LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-Sigrieti”
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
    • Ġeħova Hu “Dak li Jirrivela s-​Sigrieti”

      “Tassew li l-​Alla tagħkom hu Alla taʼ l-​allat, Sid is-​slaten, u Dak li jirrivela s-​sigrieti.”​—DAN. 2:47.

      INT KIF TWIEĠEB?

      Ġeħova rrivelalna liema dettalji dwar il-​futur?

      L-​ewwel sitt irjus tal-​bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?

      Liema partijiet tal-​bhima salvaġġa u tax-​xbieha fil-​ħolma taʼ Nebukadnessar ifissru l-​istess affarijiet?

      1, 2. Ġeħova xi rrivelalna, u għala għamel dan?

      EŻATT qabel ma s-​saltna t’Alla teqred lill-​gvernijiet umani kollha, liema minnhom se jkun l-​iktar setgħan? It-​tweġiba nafuha għax Alla Ġeħova hu “Dak li jirrivela s-​sigrieti,” u rrivelahielna f’dak li kiteb il-​profeta Danjel u l-​appostlu Ġwanni.

      2 Ġeħova ta lil Danjel u lil Ġwanni diversi viżjonijiet taʼ bhejjem salvaġġi. Ukoll, lil Danjel spjegalu x’kienet tfisser ħolma profetika dwar xbieha enormi tal-​metall. Ġeħova għamel ċert li dawn ir-​rakkonti jinkitbu u jiġu preservati fil-​Bibbja għall-​ġid tagħna. (Rum. 15:4) Dan għamlu biex isaħħaħ it-​tama tagħna li dalwaqt Saltnatu se tfarrak lill-​gvernijiet umani kollha.—Dan. 2:44.

      3. Biex nifhmu l-​profeziji fil-​Bibbja, xi rridu nifhmu l-​ewwel, u għala?

      3 Il-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni jirrivelaw informazzjoni dwar tmien slaten, jew ħakmiet umani, u juru f’liema ordni kellhom jidhru. Imma dawn il-​profeziji nistgħu nifhmuhom biss jekk nifhmu l-​ewwel profezija fil-​Bibbja. Għala? Għax il-​Bibbja kollha u l-​profeziji kollha li hemm fiha huma konnessi mal-​ewwel profezija.

      IN-​NISEL TAS-​SERP U L-​BHIMA SALVAĠĠA

      4. (a) Min huma ż-​żewġ partijiet tan-​nisel tal-​mara? (b) Dan in-​nisel x’se jagħmel?

      4 Ftit wara r-​ribelljoni fl-​Għeden, Ġeħova wiegħed li “mara” kienet se tipproduċi ‘nisel.’a (Aqra Ġenesi 3:15.) Dan in-​nisel kien eventwalment se jisħaq lil Satana f’rasu. Ġeħova iktar tard irrivela li n-​nisel kellu jkun dixxendent t’Abraham, mill-​ġens t’Iżrael, mit-​tribù taʼ Ġuda, u mill-​familja tas-​Sultan David. (Ġen. 22:15-​18; 49:10; Salm 89:3, 4; Lq. 1:30-​33) Kristu Ġesù hu l-​parti prinċipali tan-​nisel. (Gal. 3:16) Il-​parti sekondarja tan-​nisel hi magħmula mill-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana li huma midlukin bl-​ispirtu. (Gal. 3:26-​29) Flimkien, Ġesù u dawn l-​uħud midlukin jifformaw is-​Saltna t’Alla. Alla se juża lil din is-​Saltna biex jeqred lil Satana.—Lq. 12:32; Rum. 16:20.

      5, 6. (a) Danjel u Ġwanni kemm-​il gvern setgħan jidentifikaw? (b)  Xi jfissru l-​irjus tal-​bhima salvaġġa tar-​Rivelazzjoni?

      5 Din l-​ewwel profezija li ngħatat fl-​Għeden stqarret ukoll li Satana kien se jipproduċi ‘nisel.’ In-​nisel tiegħu kien se jkollu għadwa, jew mibegħda, għan-​nisel tal-​mara. Min jifforma n-​nisel tas-​serp? Dawk kollha li jimitaw il-​mibegħda taʼ Satana għal Alla u li jopponu lill-​poplu t’Alla. Minbarra organizzazzjonijiet reliġjużi u militari, Satana organizza wkoll lil nislu f’bosta gvernijiet, jew saltniet. (Lq. 4:5, 6) Uħud biss minn dawn il-​gvernijiet iġġieldu direttament kontra l-​poplu t’Alla, jiġifieri, kontra l-​ġens t’Iżrael jew il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. Dan jgħinna nifhmu għala l-​viżjonijiet taʼ Danjel u Ġwanni jsemmu biss tmien qawwiet setgħanin avolja kien hemm oħrajn.

      6 Kważi elfejn sena ilu, Ġesù rxoxtat ta lill-​appostlu Ġwanni serje taʼ viżjonijiet impressjonanti ħafna. (Riv. 1:1) F’waħda minnhom, Ġwanni ra lix-​Xitan, rappreżentat bħala dragun, bilwieqfa f’xatt taʼ baħar kbir. (Aqra Rivelazzjoni 13:1, 2.) Ġwanni ra wkoll bhima salvaġġa stramba ħierġa mill-​baħar. Din kellha sebat irjus u ngħatat awtorità kbira mix-​Xitan. Iktar tard, Ġwanni ra bhima lewn l-​iskarlat li wkoll kellha sebat irjus. Din kienet xbieha tal-​bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni 13:1. Anġlu qal lil Ġwanni li s-​sebat irjus tal-​bhima lewn l-​iskarlat ifissru “sebaʼ slaten,” jew gvernijiet. (Riv. 13:14, 15; 17:3, 9, 10) Meta Ġwanni kiteb il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, ħamsa minn dawn kienu waqgħu, wieħed kien qed jaħkem, u l-​ieħor kien “għadu ma wasalx.” X’inhi l-​identità taʼ dawn is-​saltniet, jew qawwiet dinjin? Ejja nikkunsidraw kull waħda mill-​irjus tal-​bhima deskritta fir-​Rivelazzjoni. Ukoll, se nitgħallmu iktar dwar ħafna minn dawn il-​gvernijiet mill-​ktieb taʼ Danjel. Il-​profeziji taʼ Danjel taw dettalji dwar ftit minn dawn il-​gvernijiet mijiet taʼ snin saħansitra qabel ma kienu jeżistu.

      L-​EWWEL ŻEWĠT IRJUS IFISSRU L-​EĠITTU U L-​ASSIRJA

      7. L-​ewwel ras x’tirrappreżenta, u għala?

      7 L-​ewwel ras tal-​bhima tirrappreżenta lill-​Eġittu. Għala? Għax l-​Eġittu kien l-​ewwel qawwa dinjija li wera għadwa lejn il-​poplu t’Alla. Id-​dixxendenti t’Abraham—li minnhom kellu jiġi n-​nisel imwiegħed tal-​mara—kotru fl-​Eġittu. Imbagħad, l-​Eġittu ħaqar lil Iżrael. Satana pprova jġib lill-​poplu t’Alla fix-​xejn qabel ma setaʼ jasal in-​nisel. Kif? Billi qanqal lill-​Fargħun biex joqtol lit-​tfal subien Iżraelin kollha. Imma Ġeħova ma ħalliex dan jiġri lil niesu u ħelishom mill-​Eġittu. (Eżo. 1:15-​20; 14:13) Iktar tard, lill-​Iżraelin tahom l-​Art Imwiegħda.

      8. (a) X’inhi l-​identità tat-​tieni ras? (b) Din xi pprovat tagħmel?

      8 It-​tieni ras tal-​bhima tirrappreżenta lill-​Assirja. Din is-​saltna setgħana wkoll ipprovat telimina lill-​poplu t’Alla. Huwa minnu li Ġeħova uża l-​Assirja biex jikkastiga lis-​saltna b’għaxar tribujiet minħabba l-​idolatrija u r-​ribelljoni tagħhom. Madankollu, l-​Assirja mbagħad attakkat lil Ġerusalemm. Forsi Satana ried jeqred lill-​familja taʼ slaten f’Ġerusalemm għax Ġesù kellu jiġi minn din il-​familja. Dan l-​attakk ma kienx parti mill-​iskop taʼ Ġeħova, u b’mod mirakoluż ħeles lill-​poplu leali tiegħu billi qered lill-​armata Assirjana.—2 Slat. 19:32-​35; Is. 10:5, 6, 12-​15.

      IT-​TIELET RAS TFISSER BABILONJA

      9, 10. (a) Ġeħova x’ħalliehom jagħmlu lill-​Babiloniżi? (b) Sabiex titwettaq il-​profezija, x’kellu jiġri?

      9 It-​tielet ras tal-​bhima li ra Ġwanni tirrappreżenta lis-​saltna li Babilonja kienet il-​belt kapitali tagħha. Ġeħova ħalla lill-​Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu lill-​poplu tiegħu fil-​jasar. Iżda qabel ma ppermetta din l-​umiljazzjoni, Ġeħova wissa lill-​Iżraelin ribellużi li kienu se jintlaqtu minn traġedja bħal din. (2 Slat. 20:16-​18) Ġeħova qal ukoll lill-​Iżraelin li ma kienx se jibqaʼ jħalli lis-​slaten tagħhom joqogħdu fuq “it-​tron” tiegħu f’Ġerusalemm. (1 Kron. 29:23) Madankollu, Ġeħova wiegħed li dixxendent tas-​Sultan David, wieħed li kellu “d-​dritt legali,” kien se jmur u jieħu lura din l-​awtorità.—Eżek. 21:25-​27.

      10 Profezija oħra indikat li l-​Lhud kienu se jkunu għadhom qed iqimu fit-​tempju f’Ġerusalemm meta jasal il-​Messija mwiegħed, jew il-​Midluk. (Dan. 9:24-​27) U qabel ma l-​Iżraelin kienu priġunieri f’Babilonja, profezija oħra qalet li l-​Messija kien se jitwieled f’Betlehem. (Mik. 5:2) Biex dawn il-​profeziji jitwettqu, il-​Lhud kellhom jinħelsu mill-​jasar, imorru lura art twelidhom, u jerġgħu jibnu t-​tempju. Imma ma kinitx id-​drawwa tal-​Babiloniżi li jeħilsu lill-​priġunieri tagħhom. Kif kienet se tingħeleb din l-​isfida? Ġeħova rrivela t-​tweġiba lill-​profeti tiegħu.—Għam. 3:7.

      11. L-​Imperu Babiloniż hu rappreżentat b’liema modi differenti? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

      11 Il-​profeta Danjel kien fost il-​priġunieri li ttieħdu Babilonja. (Dan. 1:1-​6) Ġeħova rrivela lil Danjel li wara Babilonja kien se jkun hemm qawwiet dinjin oħrajn li kellhom jiġu waħda wara l-​oħra. Ġeħova għarraf dawn is-​sigrieti billi uża għadd taʼ simboli differenti. Pereżempju, lis-​Sultan Nebukadnessar taʼ Babilonja tah ħolma dwar xbieha enormi li kienet magħmula minn metalli differenti. (Aqra Danjel 2:1, 19, 31-​38.) Permezz taʼ Danjel, Ġeħova rrivela li r-​ras tad-​deheb tax-​xbieha ssimbolizzat l-​Imperu Babiloniż.b Il-​qawwa dinjija wara Babilonja hi rappreżentata mis-​sider u d-​dirgħajn tal-​fidda. X’kienet se tkun din il-​qawwa, u kif kienet se tittratta lill-​poplu t’Alla?

      IR-​RABAʼ RAS TFISSER IL-​MEDO-​PERSJA

      12, 13. (a) Ġeħova xi rrivela dwar il-​qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja? (b) Il-​Medo-​Persja għala b’mod xieraq hi rappreżentata mir-​rabaʼ ras tal-​bhima salvaġġa?

      12 Iktar minn seklu qabel żmien Danjel, permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova rrivela dettalji dwar il-​qawwa dinjija li kienet se tegħleb lil Babilonja. Ġeħova ma għarrafx biss b’liema mod kienet se tintrebaħ il-​belt taʼ Babilonja imma wkoll ta l-​isem taʼ min kien se jegħlibha. Dan il-​mexxej kien Ċiru l-​Persjan. (Is. 44:28–45:2) Danjel ingħata żewġ viżjonijiet oħrajn dwar il-​Qawwa Dinjija Medo-​Persjana. F’waħda minnhom, is-​saltna kienet deskritta bħal ors li fuq ġenb wieħed kien merfugħ ’il fuq. Intqallu biex ‘jiekol ħafna laħam.’ (Dan. 7:5) F’viżjoni oħra, Danjel ra lil din il-​qawwa dinjija simbolizzata minn muntun b’żewġt iqrun.—Dan. 8:3, 20.

      13 Ġeħova uża l-​Medo-​Persja biex tegħleb lil Babilonja u tħalli lill-​Iżraelin imorru lura f’arthom, eżatt bħalma kien bassar. (2 Kron. 36:22, 23) Imma iktar tard, il-​Medo-​Persja pprovat teqred lill-​poplu t’Alla. Fil-​ktieb Bibliku t’Ester naqraw li Ħaman, uffiċjal importanti ferm tal-​Persja, ried joqtol lil-​Lhud kollha li kienu jgħixu f’din is-​saltna kbira. Ħaman qal lin-​nies madwar l-​imperu kollu biex joqtlu lil-​Lhud kollha f’ġurnata magħżula minnu. Madankollu, Ġeħova għal darb’oħra pproteġa lill-​poplu tiegħu mill-​mibegħda tan-​nisel taʼ Satana. (Est. 1:1-​3; 3:8, 9; 8:3, 9-​14) Għalhekk, il-​Medo-​Persja b’mod xieraq hi rappreżentata mir-​rabaʼ ras tal-​bhima tar-​Rivelazzjoni.

      IL-​ĦAMES RAS TFISSER IL-​GREĊJA

      14, 15. Ġeħova liema dettalji jirrivela dwar l-​Imperu Grieg tal-​qedem?

      14 Il-​ħames ras tal-​bhima salvaġġa tar-​Rivelazzjoni tirrappreżenta lill-​Greċja. Bħalma kien irrivela Danjel iktar qabel meta interpreta l-​ħolma taʼ Nebukadnessar, din l-​istess qawwa hi simbolizzata miż-​żaqq u l-​koxxtejn tar-​ram aħmar tax-​xbieha. Danjel ingħata wkoll żewġ viżjonijiet li jipprovdu dettalji tal-​għaġeb kemm dwar is-​saltna tal-​Greċja kif ukoll dwar l-​akbar ħakkiem tagħha.

      15 F’viżjoni minnhom, Danjel ra lill-​Greċja rappreżentata minn leopard b’erbaʼ ġwienaħ, u dan indika li dan l-​imperu kien se jegħleb nazzjonijiet oħrajn malajr ħafna. (Dan. 7:6) F’viżjoni oħra, Danjel iddeskriva kif bodbod b’qarn wieħed prominenti malajr joqtol muntun b’żewġt iqrun, il-​Medo-​Persja. Ġeħova qal lil Danjel li l-​bodbod irrappreżenta lill-​Greċja u l-​qarn il-​kbir irrappreżenta wieħed mis-​slaten tagħha. Danjel kiteb ukoll li l-​qarn il-​kbir kien se jinkiser u erbat iqrun iżgħar kienu se jikbru floku. Avolja din il-​profezija nkitbet mijiet taʼ snin qabel ma l-​Greċja saret dominanti, kull dettall seħħ. Alessandru l-​Kbir, l-​iktar sultan prominenti tal-​Greċja tal-​qedem, mexxa lill-​armata Griega kontra l-​Medo-​Persja. Però, dan il-​qarn ma damx ma nkiser għax fl-​età taʼ 32 sena biss is-​sultan kbir miet fl-​aqwa tal-​poter tiegħu. Imbagħad, is-​saltna tiegħu eventwalment inqasmet bejn erbgħa mill-​ġenerali tiegħu.—Aqra Danjel 8:20-​22.

      16. X’għamel Antijoku IV?

      16 Wara li għelbet lill-​Persja, il-​Greċja ħakmet fuq Iżrael. Sadanittant, il-​Lhud kienu reġgħu ssetiljaw fl-​Art Imwiegħda u kienu reġgħu bnew it-​tempju f’Ġerusalemm. Kienu għadhom il-​poplu magħżul t’Alla, u t-​tempju mibni mill-​ġdid kien għadu ċ-​ċentru għall-​qima vera. Madankollu, fit-​tieni seklu Q.E.K., il-​Greċja, il-​ħames ras tal-​bhima salvaġġa, attakkat lill-​poplu t’Alla. Antijoku IV, wieħed mill-​werrieta tal-​imperu maqsum t’Alessandru, poġġa artal pagan fit-​tempju f’Ġerusalemm u qal li dawk li pprattikaw ir-​reliġjon tal-​Lhud kellhom jiġu kastigati bil-​mewt. X’att taʼ mibegħda minn parti min-​nisel taʼ Satana! Iżda qawwa dinjija oħra ma damitx ma ħadet post il-​Greċja. X’kien se jkun is-​sitt ras tal-​bhima salvaġġa?

      IS-​SITT RAS TFISSER RUMA, LI KIENET “TAL-​BIŻAʼ U TERRIBBLI”

      17. Is-​sitt ras kellha liema rwol importanti fit-​twettiq taʼ Ġenesi 3:15?

      17 Ruma kienet il-​qawwa dinjija meta Ġwanni ngħata l-​viżjoni tal-​bhima salvaġġa. (Riv. 17:10) Din is-​sitt ras kellha rwol importanti fit-​twettiq tal-​profezija mniżżla f’​Ġenesi 3:15. Satana uża uffiċjali Rumani biex jisħqu lin-​nisel fl-​‘għarqub.’ Ir-​Rumani ttrattaw lil Ġesù bħala ribell li ġġieled kontra l-​gvern tagħhom, iġġudikawh, u qatluh. (Mt. 27:26) Imma din il-​ferita ma damitx ma fieqet għax Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-​mewt.

      18. (a) Ġeħova għażel liema ġens ġdid, u għala? (b) In-​nisel tas-​serp kif baqaʼ juri mibegħda lejn in-​nisel tal-​mara?

