Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Alla meta se jieqaf isejjaħ lill-Kristjani individwali għal tama fis-sema?
Il-Bibbja ma tagħtix tweġiba preċiża għal din il-mistoqsija. Aħna nafu li d-dlik tad-dixxipli taʼ Ġesù li għandhom it-tama li jirċievu l-wirt tagħhom fis-sema beda fis-sena 33 E.K. (Atti 2:1-4) Nafu wkoll li wara l-mewt taʼ l-appostli, il-Kristjani midlukin ġenwini li huma mxebbhin maʼ “qamħ” bdew ‘jikbru flimkien’ mal-Kristjani foloz, is-“sikrana.” (Mattew 13:24-30) Imbagħad, lejn l-aħħar tas-seklu 19, il-Kristjani midlukin reġgħu kienu attivi b’mod prominenti. Fl-1919 beda l-ħsad tal-“prodott taʼ l-art,” inkluż il-ġbir taʼ l-aħħar uħud tal-midlukin.—Rivelazzjoni 14:15, 16.
Mill-aħħar tas-seklu 19 sa l-1931, l-għan prinċipali tax-xogħol taʼ l-ippridkar kien il-ġbir tal-fdal tal-membri tal-ġisem taʼ Kristu. Fl-1931, l-Istudenti tal-Bibbja ħadu l-isem Xhieda taʼ Ġeħova, isem ibbażat fuq il-Bibbja, u fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 taʼ Novembru, 1933, ħareġ il-ħsieb li dan l-isem uniku kien id-“dinar” li rrefera għalih Ġesù fil-parabbola mniżżla f’Mattew 20:1-16. Kien maħsub li t-12-il siegħa msemmijin fil-parabbola jikkorrispondu mat-12-il sena mill-1919 sa l-1931. Għal ħafna snin wara dan, kien maħsub li s-sejħa għas-Saltna tas-sema ntemmet fl-1931 u li dawk imsejħin biex ikunu werrieta bi sħab maʼ Kristu fl-1930 u fl-1931 kienu “l-aħħar” uħud li ssejħu. (Mattew 20:6-8) Madankollu, fl-1966 ġiet preżentata fehma aġġustata taʼ dik il-parabbola, u ġie ċċarat li din xejn ma kellha x’taqsam mat-tmiem tas-sejħa tal-midlukin.
Fl-1935, kien mifhum li l-“folla kbira” taʼ Rivelazzjoni 7:9-15 kienet magħmula minn “nagħaġ oħrajn,” il-Kristjani bit-tama għall-art li kellhom jidhru fix-xena tad-dinja fl-“aħħar jiem” u li bħala grupp kellhom jgħaddu ħajjin minn Armageddon. (Ġwanni 10:16; 2 Timotju 3:1; Rivelazzjoni 21:3, 4) Wara dik is-sena, ix-xogħol biex isiru d-dixxipli beda jiffoka prinċipalment biex tinġabar il-folla kbira. Għaldaqstant, b’mod speċjali wara l-1966 kien maħsub li s-sejħa għas-sema kienet waqfet fl-1935. Dan kien jidher konfermat meta kważi dawk kollha li tgħammdu wara l-1935 ħassew li kellhom tama għall-art. Minn dak iż-żmien ’l hawn, kien maħsub li dawk kollha li kienu jissejħu għal tama fis-sema kienu qed jieħdu post il-Kristjani midlukin li ma baqgħux leali.
Bla dubju, jekk wieħed mill-midlukin ma jibqax fit-triq tal-verità u ma jindimx, Ġeħova fil-fatt jagħżel individwu ieħor biex jiħodlu postu. (Rumani 11:17-22) Madankollu, l-għadd taʼ wħud midlukin ġenwini li ma baqgħux leali probabbilment m’huwiex kbir. Min-naħa l-oħra, hekk kif għadda ż-żmien, xi Kristjani mgħammdin wara l-1935 kellhom xiehda mill-ispirtu qaddis li huma kellhom tama għas-sema. (Rumani 8:16, 17) Għaldaqstant jidher li aħna ma nistgħux inpoġġu data speċifika dwar meta tintemm is-sejħa għall-Kristjani bit-tama għas-sema.
Kif għandu jitqies individwu li huwa determinat f’qalbu li issa huwa wieħed mill-midlukin u jibda jieħu sehem mill-emblemi fit-Tifkira? Dan m’għandux jiġi ġudikat. Il-kwistjoni hija bejnu u bejn Ġeħova. (Rumani 14:12) Madankollu, il-Kristjani midlukin li jkunu ġenwini ma jitolbux attenzjoni speċjali. Huma ma jemmnux li l-fatt li huma midlukin jagħtihom xi “dehen” speċjali, iktar milli jistaʼ jkollhom xi ftit mill-membri tal-folla kbira li għandhom l-esperjenza. Ma jaħsbux li huma bilfors għandhom iktar spirtu qaddis milli għandhom sħabhom tan-nagħaġ oħrajn; lanqas ma jistennew xi trattament speċjali jew jistqarru li l-fatt li jieħdu mill-emblemi jpoġġihom f’pożizzjoni ’l fuq mill-anzjani maħtura fil-kongregazzjoni. Huma jiftakru bl-umiltà li xi rġiel midlukin fl-ewwel seklu ma kinux jikkwalifikaw biex jaqdu bħala anzjani jew qaddejja ministerjali. (1 Timotju 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9; Ġakbu 3:1) Xi Kristjani midlukin kienu saħansitra batuti spiritwalment. (1 Tessalonikin 5:14) U l-aħwa nisa, għalkemm midlukin, ma kinux jgħallmu fil-kongregazzjoni.—1 Timotju 2:11, 12.
Għaldaqstant, il-Kristjani midlukin flimkien maʼ sħabhom in-nagħaġ oħrajn iħabirku biex jibqgħu b’saħħithom spiritwalment, billi jikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu u jaħdmu għall-paċi tal-kongregazzjoni. Il-Kristjani kollha, kemm jekk midlukin u kemm jekk min-nagħaġ oħrajn, jaħdmu iebes biex jippridkaw l-aħbar tajba u jagħmlu dixxipli taħt id-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna. Il-Kristjani midlukin huma kuntenti li jagħmlu dan sakemm tkun ir-rieda t’Alla li jibqgħu fuq l-art bħala qaddejja taʼ Ġeħova.