LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Kif Tħejji Taħditiet għall-Pubbliku
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • Kif Tħejji Taħditiet għall-​Pubbliku

      KULL ġimgħa, ħafna mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jorganizzaw taħdita għall-​pubbliku dwar suġġett Skritturali. Jekk int anzjan jew qaddej ministerjali, turi li int kelliemi pubbliku effettiv, jiġifieri għalliem? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun li tiġi mistieden tagħti taħdita pubblika. L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku għenet lil għaxriet taʼ eluf taʼ aħwa rġiel biex jikkwalifikaw għal dan il-​privileġġ taʼ servizz. Meta tiġi inkarigat biex tagħti taħdita pubblika, minn fejn għandek tibda?

      Studja l-​Outline

      Qabel ma tagħmel xi riċerka, aqra l-​outline u mmedita fuqu sakemm tifhmu sew. Daħħal sew f’moħħok it-​tema, li hija t-​titlu tat-​taħdita. Xi trid tgħallimha lill-​udjenza? X’inhi l-​mira tiegħek?

      Sir midħla tas-​sottitli prinċipali. Analizza dawn il-​punti prinċipali. Kull wieħed minnhom kif inhu marbut mat-​tema? Taħt kull punt prinċipali, ikun hemm imniżżlin għadd taʼ punti sekondarji. Taħthom ikun hemm imniżżlin ħsibijiet li jappoġġawhom. Ikkunsidra kif kull sezzjoni tal-​outline tibni fuq taʼ qabilha, twassal għal li jmiss, u tgħin biex titwettaq il-​mira tat-​taħdita. Ladarba tifhem it-​tema, il-​mira tat-​taħdita, u kif il-​punti prinċipali jwettqu dan l-​iskop, imbagħad tkun lest biex tiżviluppa l-​materjal.

      Għall-​ewwel għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li taħseb dwar it-​taħdita tiegħek bħallikieku kienet erbaʼ jew ħames taħditiet qosra, kull waħda b’punt prinċipali. Ħejjihom waħda waħda.

      L-​outline provdut hu għodda għall-​preparazzjoni. Mhuwiex qiegħed hemm biex iservi bħala n-​noti li minnhom tagħti t-​taħdita tiegħek. Huwa bħal dar li qed tinbena. Teħtieġ il-​ħitan, is-​saqaf, it-​twieqi, u trid timtela bl-​affarijiet qabel ma ssir dar li tkun komda biex dak li jkun jgħix fiha.

      L-​Użu tal-​Iskritturi

      Ġesù Kristu u d-​dixxipli tiegħu bnew it-​tagħlim tagħhom fuq l-​Iskrittura. (Lq. 4:16-​21; 24:27; Atti 17:2, 3) Int tistaʼ tagħmel l-​istess. L-​Iskrittura għandha tkun il-​bażi tat-​taħdita tiegħek. Minflok ma sempliċement tispjega u tapplika l-​istqarrijiet li hemm fl-​outline provdut, agħraf kif dawn l-​istqarrijiet huma appoġġati bl-​Iskrittura, u mbagħad għallem mill-​Iskrittura.

      Int u tħejji t-​taħdita, eżamina kull vers ċitat fl-​outline. Innota l-​kuntest. Xi versi jistgħu sempliċement jipprovdu informazzjoni oħra li tistaʼ tkun utli. Mhijiex ħtieġa li jinqraw kollha kemm huma matul it-​taħdita jew li tikkummenta fuq kull waħda. Agħżel dawk li huma l-​aħjar għall-​udjenza tiegħek. Jekk tikkonċentra fuq l-​iskritturi ċitati fl-​outline stampat, x’aktarx li mhux se jkollok bżonn tirreferi għal iktar skritturi.

      Is-​suċċess tat-​taħdita tiegħek ma jiddependix mill-​għadd taʼ skritturi li tuża, imma mill-​kwalità tat-​tagħlim. Meta tintroduċi l-​iskritturi, uri għala qed jintużaw. Ħalli l-​ħin biex turi kif japplikaw. Wara li taqra skrittura, żomm il-​Bibbja tiegħek miftuħa int u tiddiskuti l-​vers. L-​udjenza tiegħek x’aktarx li se tagħmel l-​istess. Kif tistaʼ tqajjem l-​interess tal-​udjenza tiegħek u tgħinha tibbenefika iktar bis-​sħiħ mill-​Kelma taʼ Alla? (Neħ. 8:8, 12) Tistaʼ tagħmel dan billi tagħti spjegazzjoni, tixbiha, u turi kif japplika l-​materjal.

      L-​Ispjegazzjoni. Meta tipprepara biex tispjega vers prinċipali, staqsi lilek innifsek: ‘Xi jfisser? Għala qed nużah fit-​taħdita tiegħi? X’għandhom mnejn jistaqsu lilhom infushom dawk fl-​udjenza dwar dan il-​vers?’ Jistaʼ jkollok bżonn tanalizza l-​kuntest, l-​isfond, iċ-​ċirkustanzi, is-​saħħa tal-​kliem, il-​ħsieb li jrid iwassal il-​kittieb ispirat. Dan jeħtieġ ir-​riċerka. Se ssib abbundanza taʼ informazzjoni taʼ valur fil-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-​47) Tipprovax tispjega kollox dwar il-​vers, imma spjega għala ridt lill-​udjenza tiegħek taqrah, jiġifieri, x’konnessjoni għandu mal-​punt li qed jiġi diskuss.

      It-​Tixbihat. L-​iskop tat-​tixbihat hu li twassal lill-​udjenza tiegħek għal fehma iktar profonda jew biex tgħinha tiftakar il-​punt jew il-​prinċipju li ddiskutejt. It-​tixbihat jgħinu lin-​nies jifhmu dak li tkun għedtilhom u jorbtuh maʼ xi ħaġa li jafuha diġà. Dan hu dak li għamel Ġesù meta ta l-​prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-​muntanja. Espressjonijiet bħal “għasafar tas-​sema,” “ġilji tar-​rabaʼ,” ‘bieb dejjaq,’ ‘dar fuq il-​blat,’ u ħafna espressjonijiet bħal dawn taw qawwa lit-​tagħlim tiegħu, għamluh ċar, u ma jintesiex malajr.—Mt., kap. 5–7.

      L-​Applikar. Meta tispjega skrittura u tagħti tixbiha tkun qed tagħti l-​għarfien, imma r-​riżultati jiġu meta turi kif japplika dak l-​għarfien. Veru, hija r-​responsabbiltà taʼ dawk fl-​udjenza tiegħek biex jaġixxu fuq il-​messaġġ tal-​Bibbja, imma int tistaʼ tgħinhom jifhmu x’għandu jsir. Ladarba tkun kunfidenti li dawk fl-​udjenza tiegħek jifhmu l-​vers li qed jiġi diskuss u jaraw kemm dan japplika għall-​punt li qed isir, ħu l-​ħin biex turihom kif jeffettwa t-​twemmin u l-​imġiba tagħna. Enfasizza l-​benefiċċji li jistgħu jinkisbu meta wieħed jabbanduna l-​ħsibijiet jew l-​imġiba ħażina li tmur kontra l-​verità li qed tiġi diskussa.

      Int u taħseb dwar kif tapplika l-​iskritturi, ftakar li n-​nies fl-​udjenza tiegħek ġejjin minn trobbija u ambjenti differenti u jiffaċċjaw ċirkustanzi varji ħafna. Jistaʼ jkun hemm uħud interessati ġodda, żgħażagħ, uħud akbar, u wħud li jissieltu maʼ varjetà taʼ problemi persunali. Agħmel it-​taħdita tiegħek waħda prattika u realistika. Evita li toffri pariri b’tali mod li qisu għandek biss ftit individwi f’moħħok.

      Id-​Deċiżjonijiet tal-​Kelliemi

      Xi deċiżjonijiet dwar it-​taħdita tiegħek diġà ttieħdu għalik. Il-​punti prinċipali huma indikati b’mod ċar, u l-​ammont taʼ ħin li għandek tieħu għal kull sottitlu prinċipali fid-​diskussjoni huwa muri ċar. Hemm deċiżjonijiet oħrajn li trid tiħodhom int. Tistaʼ tagħżel li tuża iktar ħin fuq ċerti punti sekondarji u inqas fuq oħrajn. Tassumix li trid tkopri kull punt sekondarju bl-​istess mod. Dan jistaʼ jġiegħlek tħaffef biex tkopri l-​materjal u tgħejji lill-​udjenza tiegħek. Kif tistaʼ tagħżel liema għandek tiżviluppa iktar bis-​sħiħ u liema għandek issemmi biss fil-​qosor, jew ħafif ħafif? Staqsi lilek innifsek: ‘Liema punti se jgħinuni nwassal l-​idea prinċipali tat-​taħdita? Liema punti x’aktarx li jkunu l-​iktar taʼ benefiċċju għall-​udjenza tiegħi? Jekk tħalli barra xi skrittura ċitata u l-​punt konness magħha, se tiddgħajjef l-​evidenza li qed tiġi preżentata?’

      Oqgħod attent ħafna li ma ddaħħalx kummenti li m’intix ċert minnhom jew opinjonijiet persunali. Anki l-​Iben taʼ Alla, Ġesù Kristu, evita li jitkellem ‘minnu nnifsu.’ (Ġw. 14:10) Irrikonoxxi li r-​raġuni għala n-​nies jiġu l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hi biex jisimgħu l-​Bibbja tiġi diskussa. Jekk bnejt reputazzjoni bħala kelliemi mill-​aqwa, x’aktarx li dan hu minħabba li tagħmilha drawwa li tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​Kelma taʼ Alla u mhux lejk innifsek. Għal din ir-​raġuni, it-​taħditiet tiegħek huma apprezzati.—Flp. 1:10, 11.

      Wara li tkun bdilt outline sempliċi fi spjegazzjoni Skritturali li fiha x’tomgħod, hemm bżonn li tipprattika t-​taħdita tiegħek. Ikun taʼ benefiċċju li tagħmel dan b’leħen għoli. L-​importanti hu li tkun ċert li jkollok il-​punti kollha sew f’moħħok. Għandek titkellem b’konvinzjoni sħiħa, tagħti l-​ħajja lill-​materjal, u tippreżenta l-​verità bl-​entużjażmu. Qabel ma tagħti t-​taħdita, staqsi lilek innifsek: ‘X’nixtieq inwassal lill-​udjenza? Jispikkaw il-​punti prinċipali? Tassew għamilt l-​Iskrittura l-​bażi tat-​taħdita tiegħi? Kull punt prinċipali jwassal b’mod naturali għall-​wieħed li jmiss? It-​taħdita tibni l-​apprezzament għal Ġeħova u għall-​provvedimenti tiegħu? Hija l-​konklużjoni marbuta direttament mat-​tema, turi lil dawk fl-​udjenza x’għandhom jagħmlu, u tqanqalhom biex jaġixxu?’ Jekk tistaʼ twieġeb iva għal dawn il-​mistoqsijiet, allura tinsab f’pożizzjoni biex ‘tagħmel it-​tajjeb permezz taʼ l-​għarfien,’ għall-​benefiċċju tal-​kongregazzjoni u t-​tifħir taʼ Ġeħova!—Prov. 15:2.

      META T-​TAĦDITA TIEGĦEK TINGĦATA PERMEZZ TAʼ INTERPRETU

      Spiss ikun hemm ħafna gruppi taʼ lingwi differenti f’pajjiż, allura l-​kelliema pubbliċi jistgħu jintalbu jagħtu taħditiet Bibliċi permezz tal-​interpreti. Jekk tiġi mistieden titkellem f’sitwazzjoni bħal din, l-​informazzjoni li ġejja se tgħin u tiggwida kemm lilek u kemm lill-​interpretu.

      • L-​effettività tat-​taħdita tiegħek se tiddependi fil-​maġġorparti mix-​xogħol tal-​interpretu. Anki wieħed tal-​esperjenza fil-​qasam tal-​interpretazzjoni se jagħmel xogħlu aħjar jekk tgħinu jipprepara.

      • Ġeneralment, ikollok tnaqqas mill-​inqas terz mit-​taħdita tiegħek biex tħalli l-​ħin għall-​interpretazzjoni. (Il-​lingwa tas-​sinjali hija eċċezzjoni, ladarba din tistaʼ tiġi interpretata kważi fl-​istess ħin.)

      • Qabel tagħti t-​taħdita, irrivedi l-​outline ġenerali tat-​taħdita tiegħek u l-​mira tagħha mal-​interpretu. Jekk l-​inkarigu tiegħek hu taħdita minn manuskritt f’konvenzjoni, ħalli lill-​interpretu jara kopja minn ħafna qabel.

      • Iddiskuti mal-​interpretu l-​iskritturi li se tuża. Kun ċert li l-​Bibbja li se juża l-​interpretu fiha l-​istess ħsieb tal-​Bibbja tiegħek. Uri lill-​interpretu liema espressjonijiet mill-​Iskrittura se jiġu enfasizzati jew spjegati.

      • Iddeċiedi jekk l-​iskritturi humiex se jinqraw b’żewġ lingwi jew b’lingwa waħda. Jistaʼ jkun biżżejjed li jinqraw bil-​lingwa tas-​semmiegħa biss.

      • Tistaʼ toħloq problema jekk issemmi dati, numri, u skritturi ċitati bl-​għaġla. Uża pawsi utli, u jkun aħjar li tuża numri għad-​dritt għall-​istatistiki.

      • Iddiskuti kwalunkwe tixbiha, idjoma, jew espressjoni mhix tas-​soltu li bi ħsiebek tuża. Kun ċert li l-​interpretu tiegħek jifhimhom u li jkun possibbli għalih li jgħaddi l-​ħsibijiet tiegħek bil-​lingwa tas-​semmiegħa.

      • Meta titkellem uża sentenzi qosra. Esprimi ħsibijiet sħaħ qabel ma tieħu pawsa għall-​interpretu. (Hu jittraduċi l-​ħsibijiet, mhux bilfors il-​kliem kollu.) Għal interpretazzjoni konsekuttiva, jiġifieri meta taħdita tiġi interpretata sentenza b’sentenza, agħti ċans lill-​interpretu jispiċċa qabel ma tkompli.

      • L-​interpretu jiddependi milli int tgħolli leħnek biżżejjed u tlissen il-​kliem b’mod ċar.

  • Żviluppa l-Abbiltà Bħala Għalliem
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • Żviluppa l-​Abbiltà Bħala Għalliem

      X’INHI l-​mira tiegħek bħala għalliem? Jekk sirt pubblikatur tas-​Saltna dan l-​aħħar, żgur li tixtieq titgħallem kif tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar, ladarba Ġesù ta lis-​segwaċi tiegħu l-​inkarigu biex jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Jekk diġà ħadt sehem f’din l-​attività, forsi l-​mira tiegħek hi li ssir iktar effettiv f’li tilħaq qalb dawk li qed tipprova tgħin. Jekk int ġenitur, żgur li trid tkun it-​tip taʼ għalliem li kapaċi jqanqal lil uliedu biex jiddedikaw ħajjithom lil Alla. (3 Ġw. 4) Jekk int anzjan jew qed tirsisti biex issir anzjan, forsi trid tkun kelliemi pubbliku li kapaċi jnissel fis-​semmiegħa tiegħu apprezzament iktar profond għal Ġeħova u l-​mogħdijiet tiegħu. Kif tistaʼ tilħaq dawn il-​miri?

      Tgħallem mill-​Għalliem tas-​Sengħa, Ġesù Kristu. (Lq. 6:40) Kemm jekk Ġesù kien qed ikellem lil folla fuq muntanja u kemm jekk lil ftit nies huma u mexjin fit-​triq, dak li qal u l-​mod kif qalu ħalla impressjoni dejjiema. Ġesù qanqal l-​imħuħ u l-​qlub tas-​semmiegħa tiegħu u wera b’mod li setgħu jifhmuh kif kliemu kien japplika b’mod prattiku. Tistaʼ int twettaq affarijiet simili?

      Strieħ fuq Ġeħova

      L-​abbiltà taʼ Ġesù biex jgħallem ġiet imsebbħa kemm għaliex kellu relazzjoni intima maʼ Missieru tas-​sema kif ukoll permezz tal-​barka tal-​ispirtu taʼ Alla. Titlob int bil-​ħerqa lil Ġeħova biex tkun tistaʼ tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar b’mod effettiv? Jekk int ġenitur, titlob regolarment għall-​gwida divina biex tgħallem lil uliedek? Toffri int talb mill-​qalb meta tipprepara biex tagħti t-​taħditiet jew tikkonduċi l-​laqgħat? Meta tistrieħ fuq Ġeħova bit-​talb se tiġi megħjun issir iktar effettiv bħala għalliem.

      Il-​fatt li tistrieħ fuq Ġeħova jidher ukoll billi tistrieħ fuq il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Fl-​aħħar lejla tal-​ħajja tiegħu bħala bniedem perfett, Ġesù qal lil Missieru fit-​talb: “Tajthom kelmtek.” (Ġw. 17:14) Għalkemm Ġesù kellu ħafna esperjenza, hu qatt ma tkellem minnu nnifsu. Hu dejjem qal dak li għallmu Missieru, u b’hekk ħallielna eżempju biex insegwuh. (Ġw. 12:49, 50) Il-​kelma taʼ Alla, kif inhi preservata fil-​Bibbja, għandha l-​qawwa li tinfluwenza lin-​nies—għemilhom, l-​iktar ħsibijiet ġewwinin tagħhom, u s-​sentimenti tagħhom. (Ebr. 4:12) Int u tikber fl-​għarfien dwar il-​Kelma taʼ Alla u titgħallem tużah sew fil-​ministeru tiegħek, se tkun qed tiżviluppa t-​tip taʼ abbiltà li tgħallem u li tiġbed lin-​nies lejn Alla.—2 Tim. 3:16, 17.

      Onora lil Ġeħova

      Biex tkun għalliem bħal Kristu ma jfissirx sempliċement li tkun kapaċi tagħti taħdita interessanti. Veru, in-​nies baqgħu mistagħġbin “bil-​kliem ħelu” taʼ Ġesù. (Lq. 4:22) Imma Ġesù għala tkellem tajjeb? Kien biex jonora lil Ġeħova u mhux biex jiġbed l-​attenzjoni lejh innifsu. (Ġw. 7:16-​18) Hu ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mt. 5:16) Dan il-​parir għandu jeffettwa l-​mod kif ngħallmu. Għandha tkun il-​mira tagħna li nevitaw kull ħaġa li ttellef din il-​mira. Allura meta nippjanaw x’se ngħidu jew kif se ngħiduh, nagħmlu tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Dan se jkabbar l-​apprezzament għal Ġeħova jew se jiġbed l-​attenzjoni lejja?’

      Pereżempju, tixbihat u eżempji meħudin mill-​ħajja taʼ kuljum jistgħu jintużaw b’mod effettiv meta ngħallmu. Madankollu, meta tixbiha tingħad fit-​tul jew esperjenza tiġi rakkontata wisq fid-​dettall, il-​punt tal-​istruzzjoni jistaʼ jintilef. B’mod simili, meta jiġu rakkontati stejjer sempliċement għad-​divertiment tal-​udjenza, l-​iskop tal-​ministeru tagħna jintilef. Fil-​fatt, l-​għalliem ikun qed jiġbed l-​attenzjoni lejh stess minflok ma jwettaq il-​mira proprja tal-​edukazzjoni teokratika.

      ‘Agħmel Distinzjoni’

      Biex individwu tassew isir dixxiplu, hu jrid jifhem b’mod ċar x’qed jiġi mgħallem. Irid jismaʼ l-​verità u jara kif inhi differenti minn twemmin ieħor. Meta toħroġ il-​kuntrasti tgħinu biex jagħmel dan.

      Darba wara l-​oħra, Ġeħova ħeġġeġ lill-​poplu tiegħu biex ‘jagħmel distinzjoni’ bejn dak li hu nadif u dak li mhuwiex. (Lev. 10:9-​11) Hu qal li dawk li kienu se jaqdu fit-​tempju spiritwali kbir tiegħu kienu se jgħallmu lin-​nies “id-​differenza bejn ħaġa qaddisa u ħaġa profana.” (Eżek. 44:23) Il-​ktieb tal-​Proverbji mimli kuntrasti bejn is-​sewwa u l-​ħażen, bejn l-​għerf u l-​bluha. Anki affarijiet li mhumiex opposti jistgħu jintgħarfu minn xulxin. L-​appostlu Pawlu għamel kuntrast bejn bniedem ġust u bniedem tajjeb, kif inhu mniżżel f’​Rumani 5:7. Fil-​ktieb tal-​Ebrej, hu wera kemm hu superjuri s-​servizz saċerdotali taʼ Kristu għal dak taʼ Aron. Tabilħaqq, bħalma kiteb l-​edukatur tas-​seklu 17 John Amos Comenius: “It-​tagħlim ma jfisser xejn iktar milli sempliċement turi kif l-​affarijiet huma differenti minn xulxin fl-​iskopijiet, il-​forom, u l-​oriġini tagħhom. . . . Għalhekk, min jaf jispjega tajjeb id-​differenza bejn l-​affarijiet jaf jgħallem tajjeb.”

      Ejja nieħdu, pereżempju, li tgħallem lil xi ħadd dwar is-​Saltna taʼ Alla. Jekk ma jifhimx x’inhi s-​Saltna, tistaʼ turih kif dak li tgħid il-​Bibbja huwa differenti mill-​idea li s-​Saltna hi sempliċement kundizzjoni fil-​qalb tal-​individwu. Jew tistaʼ turi kif is-​Saltna hi differenti mill-​gvernijiet umani. Però, għan-​nies li jafu dawn il-​veritajiet bażiċi, forsi tistaʼ tidħol iktar fid-​dettall. Tistaʼ turihom kif is-​Saltna Messjanika hi differenti mis-​saltna universali taʼ Ġeħova stess, kif inhu deskritt f’​Salm 103:19, jew mis-​‘saltna taʼ l-​Iben taʼ l-​imħabba t’Alla,’ imsemmija f’​Kolossin 1:13, jew mill-​“amministrazzjoni,” imsemmija f’​Efesin 1:10. L-​użu tal-​kuntrasti jistaʼ jgħin biex dan il-​punt Bibliku importanti jkun ċar f’moħħ l-​udjenza tiegħek.

      Ġesù uża dan il-​metodu taʼ tagħlim b’mod ripetut. Hu għamel kuntrast bejn il-​fehma popolari tal-​Liġi Mosajka u t-​tifsir veru tal-​Liġi. (Mt. 5:21-​48) Hu wera d-​differenza bejn id-​devozzjoni vera lejn Alla u l-​għemejjel ipokriti tal-​Fariżej. (Mt. 6:1-​18) Hu wera l-​kuntrast bejn l-​ispirtu taʼ dawk li ‘jiddominaw’ lil oħrajn u l-​ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali li kienu se juru s-​segwaċi tiegħu. (Mt. 20:25-​28) F’okkażjoni oħra, imniżżla f’​Mattew 21:28-​32, Ġesù stieden lis-​semmiegħa tiegħu biex jaraw huma nfushom id-​differenza bejn li wieħed ikun ġust f’għajnejh stess u l-​indiema vera. Dan iwassalna għal aspett taʼ valur ieħor taʼ tagħlim effettiv.

      Inkuraġġixxi lis-​Semmiegħa Biex Jaħsbu

      F’​Mattew 21:28 naqraw li Ġesù introduċa x-​xebh li kien se jagħmel billi staqsa: “X’taħsbu intom?” Għalliem tas-​sengħa ma jgħidx sempliċement il-​fatti jew jagħti t-​tweġibiet. Minflok, jinkuraġġixxi lis-​semmiegħa tiegħu biex irawmu l-​abbiltà li jaħsbu. (Prov. 3:21; Rum. 12:1) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi tistaqsi l-​mistoqsijiet. Bħalma nsibu f’​Mattew 17:25, Ġesù staqsa: “X’taħseb Xmun? Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” Il-​mistoqsijiet taʼ Ġesù li jqanqlu l-​ħsieb għenu lil Pietru jasal għall-​konklużjoni korretta dwar il-​ħlas tat-​taxxa tat-​tempju. Bl-​istess mod, meta wieġeb lil wieħed raġel li staqsa, “Min tassew hu l-​proxxmu tiegħi?” Ġesù għamel kuntrast bejn l-​għemejjel taʼ qassis u Levita u l-​għemejjel taʼ Samaritan. Imbagħad qajjem din il-​mistoqsija: “Minn dawn it-​tlieta, min jidhirlek int li għamilha taʼ proxxmu għar-​raġel li waqaʼ f’idejn il-​ħallelin?” (Lq. 10:29-​36) Għal darb’oħra, minflok ma ħaseb għas-​semmiegħ tiegħu, Ġesù stiednu biex iwieġeb il-​mistoqsija tiegħu stess.—Lq. 7:41-​43.

      Stinka Biex Tilħaq il-​Qalb

      Għalliema li jifhmu s-​sens tal-​Kelma taʼ Alla jirrealizzaw li l-​qima vera mhijiex sempliċement kwistjoni taʼ li titgħallem bl-​amment ċerti fatti u li ġġib ħajtek fi qbil maʼ ċerti regoli. Hija mibnija fuq relazzjoni tajba maʼ Ġeħova u apprezzament għall-​mogħdijiet tiegħu. Qima bħal din tinvolvi l-​qalb. (Dt. 10:12, 13; Lq. 10:25-​27) Fl-​Iskrittura, it-​terminu “qalb” spiss jirreferi għall-​persuna ġewwinija kollha kemm hi, inkluż affarijiet bħal xewqat, affezzjonijiet, sentimenti, u motivazzjonijiet.

      Ġesù kien jaf li waqt li l-​bnedmin iħarsu lejn id-​dehra taʼ barra, Alla jara l-​qalb. (1 Sam. 16:7) Is-​servizz tagħna lil Alla għandu jkun imqanqal mill-​imħabba tagħna għalih, mhux mill-​isforzi biex nimpressjonaw lil bnedmin sħabna. (Mt. 6:5-​8) Mill-​banda l-​oħra, il-​Fariżej għamlu ħafna affarijiet biex jidhru. Huma poġġew enfasi kbira fuq li wieħed iżomm mad-​dettalji tal-​Liġi u jgħix skont ir-​regoli li għamlu huma stess. Imma f’ħajjithom huma ma wrewx il-​kwalitajiet li kienu se jidentifikawhom mal-​Alla li kienu jgħidu li jqimu. (Mt. 9:13; Lq. 11:42) Ġesù għallem li għalkemm l-​ubbidjenza għall-​ħtiġijiet taʼ Alla hi importanti, il-​valur taʼ ubbidjenza bħal din jiġi determinat minn dak li hemm fil-​qalb. (Mt. 15:7-​9; Mk. 7:20-​23; Ġw. 3:36) Mit-​tagħlim tagħna se joħroġ l-​akbar ġid jekk nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Huwa importanti li ngħinu lin-​nies jitgħallmu dak li Alla jeħtieġ minnhom. Imma huwa importanti wkoll għalihom li jkunu jafu u jħobbu lil Ġeħova bħala persuna ħalli l-​imġiba tagħhom turi kemm japprezzaw verament ir-​relazzjoni approvata tagħhom mal-​Alla l-​veru.

      M’għandniex xi ngħidu, biex jibbenefikaw minn tagħlim bħal dan, in-​nies għandhom bżonn jeżaminaw qalbhom stess bl-​onestà. Ġesù ħeġġeġ lin-​nies biex janalizzaw il-​motivi tagħhom u jeżaminaw is-​sentimenti tagħhom. Meta kien jikkoreġi ħarsa żbaljata, hu kien jistaqsi lis-​semmiegħa tiegħu għala kienu jaħsbu, jgħidu, jew jagħmlu ċerti affarijiet. Però, biex ma jiqafx hemm, Ġesù kien jagħmel stqarrija, jagħti tixbiha, jew jagħmel xi ħaġa flimkien mal-​mistoqsija tiegħu ħalli jinkuraġġihom jaraw l-​affarijiet kif suppost. (Mk. 2:8; 4:40; 8:17; Lq. 6:41, 46) Aħna nistgħu bl-​istess mod ngħinu lis-​semmiegħa tagħna billi nissuġġerulhom li jistaqsu lilhom infushom mistoqsijiet bħal: ‘Għala nħossni ninġibed lejn ċerta azzjoni? Għala nirreaġixxi għal din is-​sitwazzjoni b’dan il-​mod?’ Imbagħad qanqalhom jaraw l-​affarijiet mill-​ħarsa taʼ Ġeħova.

      Uri l-​Applikar

      Għalliem tajjeb jaf li “l-​għerf hu l-​aqwa ħaġa.” (Prov. 4:7) L-​għerf hu l-​abbiltà li jiġi applikat l-​għarfien b’suċċess biex jiġu solvuti l-​problemi, jiġu evitati l-​perikli, jintlaħqu l-​miri, u jiġu megħjunin oħrajn. Hija r-​responsabbiltà tal-​għalliem li jgħin lill-​istudenti jitgħallmu jagħmlu dan imma mhux li jieħu deċiżjonijiet għalihom. Meta tiddiskuti diversi prinċipji Bibliċi, għin lill-​istudent jirraġuna. Tistaʼ tirreferi għal sitwazzjoni mill-​ħajja taʼ kuljum u mbagħad tistaqsi lill-​istudent kif il-​prinċipju Bibliku li tkunu għadkom kif studjajtu jistaʼ jgħinu jekk jiffaċċja din is-​sitwazzjoni.—Ebr. 5:14.

      Fit-​taħdita tiegħu f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., l-​appostlu Pietru pprovda eżempju taʼ applikar prattiku li effettwa l-​ħajjiet tan-​nies. (Atti 2:14-​36) Wara li ddiskuta tliet siltiet Skritturali li l-​folla kienet tgħid li temmen fihom, Pietru applikahom fid-​dawl tal-​ġrajjiet li lkoll kemm huma kienu xehdu għalihom. Minħabba f’hekk, il-​folla ħasset li kellha bżonn taġixxi fuq dak li semgħet. It-​tagħlim tiegħek għandu effett simili fuq in-​nies? Tagħmel iktar milli sempliċement tgħidilhom il-​fatti billi tgħin lin-​nies jifhmu għala l-​affarijiet huma kif inhuma? Tinkuraġġihom jikkunsidraw kif l-​affarijiet li qed jitgħallmu għandhom jeffettwawlhom ħajjithom? Forsi mhumiex se jgħidulek, “X’għandna nagħmlu?” bħalma għamlet il-​folla f’Pentekoste, imma jekk applikajt sew l-​iskritturi huma se jiġu mqanqlin jikkunsidraw li jieħdu azzjoni xierqa.—Atti 2:37.

      Meta taqraw il-​Bibbja maʼ wliedkom, intom il-​ġenituri jkollkom opportunità mill-​aqwa biex tħarrġuhom jaħsbu dwar kif japplikaw b’mod prattiku l-​prinċipji Bibliċi. (Efes. 6:4) Pereżempju, tistaʼ tagħżel ftit versi mill-​qari tal-​Bibbja fl-​iskeda għall-​ġimgħa, tiddiskuti t-​tifsir tagħhom, u mbagħad tistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Dan kif jipprovdilna gwida? Kif nistgħu nużaw dawn il-​versi fil-​ministeru? X’juruna dwar Ġeħova u l-​mod tiegħu kif jagħmel l-​affarijiet, u dan kif jibni l-​apprezzament tagħna għalih?’ Ħeġġeġ lill-​familja tiegħek tikkummenta dwar dawn il-​punti matul id-​diskussjoni tal-​punti prinċipali fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Il-​versi li jikkummentaw dwarhom x’aktarx li se jkunu dawk li jiftakru.

      Agħti Eżempju Tajjeb

      Int ma tgħallimx biss b’dak li tgħid imma wkoll b’dak li tagħmel. L-​azzjonijiet tiegħek jipprovdu eżempju prattiku taʼ kif tapplika l-​affarijiet li tgħid. Hekk jitgħallmu t-​tfal. Meta jimitaw lill-​ġenituri tagħhom, huma juru li jridu jkunu bħalhom. Iridu jesperjenzaw dak li qed jagħmlu l-​ġenituri tagħhom. Bl-​istess mod, meta dawk li tgħallem ‘jimitaw lilek, bħalma int timita lil Kristu,’ huma jibdew jesperjenzaw il-​barkiet li jkollu min jimxi fil-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. (1 Kor. 11:1) Huma jaraw għalihom infushom xi jfisser li Alla jgħinhom.

      Din hi tfakkira serja u li ġġiegħlek taħseb dwar kemm hu importanti li nagħtu eżempju tajjeb. It-​“tip taʼ persuni [li aħna] f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” se jagħmel differenza kbira f’li nagħtu lil dawk li qed ngħallmu turija ħajja taʼ kif għandhom japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja. (2 Pt. 3:11) Jekk tinkuraġġixxi student tal-​Bibbja biex jaqra l-​Kelma taʼ Alla regolarment, ħabrek biex taqraha int stess. Jekk trid lil uliedek jitgħallmu jgħixu skont il-​prinċipji Bibliċi, kun ċert li jaraw li l-​għemejjel tiegħek huma fi qbil mar-​rieda taʼ Alla. Jekk tgħallem lill-​kongregazzjoni biex tkun żeluża fil-​ministeru, ara li int ikollok sehem sħiħ f’dan ix-​xogħol. Meta tipprattika dak li tgħallem, se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tqanqal lil oħrajn.—Rum. 2:21-​23.

      Biex ittejjeb it-​tagħlim tiegħek, staqsi lilek innifsek: ‘Ngħallem b’tali mod li jagħmel differenza fl-​attitudnijiet, fil-​kliem, jew fl-​għemejjel taʼ dawk li jisimgħu? Biex nuri l-​affarijiet b’mod ċar, nagħmel kuntrast bejn ħsibijiet jew azzjonijiet differenti? X’nagħmel biex ngħin lill-​istudenti tiegħi, lil uliedi, jew lill-​udjenza tiegħi f’laqgħa biex tiftakar dak li ngħid? Nuri b’mod ċar lis-​semmiegħa tiegħi kif għandhom japplikaw dak li jitgħallmu? Jistgħu jarawh fl-​eżempju li nagħti? Jifhmu kif il-​mod li jwieġbu għall-​kwistjoni li qed tiġi diskussa jistaʼ jeffettwa r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova?’ (Prov. 9:10) Kompli agħti attenzjoni lil dawn l-​affarijiet int u tipprova tiżviluppa l-​abbiltà bħala għalliem. “Oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek. Żomm maʼ dawn l-​affarijiet, għax jekk tagħmel dan issalva kemm lilek innifsek u kemm lil dawk li jisimgħuk.”—1 Tim. 4:16.

      BIEX TKUN EFFETTIV META TGĦALLEM

      • Strieħ fuq Ġeħova, mhux fuq l-​abbiltà tiegħek stess

      • Apprezza l-​qawwa tal-​Kelma taʼ Alla, u użaha sew

      • Agħmilha l-​mira tiegħek li tonora lil Ġeħova, mhux li tiġbed l-​attenzjoni lejk innifsek

      • Uża l-​kuntrasti biex tgħin lil oħrajn jifhmu sew

      • Inkuraġġixxi lis-​semmiegħa biex jaħsbu

      • Ħeġġeġ lil oħrajn biex jeżaminaw il-​motivi u s-​sentimenti tagħhom

      • Inkuraġġixxi lis-​semmiegħa biex jikkunsidraw kif l-​għarfien tal-​Bibbja għandu jeffettwalhom ħajjithom

      • Kun eżempju taʼ min jimitak

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja