda taʼ Jehovah f’dawk l-artijiet milli jobdu l-kmand biex ‘jibqgħu jxandru l-mewt tal-Mulej, sakemm jasal.’—1 Korintin 11:26.
Fl-Irwanda Mtertqa Bil-Ġlied
10, 11. (a) X’seħħ fl-hekk imsejħa Rwanda Kristjana? (b) Missjunarji leali kif esprimew lilhom infushom?
10 Fl-1993, l-Irwanda, b’2,080 pubblikaturi tas-Saltna, kellha 4,075 li attendew il-Konvenzjoni Distrettwali “Tagħlim Divin”, u 230 tgħammdu. Minn dawn, 142 immedjatament applikaw għas-servizz taʼ pijunieri awżiljarji. Studji tal-Bibbja li kienu qegħdin isiru fid-djar żdiedu għal 7,655 fl-1994—b’mod evidenti Satana ma ħax gost b’din iż-żjieda! Għalkemm il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni jipprofessaw li huma Kristjani, bdew massakri bejn it-tribujiet. L’Osservatore Romano tal-Vatikan ammetta: “Dan huwa ġenoċidju minn kull aspett, li għalih sfortunatament saħansitra l-Kattoliċi huma responsabbli.” Huwa stmat li madwar nofs miljun irġiel, nisa, u tfal mietu, u madwar żewġ miljuni sfaw bla djar jew ġew imġegħlin jaħarbu. Billi żammew in-newtralità Kristjana bla vjolenza, ix-Xhieda taʼ Jehovah ipprovaw jibqgħu flimkien. Mijiet minn ħutna rġiel u nisa kienu maqtulin. Imma f’kongregazzjoni waħda taʼ 65 pubblikatur tas-Saltna, fejn 13 ġew maqtulin, l-attendenza għal-laqgħat żdiedet għal 170 s’Awissu 1994. Provisti t’għajnuna minn Xhieda f’artijiet oħrajn kienu fost l-ewwel li waslu. Aħna nitolbu għan-nom taʼ dawk li baqgħu ħajjin.—Rumani 12:12; 2 Tessalonkin 3:1, 2; Ebrej 10:23-25.
11 Fost l-orrur kollu, it-tliet missjunarji li kienu fl-Irwanda ħarbu. Huma jiktbu: “Nirrealizzaw li ħutna kollha taʼ madwar id-dinja kellhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet simili jew agħar, u nafu li huwa kollu parti mis-sinjal taʼ l-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Xorta waħda, meta wieħed ikun involut personalment, dan jagħmlu konxju b’mod iżjed mill-qrib tar-realtajiet taʼ l-affarijiet u jġagħlu japprezza kemm hija prezzjuża l-ħajja. Ċerti skritturi ħadu tifsira ġdida għalina, u nħarsu ’l quddiem ħerqanin lejn iż-żmien meta l-affarijiet taʼ qabel ma jiġux iżjed fil-moħħ. Sadattant irridu nibqgħu attivi fis-servizz taʼ Jehovah.”
Żgħażagħ Li Jżommu L-Integrità
12, 13. (a) Żagħżugħa liema korsa taʼ żamma taʼ integrità ħadet? (b) Iż-żgħażagħ tagħna fejn jistgħu jsibu inkuraġġiment illum?
12 Ġesù indika li dawk li jiġu maqtugħin minn membri tal-familja minħabba l-verità se jiġu ppremjati “mitt darba.” (Mark 10:29, 30) Dan kien veru għal Entellia, tifla t’għaxar snin fl-Afrika taʼ Fuq, li ħabbet l-isem t’Alla—Jehovah—malli semgħetu. Studjat max-Xhieda taʼ Jehovah u mxiet 90 minuta biex tmur għal-laqgħat u lura, għalkemm il-familja tagħha li kienet topponi taʼ spiss kienu jsakkruha barra mid-dar x’ħin tirritorna. Meta kellha 13-il sena, bdiet tippriedka minn dar għal dar, u l-oppożizzjoni tal-familja intensifikat. Darba minnhom xi qraba rabtulha jdejha u saqajha u meddewha fix-xemx tikwi għal sebaʼ sigħat, waqt li minn ħin għall-ieħor bdew iwaddbu ilma maħmuġ fuqha. Sawtuha bla ħniena, u saħansitra qerdulha waħda minn għajnejha, u fl-aħħar keċċewha mid-dar tagħha. Madankollu, sabet taħdem fi sptar u eventwalment ikkwalifikat bħala infermiera. Fl-età t’20 sena tgħammdet u immedjatament daħlet għax-xogħol taʼ pijuniera awżiljarja. Impressjonati bl-integrità tagħha, il-familja tagħha laqgħuha lura ġo darhom, u disgħa minnhom aċċettaw studji tal-Bibbja fid-dar.
13 Entellia kisbet ħafna nkuraġġiment minn Salm 116, speċjalment versi 1-4, li qrathom għal darba wara l-oħra: “Jien tassew inħobb, għaliex Jehovah jismaʼ leħni, it-talb bil-ħrara tiegħi. Għax hu mejjel widintu lejja, u matul jiemi kollha jien se nsejjaħ. Il-ħbula tal-mewt iċċirkondawni u ċ-ċirkostanzi li jġibu hemm taʼ Xeol infushom sabuni. Hemm u niket bqajt insib. Imma l-isem taʼ Jehovah jien issoktajt ninvoka: ‘Aħ, Jehovah, tassew ipprovdi lil ruħi b’ħarba!’” Jehovah jwieġeb talb bħal dan!
14. Xhieda Pollakki kif urew integrità li tispikka?
14 Bħal fi żmien Ġesù, Satana taʼ spiss uża fanatiżmu reliġjuż biex irewwaħ il-fjammi tal-persekuzzjoni—imma mingħajr suċċess. Notevoli huwa l-eżempju taʼ ħutna fil-Polonja, kif deskritt fin-1994 Yearbook of Jehovah’s Witnesses. Saħansitra ż-żgħażagħ kienu meħtiġin juru rwieħhom uħud li jżommu l-integrità. Fl-1946 waħda minn dawn kienet tfajla taʼ 15-il sena li ntqalilha: “Sempliċement għamel is-sinjal Kattoliku tas-salib. Inkella hemm bullit tistenniek!” Billi żammet l-integrità, ġiet imkaxkra ġo foresta, ittorturata b’mod orribbli, u sparawlha.—Qabbel Mattew 4:9, 10.
Skemi Makakki Oħrajn Taʼ Satana
15, 16. (a) X’inhija l-istrateġija demonika taʼ Satana, u kif nistgħu nirreżistuh? (b) Iż-żgħażagħ tagħna għala m’għandhomx għalfejn jieħdu gambetta?
15 L-istrateġija demonika taʼ Satana hija tassew “aħkem jew irvina”! Għandu ħafna armi krudili maħżunin. Mhux taʼ b’xejn, allura, li l-appostlu Pawlu jwissi: “Għandna sarâr, mhux kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema. Minħabba f’dan ħudu l-libsa tal-ħadid sħiħa mingħand Alla, biex tkunu tistgħu tirreżistu fil-jum mill-agħar u, wara li tkunu għamiltu l-affarijiet kollha bis-sħiħ, biex tieqfu sodi.” (Efesin 6:12, 13) Xewqat materjalistiċi, divertiment u propaganda degradanti, mużika satanika, pressjoni minn tfal taʼ mparek fl-iskola, abbuż taʼ drogi, u sokor—kwalunkwe waħda minn dawn tistaʼ tfarrak il-ħajjiet tagħna. Għaldaqstant, l-appostlu jissokta jagħti l-parir: “Fuq kollox, aqbdu f’idejkom it-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-missili tan-nar kollha tal-wieħed mill-agħar.”—Efesin 6:16.
16 Dan jidher li huwa speċjalment neċessarju llum minħabba l-mużika stramba għall-aħħar li biha Satana qed jgħarraq lil din id-dinja. F’xi każi hemm konnessjoni diretta mas-Sataniżmu. Rapport mill-uffiċċju tax-xeriff tal-Kontea taʼ San Diego (Stati Uniti) jistqarr: “Kellna kunċert hawn isfel fejn il-banda ġiegħlet lil 15,000 żagħżugħ jgħajtu b’kantaliena ‘Natas’—jiġifieri, Satan spellut bil-maqlub.” Is-Sataniżmu ġie deskritt bħala ħofra li xi adoloxxenti qegħdin jieħdu gambetta fiha “għaliex kienu qegħdin jiġġerrew iddisprati, irrabjati u waħedhom.” Intom żgħażagħ fil-kongregazzjoni Kristjana, m’hemmx għalfejn tieħdu gambetta! Jehovah jipprovdikom b’armar spiritwali li l-vleġeġ taʼ Satana qatt ma se jinfdu.—Salm 16:8, 9.
17. Dipressjoni emozzjonali kif tistaʼ tintgħeleb?
17 Il-missili tan-nar sataniċi huma mfasslin biex jimmanipulaw l-emozzjonijiet. Permezz tal-pressjonijiet tal-ħajja, bħalma huma mard fiżiku jew stat taʼ dipressjoni qawwija, l-avversarju tagħna jistaʼ jikkaġuna lil xi wħud li jħossuhom li ma jiswew għal xejn. Wieħed jistaʼ jiġi skuraġġit minħabba li ma jistax iqattaʼ ħafna sigħat fis-servizz t’Alla jew minħabba li ma jattendix għal xi laqgħat tal-kongregazzjoni. Ħarsien b’imħabba minn anzjani u aħwa rġiel u nisa oħrajn qalbhom tajba jistaʼ jgħin biex jingħelbu kriżijiet diffiċli. Dejjem ftakar li Jehovah jħobb lill-qaddejja leali tiegħu. (1 Ġwann 4:16, 19) Salm 55:22 jistqarr: “Ixħet it-tagħbija tiegħek fuq Jehovah nnifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Qatt ma se jħalli lill-wieħed twajjeb jixxengel.”
18. Xi wħud kontra liema tnassis sataniku jridu jissieltu?
18 It-“tnassis” makakk taʼ Satana riċentement deher jerġaʼ taħt forma oħra. F’xi artijiet ħafna adulti esperjenzaw l-invażjoni taʼ ħsibijiet li jġorru l-impressjoni qawwija li bħala tfal ġew abbużati b’mod sadistiku minn kulti sataniċi. Minn fejn jiġu ideat bħal dawn? Minkejja riċerka estensiva, opinjonijiet sekulari jvarjaw ħafna. Xi nies iqisu ħsibijiet bħal dawn bħala memorji attwali, oħrajn bħala fantasiji—forsi kkaġunati minn terapija dubjuża—u jerġaʼ oħrajn bħala għamla t’alluċinazzjoni kkaġunata minn xi kriżi tat-tfulija.
19. (a) Ġob liema ħsibijiet kellu jitqabad magħhom? (b) L-anzjani kif jistgħu jsegwu l-eżempju t’Eliħu?
19 Huwa taʼ interess li l-qaddej t’Alla Ġob kellu jitqabad maʼ ‘ħsibijiet li ma ħallewhx kwiet’ li Satana ġablu permezz t’Elifaż u Żofar. (Ġob 4:13-18; 20:2, 3) Ġob b’hekk sofra “taħwid il-moħħ,” li rriżulta f’li jgħid “diskors bla galbu” dwar it-“terruri” li kienu jnikktu lil moħħu. (Ġob 6:2-4; 30:15, 16) Eliħu bil-kwiet ta widen lil Ġob u sinċerament għenu jara l-ħarsa kollha għerf taʼ Jehovah dwar l-affarijiet. Bl-istess mod illum, anzjani taʼ fehma juru li jinteressahom minn uħud milqutin billi ma jżidux iżjed “pressjoni” lil uħud bħal dawn. Minflok, bħal Eliħu, bil-paċenzja jagħtuhom widen u mbagħad japplikaw iż-żejt li jserraħ tal-Kelma t’Alla. (Ġob 33:1-3, 7; Ġakbu 5:13-15) B’hekk kulmin għandu l-emozzjonijiet tiegħu ddisturbati minn kriżijiet, veri jew immaġinati, jew li hu “mwerwer . . . bil-ħolm, u permezz taʼ viżjonijiet” kif kien Ġob, jistaʼ jsib faraġ Skritturali li jserraħ ġewwa l-kongregazzjoni.—Ġob 7:14; Ġakbu 4:7.
20. Kristjani mnikktin kif jistgħu jiġu mgħejjunin biex iżommu l-bilanċ spiritwali tagħhom?
20 Fil-preżent Kristjan jistaʼ jkun żgur li, b’xi mod jew ieħor, Satana jinsab wara dawn il-ħsibijiet orribbli. Jekk xi wħud fil-kongregazzjoni jsofru b’dan il-mod, ikunu għaqlin jekk iqisu impressjonijiet mentali tal-biżaʼ bħal dawn bħala attentat dirett minn Satana biex itellifhom il-bilanċ spiritwali tagħhom. Dawk jeħtieġu appoġġ Skritturali bil-paċenzja u bil-fehma. Billi jduru lejn Jehovah bit-talb u billi jibbenefikaw minn żjajjar mir-rgħajja spiritwali, dawk li qegħdin iġarrbu niket se jkollhom disponibbli għalihom il-qawwa lil hinn min-normal. (Isaija 32:2; 2 Korintin 4:7, 8) B’hekk ikunu jistgħu jissaportu bil-fedeltà u jirrifjutaw li jħallu ħsibijiet mill-agħar li jindaħlu biex jeffettwaw il-paċi tal-kongregazzjoni. (Ġakbu 3:17, 18) Iva, se jkunu jistgħu jopponu lix-Xitan, billi juru l-istess spirtu li wera Ġesù meta qal: “Mur ’l hemm, Satana!”—Mattew 4:10; Ġakbu 4:7.
21. L-Iskrittura kif twissina dwar il-modi makakki taʼ Satana?
21 Aħna nafu li l-mira taʼ Satana hija li b’xi mod jikkorrompi lill-imħuħ tagħna, bħalma wissa l-appostlu Pawlu fit-2 Korintin 11:3: “Nibżaʼ li b’xi mod, bħalma s-serpent isseduċa lil Eva bil-makakkerija tiegħu, imħuħkom jistgħu jiġu korrotti lil hinn mis-sinċerità u l-kastità li jixirqu lill-Kristu.” Ir-rovina preżenti tal-laħam kollu jew is-soċjetà umana mbiegħda minn Alla, tfakkarna fid-degradazzjoni minsuġa mill-“Uħud Li Jwaqqgħu” ibridi, korrotti u vjolenti taʼ żmien Noè. (Ġenesi 6:4, 12, 13, nota taʼ taħt; Luqa 17:26) M’huwiex sorprendenti, għalhekk, li Satana jirrikorri għal atti makakki u mezzi brikkuni biex jiżvoga r-rabja tiegħu, b’mod speċjali kontra n-nies t’Alla.—1 Pietru 5:8; Rivelazzjoni 12:17.
22. B’Satana mneħħi min-nofs, liema barkiet nistgħu nistennew?
22 Satana lanqas biss jissemma fl-aħħar kapitli tal-ktieb Bibliku taʼ Ġob. L-isfida mill-agħar tiegħu li l-bnedmin ma jistgħux iżommu l-integrità lejn Alla kienet ġiet ipprovata falza bl-integrità taʼ Ġob. Bl-istess mod, fil-futur qarib meta “folla kbira” taʼ wħud li jżommu l-integrità ‘joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira,’ se jkun hemm l-abbissar taʼ Satana. Irġiel u nisa taʼ fidi, inkluż il-leali Ġob, se jingħaqdu maʼ dik il-“folla kbira,” biex igawdu barkiet taʼ ġenna, saħansitra iżjed grandjużi minn dawk li ppremjaw lil Ġob!—Rivelazzjoni 7:9-17; 20:1-3, 11-13; Ġob 14:13. (w95 1/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġna 177, tas-sena 1992.
Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni
◻ Ġob, Ġesù, u Pawlu liema eżempji mill-aħjar taʼ integrità stabbilew?
◻ Uħud li jżommu l-integrità kif iffaċċjaw lil Satana?
◻ Iż-żgħażagħ kif jistgħu jirreżistu l-iskemi makakki taʼ Satana?
◻ X’jistaʼ jsir biex inkampaw mat-tnassis sataniku?
[Stampa f’paġna 21]
Fl-Etjopja, Meswat u Joalan issa jaqdu lil Jehovah “full-time” wara l-eżempju taʼ missierhom, li ġie maqtul
[Stampa f’paġna 21]
Entellia, żagħżugħa li żżomm l-integrità fl-Afrika taʼ Fuq