      18 Il-​mexxejja reliġjużi t’Iżrael ikkonfoffaw maʼ Ruma kontra Ġesù, u l-​biċċa l-​kbira mill-​ġens ukoll ċaħduh. B’hekk, Ġeħova ċaħad lil Iżrael naturali milli jkun il-​poplu tiegħu. (Mt. 23:38; Atti 2:22, 23) Issa hu għażel ġens ġdid, “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 3:26-​29; 6:16) Dan il-​ġens kien il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin magħmula kemm minn Lhud kif ukoll minn Ġentili. (Efes. 2:11-​18) Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, in-​nisel tas-​serp baqaʼ juri mibegħda lejn in-​nisel tal-​mara. Iktar minn darba, Ruma pprovat iġġibha fix-​xejn lill-​kongregazzjoni Kristjana, il-​parti sekondarja tan-​nisel.c

      19. (a) Danjel kif jiddeskrivi s-​sitt qawwa dinjija? (b) L-​artiklu f’paġna 14 se jwieġeb liema mistoqsijiet?

      19 Fil-​ħolma li Danjel interpreta għal Nebukadnessar, Ruma hi rappreżentata mir-​riġlejn tal-​ħadid. (Dan. 2:33) Danjel ra wkoll viżjoni li tiddeskrivi tajjeb mhux biss l-​Imperu Ruman imma wkoll il-​qawwa dinjija li jmiss li kienet se toħroġ minn Ruma. (Aqra Danjel 7:7, 8.) Għal mijiet taʼ snin, Ruma kienet bħal bhima “tal-​biżaʼ u terribbli u b’saħħitha iktar mis-​soltu.” Madankollu, il-​profezija bassret li “għaxart iqrun” kienu se jikbru minn dan l-​imperu u wieħed b’mod partikulari kien se jikseb prominenza. X’inhuma dawn l-​għaxart iqrun, u x’inhi l-​identità tal-​qarn żgħir? Il-​qarn żgħir b’liema mod jaqbel mad-​deskrizzjoni tax-​xbieha enormi li ra Nebukadnessar? L-​artiklu f’paġna 14 se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

      [Noti ta’ taħt]

      a Din il-​mara tfisser il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova fis-​sema li huma bħal mara għalih.​—Is. 54:1; Gal. 4:26; Riv. 12:1, 2.

      b Ir-​ras tax-​xbieha fil-​ktieb taʼ Danjel u t-​tielet ras tal-​bhima salvaġġa fir-​Rivelazzjoni t-​tnejn ifissru Babilonja. Ara t-​tabella f’paġni 12-​13.

      c Sakemm Ruma qerdet lil Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., Iżrael ma kienx għadu l-​ġens magħżul t’Alla. Għaldaqstant, il-​qerda taʼ Ġerusalemm ma kinitx attakk fuq in-​nisel tal-​mara u ma kinitx qed twettaq Ġenesi 3:15.

  • Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
    • Ġeħova Jirrivela “Dak li Jrid Iseħħ Dalwaqt”

      “Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-​ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt.”​—RIV. 1:1.

      INT KIF TWIEĠEB?

      Liema partijiet tax-​xbieha enormi jissimbolizzaw il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana?

      Liema parti mill-​viżjoni taʼ Ġwanni turi li l-​Ġnus Magħquda tikseb il-​poter tagħha mill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana?

      Danjel u Ġwanni kif juru li l-​gvernijiet kollha tad-​dinja se jinqerdu?

      1, 2. (a) X’nistgħu nifhmu meta nqabblu l-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni? (b) L-​ewwel sitt irjus tal-​bhima salvaġġa x’jirrappreżentaw?

      META nqabblu l-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni, nifhmu ħafna affarijiet li qed iseħħu fid-​dinja llum u dak li se jseħħ fil-​futur. X’nistgħu nitgħallmu mill-​viżjoni taʼ Ġwanni tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus, mill-​viżjoni taʼ Danjel tal-​bhima b’għaxart iqrun, u minn dak li qal Danjel dwar ix-​xbieha enormi fil-​ħolma taʼ Nebukadnessar? U dawn il-​profeziji x’għandhom iqanqluna nagħmlu?

      2 Ejja nikkunsidraw il-​viżjoni taʼ Ġwanni tal-​bhima salvaġġa. (Riv., kap. 13) Bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel, l-​ewwel sitt irjus tal-​bhima jirrappreżentaw lill-​Eġittu, l-​Assirja, Babilonja, il-​Medo-​Persja, il-​Greċja, u Ruma. Dawn kollha wrew mibegħda lejn in-​nisel tal-​mara. (Ġen. 3:15) Meta Ġwanni kiteb dwar il-​viżjoni tiegħu, Ruma kienet il-​qawwa dinjija. Din baqgħet b’saħħitha għal mijiet taʼ snin wara dan. Maż-​żmien, is-​sebaʼ ras kienet se tieħu post Ruma. Liema qawwa dinjija politika kienet din, u kif kienet se tittratta lin-​nisel tal-​mara?

      IL-​BRITANNJA U L-​ISTATI UNITI JIKSBU L-​POTER

      3. (a) Il-​bhima tal-​biżaʼ b’għaxart iqrun x’tirrappreżenta? (b) Xi jfissru l-​għaxart iqrun?

      3 Nistgħu nidentifikaw is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa taʼ Rivelazzjoni kapitlu 13 billi nqabblu l-​viżjoni taʼ Ġwanni mal-​viżjoni taʼ Danjel tal-​bhima tal-​biżaʼ b’għaxart iqrun.a (Aqra Danjel 7:7, 8, 23, 24.) Il-​bhima li ra Danjel irrappreżentat lill-​Qawwa Dinjija Rumana. (Ara t-​tabella f’paġni 12-​13.) Fil-​ħames seklu, l-​Imperu Ruman beda jinqasam f’saltniet iżgħar. L-​għaxart iqrun tal-​bhima li ra Danjel ifissru s-​saltniet li ħarġu mill-​Imperu Ruman.

      4, 5. (a) Il-​qarn żgħir x’għamel? (b) X’inhi l-​identità tas-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa?

      4 Fil-​profezija taʼ Danjel tal-​bhima b’għaxart iqrun, qarn ieħor, wieħed żgħir, jitlaʼ u jieħu post tlieta mill-​għaxart iqrun. Dan kif seħħ? Il-​Britannja kienet parti żgħira mill-​Imperu Ruman, imma iktar tard saret saltna. Spanja, l-​Olanda, u Franza kienu wkoll parti mill-​Imperu Ruman. Sas-​seklu 17, dawn kienu saltniet ħafna iktar importanti milli kienet il-​Britannja. Imma l-​Britannja ġġieldet kontrihom wieħed wieħed u saret iktar importanti minnhom. Matul is-​seklu 18, il-​Britannja kienet qed issir l-​iktar saltna setgħana fid-​dinja. Imma ma kinitx għadha saret is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa.

      5 Għalkemm il-​Britannja saret l-​iktar saltna setgħana, il-​kolonji tagħha fl-​Amerika taʼ Fuq irribellaw u saru l-​Istati Uniti. Il-​Britannja ma waqqfitx lill-​Istati Uniti milli ssir pajjiż b’saħħtu u saħansitra pproteġietha bil-​flotta Britannika (British Navy). Fl-​1914, meta beda jum il-​Mulej, il-​Britannja kienet l-​akbar imperu li qatt eżista u l-​Istati Uniti kellha l-​iktar industriji b’saħħithom fid-​dinja.b Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istati Uniti żviluppat sħubija speċjali mal-​Britannja. Is-​sebaʼ ras tal-​bhima issa kienet ħarġet bħala l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Din ir-​ras kif ittrattat lin-​nisel tal-​mara?

      6. Is-​sebaʼ ras kif ittrattat lill-​poplu t’Alla?

      6 Ftit wara l-​bidu taʼ jum il-​Mulej, is-​sebaʼ ras fetħet attakk fuq il-​poplu t’Alla—dawk minn ħut Kristu li kienu għadhom fuq l-​art. (Mt. 25:40) Ġesù indika li matul il-​preżenza tiegħu, fdal tan-​nisel kien se jkun attiv fuq l-​art. (Mt. 24:45-​47; Gal. 3:26-​29) Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana ggwerrat kontra dawn il-​qaddisin. (Riv. 13:3, 7) Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, din ippersegwitat lill-​poplu t’Alla, ipprojbiet ftit mill-​pubblikazzjonijiet tagħhom, u tefgħet lil rappreżentanti tal-​klassi tal-​ilsir leali l-​ħabs. Dan kważi waqqaf, jew qatel, ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom. F’viżjoni, Ġeħova qal lil Ġwanni li dan kien se jiġri. Imma Alla qallu wkoll li dawn il-​qaddisin li kienu parti min-​nisel tal-​mara kienu se jerġgħu jibdew ix-​xogħol tal-​ippritkar, jew jerġgħu jieħdu l-​ħajja. (Riv. 11:3, 7-​11) L-​istorja tal-​qaddejja taʼ Ġeħova fi żmienna tikkonferma li dawn il-​ġrajjiet seħħew.

      IL-​QAWWA DINJIJA ANGLO-​AMERIKANA U S-​SAQAJN TAL-​ĦADID U T-​TAFAL

      7. X’inhi r-​relazzjoni bejn is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa u x-​xbieha enormi?

      7 X’inhi r-​relazzjoni bejn is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa u x-​xbieha enormi? Il-​Britannja ħarġet mill-​Imperu Ruman. U peress li l-​Istati Uniti ħarġet mill-​Britannja, nistgħu ngħidu li, b’mod indirett, l-​Istati Uniti wkoll ħarġet minn Ruma. Iżda xi ngħidu dwar is-​saqajn tax-​xbieha? Huma deskritti bħala taħlita taʼ ħadid u tafal. (Aqra Danjel 2:41-​43.) Din id-​deskrizzjoni tas-​saqajn qed titkellem dwar l-​istess ġrajja taʼ meta tidher is-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa. Dan hu ż-​żmien meta kellha tqum il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Sewwasew bħalma xi ħaġa magħmula mill-​ħadid imħallat bit-​tafal hi iktar dgħajfa minn xi ħaġa magħmula minn ħadid waħdu, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana hi iktar dgħajfa mill-​qawwa li ħarġet minnha. X’għamel lill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana iktar dgħajfa?

      8, 9. (a) Is-​sebaʼ qawwa dinjija kif uriet qawwa bħall-​ħadid? (b) Xi jfisser it-​tafal fis-​saqajn tax-​xbieha?

      8 Xi drabi, is-​sebaʼ ras tal-​bhima wriet karatteristiki bħall-​ħadid. Pereżempju, tat prova tal-​qawwa tagħha billi rebħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​qawwa tas-​sebaʼ ras li kienet bħall-​ħadid kienet evidenti wkoll.c Wara din il-​gwerra, is-​sebaʼ ras kultant xorta wriet karatteristiki bħall-​ħadid. Madankollu, minn kmieni, dan il-​ħadid tħallat mat-​tafal.

      9 Għal żmien twil, il-​qaddejja taʼ Ġeħova riedu jifhmu xi jfissru s-​saqajn tax-​xbieha. Danjel 2:41 juri li s-​saqajn magħmulin mill-​ħadid imħallat bit-​tafal huma “saltna” waħda, mhux ħafna. Allura nistgħu nifhmu li t-​tafal ifisser li xi ħaġa fil-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana tagħmilha iktar dgħajfa mill-​Imperu Ruman, li kien deskritt bħala riġlejn magħmulin minn ħadid waħdu. Il-​profezija taʼ Danjel tgħid li t-​tafal ifisser “ulied il-​bnedmin,” jew in-​nies komuni. (Dan. 2:43) In-​nies dgħajfu l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana meta ġġieldu għal drittijiet ċivili, biex ikollhom iktar drittijiet fuq il-​post tax-​xogħol, u saħansitra biex isiru nazzjonijiet indipendenti. In-​nies komuni jagħmluha diffiċli għal din il-​qawwa dinjija biex tkun b’saħħitha bħall-​ħadid. In-​nies għandhom ideat politiċi differenti. U meta xi mexxej jirbaħ elezzjoni bi ftit voti biss, ma jkollux biżżejjed awtorità biex iwettaq dak li jkun wiegħed. Danjel qal: “Is-​saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa.”—Dan. 2:42; 2 Tim. 3:1-​3.

      10, 11. (a) X’se jiġri lis-​“saqajn” tax-​xbieha? (b) X’nistgħu nikkonkludu dwar in-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn?

      10 Fi żmienna, il-​Britannja u l-​Istati Uniti għad għandhom sħubija speċjali. Spiss jikkooperaw maʼ xulxin fi kwistjonijiet importanti. Fil-​profezija dwar ix-​xbieha enormi, is-​saqajn huma l-​aħħar parti tax-​xbieha. Fil-​profezija dwar il-​bhima salvaġġa, is-​sebaʼ ras hi l-​aħħar ras. Dan ifisser li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana mhix se tiġi sostitwita minn qawwa dinjija oħra. U avolja mhix b’saħħitha daqs Ruma, ir-​riġlejn tal-​ħadid, mhix se tintemm waħedha.

      11 Għandu xi tifsir speċjali n-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn tax-​xbieha? Ikkunsidra dan: F’viżjonijiet oħrajn, Danjel isemmi numri speċifiċi—pereżempju, in-​numru taʼ qrun fuq l-​irjus taʼ diversi bhejjem. Dawn in-​numri huma sinifikanti. Madankollu, meta Danjel jiddeskrivi x-​xbieha, ma jsemmix in-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn. Għalhekk, jidher li n-​numru taʼ swabaʼ tas-​saqajn mhuwiex importanti, sewwasew bħalma mhuwiex importanti n-​numru taʼ dirgħajn, idejn, swabaʼ tal-​id, riġlejn, jew saqajn tax-​xbieha. Danjel isemmi speċifikament li s-​swabaʼ tas-​saqajn kienu se jkunu magħmulin mill-​ħadid u t-​tafal. Mid-​deskrizzjoni tiegħu, aħna nistgħu nikkonkludu li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana se tkun il-​qawwa dinjija meta l-​“ġebla,” li tfisser is-​Saltna t’Alla, tolqot saqajn ix-​xbieha.​—Dan. 2:45.

      L-​ANGLO-​AMERIKA U L-​BHIMA SALVAĠĠA B’ŻEWĠT IQRUN

      12, 13. X’tirrappreżenta l-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun, u x’tagħmel?

      12 Għalkemm il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana hi taħlita taʼ ħadid u tafal, il-​viżjonijiet li Ġesù ta lil Ġwanni juru li din il-​qawwa kien se jkompli jkollha rwol fundamentali matul l-​aħħar jiem. B’liema mod? Ġwanni ra viżjoni taʼ bhima salvaġġa b’żewġt iqrun li tkellmet bħal dragun. X’tirrappreżenta din il-​bhima stramba? Il-​fatt li għandha żewġt iqrun ifisser li hi żewġ gvernijiet imseħbin. Din il-​bhima tfisser ukoll il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana, imma issa tagħmel xi ħaġa speċjali.​—Aqra Rivelazzjoni 13:11-​15.

      13 Din il-​bhima salvaġġa “tgħid” lin-​nies biex jagħmlu xbieha tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus. Ġwanni kiteb li x-​xbieha tal-​bhima kienet se tidher, tgħib, u mbagħad terġaʼ tqum. Dan hu eżattament dak li ġara lil organizzazzjoni appoġġata mill-​Britannja u l-​Istati Uniti, waħda li suppost kienet se tgħaqqad u tirrappreżenta lis-​saltniet tad-​dinja.d Din l-​organizzazzjoni dehret wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija u kienet magħrufa bħala l-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Din sparixxiet meta bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija. Matul din il-​gwerra, il-​poplu t’Alla ddikjara li skont il-​profezija fir-​Rivelazzjoni, ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa kienet se terġaʼ tqum. U hekk għamlet—bħala l-​Ġnus Magħquda.​—Riv. 17:8.

      14. Ix-​xbieha tal-​bhima salvaġġa f’liema sens hi t-​“tmien” sultan?

      14 Ġwanni ddeskriva x-​xbieha tal-​bhima bħala t-​“tmien” sultan. F’liema sens? Mhijiex deskritta bħala t-​tmien ras tal-​bhima salvaġġa oriġinali. Hija biss xbieha taʼ dik il-​bhima. Il-​qawwa taʼ din ix-​xbieha tiġi min-​nazzjonijiet li huma membri tal-​Ġnus Magħquda, speċjalment mill-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. (Riv. 17:10, 11) Imma tingħata awtorità biex taġixxi bħal sultan ħalli twettaq inkarigu speċifiku, wieħed li jagħti bidu għal sensiela taʼ ġrajjiet li se jeffettwaw lid-​dinja kollha.

      IX-​XBIEHA TAL-​BHIMA TEQRED LILL-​PROSTITUTA

      15, 16. (a) X’tissimbolizza l-​prostituta? (b) X’qed jiġrilha r-​reliġjon illum?

      15 Ġwanni ddeskriva wkoll prostituta riekba fuq bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat. Din il-​bhima hi l-​istess bħax-​xbieha tal-​bhima salvaġġa b’sebat irjus. Il-​prostituta jisimha “Babilonja l-​Kbira.” (Riv. 17:1-​6) Din il-​prostituta b’mod xieraq tirrappreżenta lir-​reliġjon falza kollha, u fuq quddiem nett hemm il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Ir-​reliġjonijiet foloz appoġġaw pubblikament lix-​xbieha tal-​bhima, jiġifieri, il-​Lega tan-​Nazzjonijiet u l-​Ġnus Magħquda, u pprovaw jidderieġu lil dawn l-​organizzazzjonijiet.

      16 Madankollu, matul jum il-​Mulej, Babilonja l-​Kbira rat l-​ilmijiet, in-​nies li jappoġġawha, jinxfu b’mod drammatiku. (Riv. 16:12; 17:15) Pereżempju, l-​ewwel darba li dehret ix-​xbieha tal-​bhima, il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu—parti minn Babilonja l-​Kbira li għandha influwenza qawwija—kellhom ħafna poter fil-​biċċa l-​kbira mill-​pajjiżi tal-​Punent. Illum, il-​knejjes u l-​ministri tagħhom tilfu r-​rispett u l-​appoġġ taʼ bosta nies. Ħafna saħansitra jemmnu li r-​reliġjon hi l-​kaġun tal-​problemi fid-​dinja. Oħrajn jgħidu bil-​miftuħ li d-​dinja għandha teħles mir-​reliġjonijiet kollha.

      17. (a) Ir-​reliġjon falza x’se jiġrilha dalwaqt? (b) Dan għala se jiġri?

      17 Ir-​reliġjon falza mhix se titlef il-​poter tagħha bil-​mod il-​mod u mbagħad tgħib. Il-​prostituta se jibqaʼ jkollha l-​qawwa u tipprova ġġiegħel lis-​slaten jagħmlu dak li trid hi. Imma Alla dalwaqt se ‘jdaħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-​ħsieb tiegħu.’ (Aqra Rivelazzjoni 17:16, 17.) Ġeħova se jġiegħel lill-​gvernijiet tas-​sistema taʼ Satana, rappreżentati mill-​Ġnus Magħquda, biex jattakkaw lir-​reliġjon falza. Il-​prostituta mhix se jirnexxilha tkompli tikkontrolla lil dawn il-​gvernijiet, u se titlef l-​għana kollu tagħha. Għoxrin jew tletin sena ilu, il-​biċċa l-​kbira min-​nies kienu jaħsbu li r-​reliġjon dejjem se tkun rispettata u b’saħħitha. Issa dan qed jibda jinbidel. Imma l-​prostituta mhux se titlef il-​poter tagħha bil-​mod il-​mod. Se tinqered f’daqqa waħda.​—Riv. 18:7, 8, 15-​19.

      IL-​BHEJJEM JINQERDU

      18. (a) X’se tagħmel il-​bhima salvaġġa, u b’liema riżultat? (b) Danjel 2:44 jirreferi għas-​Saltna t’Alla bħala li teqred liema saltniet? (Ara l-​kaxxa f’paġna 17.)

      18 Wara li tinqered ir-​reliġjon falza, il-​bhima salvaġġa, il-​gvernijiet taʼ Satana fuq l-​art, se tattakka lis-​Saltna t’Alla. Is-​slaten tal-​art mhux se jkunu jistgħu jattakkaw lis-​Saltna t’Alla fis-​sema, u allura se jipprovaw jiġġieldu kontra dawk fuq l-​art li jappoġġawha. Dan jirriżulta f’battalja finali m’Alla. (Riv. 16:13-​16; 17:12-​14) Danjel jiddeskrivi aspett wieħed minn din il-​battalja finali. (Aqra Danjel 2:44.) Il-​bhima salvaġġa msemmija f’​Rivelazzjoni 13:1, ix-​xbieha tagħha, u l-​bhima salvaġġa b’żewġt iqrun se jinqerdu.

      19. Liema fiduċja jistaʼ jkollna, u x’għandna nagħmlu issa?

      19 Aħna qed ngħixu fi żmien is-​sebaʼ ras. Mhux se jidhru iktar irjus fuq din il-​bhima qabel ma tinqered. Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana se tkun għadha l-​qawwa dinjija meta tinqered ir-​reliġjon falza. Il-​profeziji taʼ Danjel u Ġwanni twettqu sal-​iċken dettall. Nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​qerda tar-​reliġjon falza u l-​battalja t’Armageddon dalwaqt se jseħħu. Alla rrivela dawn id-​dettalji bil-​quddiem. Se nagħtu kashom aħna t-​twissijiet profetiċi? (2 Pt. 1:19) Issa huwa ż-​żmien li nieħdu waqfa fuq in-​naħa taʼ Ġeħova u li nappoġġaw lis-​Saltna tiegħu.​—Riv. 14:6, 7.

      [Noti ta’ taħt]

      a Fil-​Bibbja, in-​numru għaxra spiss jissimbolizza grupp sħiħ—f’dan il-​każ, is-​saltniet kollha li ħarġu mill-​Imperu Ruman.

      b Kemm l-​Imperu Britanniku kif ukoll l-​Istati Uniti eżistew mis-​seklu 18 ’il quddiem. Imma l-​viżjoni li ra Ġwanni turi li fil-​bidu taʼ jum il-​Mulej, huma kienu se jkunu qawwa dinjija waħda. Il-​viżjonijiet fir-​Rivelazzjoni kienu profeziji dwar “jum il-​Mulej.” (Riv. 1:10) Kien matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija li l-​Britannja u l-​Istati Uniti bdew jaħdmu flimkien bħala qawwa dinjija waħda.

      c Sewwasew bħalma bassar Danjel, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kkaġunat rovina kbira. (Dan. 8:24) Pereżempju, l-​Istati Uniti tefgħet żewġ bombi atomiċi fuq għadu tal-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Dawn il-​bombi kkaġunaw rovina b’mod ġdid u terribbli.

      d Ara l-​ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 240, 241, 253.

      [Kaxxa f’paġna 17]

      “DAWN IS-​SALTNIET KOLLHA” LIL MIN JINKLUDU?

      Il-​profezija f’​Danjel 2:44 tgħid li s-​Saltna t’Alla “se tfarrak u ttemm dawn is-​saltniet kollha.” Din il-​profezija tirreferi biss għas-​saltniet li huma parti mix-​xbieha.

      Xi ngħidu għall-​gvernijiet umani l-​oħrajn kollha? Il-​profezija fir-​Rivelazzjoni li hi dwar l-​istess suġġett tgħidilna iktar. Turi li “s-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jkunu miġburin kontra Ġeħova fil-​“jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Riv. 16:14; 19:19-​21) Għaldaqstant, mhux biss is-​saltniet tax-​xbieha imma wkoll il-​gvernijiet umani l-​oħrajn kollha se jinqerdu f’Armageddon.

  • Tmien Slaten Jiġu Rivelati
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
    • Tmien Slaten Jiġu Rivelati

      Il-​profeziji fil-​ktieb taʼ Danjel u fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jirrivelaw informazzjoni dwar tmien slaten, jew ħakmiet umani, u l-​ordni li dawn kienu se jidhru fih. Nistgħu nifhmu dawn il-​profeziji jekk nifhmu l-​ewwel profezija fil-​Bibbja.

      Matul l-​istorja, Satana organizza lil nislu f’bosta gvernijiet, jew saltniet. (Lq. 4:5, 6) Uħud minn dawn il-​gvernijiet iġġieldu direttament kontra l-​poplu t’Alla, jiġifieri, kontra l-​ġens t’Iżrael jew kontra l-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin. Il-​viżjonijiet taʼ Danjel u Ġwanni jiddeskrivu tmienja biss minn dawn il-​gvernijiet setgħanin.

      [Tabella/Stampi f’paġni 12, 13]

      (Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

      PROFEZIJI PROFEZIJI

      FIL-​KTIEB TAʼ DANJEL FIL-​KTIEB TAR-​

      RIVELAZZJONI

      1. L-​Eġittu

      2. L-​Assirja

      3. Babilonja

      4. Il-​Medo-

      Persja

      5. Il-​Greċja

      6. Ruma

      7. Il-​Britannja u

      l-​Istati Uniti tal-​Amerika*

      8. Il-​Lega tan-​Nazzjonijiet

      u l-​Ġnus Magħqudaa

      IL-​POPLU T’ALLA

      2000 Q.E.K.

      Abraham

      1500

      Il-​ġens t’Iżrael

      1000

      Danjel 500

      Q.E.K./E.K.

      Ġwanni

      L-​Iżrael t’Alla 500

      1000

      1500

      2000 E.K.

      [Nota ta’ taħt]

      a Matul iż-​żmien tat-​tmiem, iż-​żewġ slaten jeżistu. Ara paġna 19.

      [Stampi]

      Ix-​xbieha enormi (Dan. 2:31-​45)

      Erbaʼ bhejjem telgħin mill-​baħar (Dan. 7:3-​8, 17, 25)

      Il-​muntun u l-​bodbod (Dan., kap. 8)

      Il-​bhima salvaġġa b’sebat irjus (Riv. 13:1-​10, 16-​18)

      Il-​bhima b’żewġt iqrun tħeġġeġ lin-​nies jagħmlu xbieha tal-​bhima salvaġġa (Riv. 13:11-​15)

      [Sorsi]

      Krettu għar-​ritratti: Eġittu u Ruma: Photograph taken by courtesy of the British Museum; Il-​Medo-​Persja: Musée du Louvre, Paris

  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa—2012 | Ġunju 15
    • Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

      Il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana meta saret is-​sebaʼ qawwa dinjija deskritta fil-​Bibbja?

      ▪ Ix-​xbieha enormi tal-​metall li ra s-​Sultan Nebukadnessar ma tirrappreżentax il-​qawwiet dinjin kollha li qatt eżistew. (Dan. 2:31-​45) Ix-​xbieha inkludiet biss il-​ħames qawwiet dinjin li ġġieldu kontra l-​poplu t’Alla matul iż-​żmien taʼ Danjel u wara.

      Mill-​mod kif Danjel iddeskriva x-​xbieha tal-​metall nistgħu nitgħallmu li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kienet se toħroġ minn Ruma, u mhux tegħleb lil Ruma. Danjel qal li l-​ħadid jibda fir-​riġlejn u jkompli sas-​saqajn u s-​swabaʼ tas-​saqajn. (Fis-​saqajn u fis-​swabaʼ tas-​saqajn, il-​ħadid hu mħallat bit-​tafal.)a Dan kien ifisser li l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana kellha toħroġ minn Ruma, jiġifieri, ir-​riġlejn tal-​ħadid. Dan hu eżattament dak li ġara. Il-​Britannja kienet parti żgħira mill-​Imperu Ruman, imma bdiet issir saltna b’saħħitha lejn l-​aħħar tas-​seklu 18. Iktar tard, l-​Istati Uniti tal-​Amerika saret nazzjon b’saħħtu. Imma l-​Britannja u l-​Istati Uniti ma kinux għadhom saru s-​sebaʼ qawwa dinjija deskritta fil-​Bibbja. Għala le? Għax ma kinux għadhom bdew jaħdmu flimkien b’mod speċjali. Dan seħħ matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija.

      Sa dak iż-​żmien, “ulied is-​saltna” kienu attivi l-​aktar fl-​Istati Uniti. Idderiġew ix-​xogħol tal-​ippritkar minn Brooklyn, New York. (Mt. 13:36-​43) Uħud midlukin kienu wkoll qed jippritkaw b’ħeġġa f’pajjiżi taħt il-​ħakma tal-​Britannja. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​Britannja u l-​Istati Uniti saru mseħbin speċjali. Flimkien, iġġieldu kontra l-​għedewwa politiċi tagħhom. Peress li l-​gwerra ġiegħlet lill-​Britannja u lill-​Istati Uniti jsiru iktar nazzjonalistiċi, huma ġġieldu wkoll kontra dawk li kienu parti min-​nisel tal-​“mara” t’Alla. Dawn il-​gvernijiet ipprojbew ftit mill-​pubblikazzjonijiet tan-​nisel tal-​mara u tefgħu l-​ħabs lil dawk li kienu qed imexxu x-​xogħol tal-​ippritkar.​—Riv. 12:17.

      Mela minn dak li naqraw fil-​profezija Biblika, nitgħallmu li s-​sebaʼ qawwa dinjija ma dehritx fl-​aħħar tas-​seklu 18 meta l-​Britannja għall-​ewwel bdiet issir saltna b’saħħitha. Minflok, is-​sebaʼ qawwa dinjija dehret fil-​bidu taʼ jum il-​Mulej.b

      [Noti ta’ taħt]

      a It-​tafal li hu mħallat mal-​ħadid ifisser nies li jinsabu fil-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Matul is-​snin, dan it-​tafal għamilha diffiċli għal din il-​qawwa dinjija biex tkun b’saħħitha daqskemm tixtieq tkun.

      b Din hi spjegazzjoni li ġiet mibdula. Taġġorna l-​informazzjoni f’paġna 57, paragrafu 24, tal-​ktieb Il-​Profezija taʼ Danjel u t-​tabelli f’paġni 56 u 139.

      [Stampa f’paġna 19]

      Tmien aħwa mill-​kwartieri ġenerali tat-​Torri tal-​Għassa ntbagħtu l-​ħabs f’Ġunju tal-​1918

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja