LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 4/15 pp. 22-26
  • Kun mimli kuraġġ—⁠Ġeħova hu dak li jgħinek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun mimli kuraġġ—⁠Ġeħova hu dak li jgħinek!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IRRANĠA L-​ĦAJJA TAL-​FAMILJA U L-​ISPIRITWALITÀ
  • AĊĊETTA R-​RESPONSABBILTÀ
  • IPPROVDI GĦAL FAMILTEK
  • PRESSJONI MILL-​QRABA
  • EŻERĊITA L-​FIDI F’ALLA
  • FTAKAR LI ĠEĦOVA HU DAK LI JGĦINEK!
  • Ġenituri, Ipprovdu għall-Bżonnijiet tal-Familja Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ħadd ma jistaʼ jkun qaddej taʼ żewġ sidien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Ibni Familja Soda Spiritwalment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 4/15 pp. 22-26
Marilyn u James jitgħannqu fl-​ajruport hekk kif binhom Jimmy jħares lejhom

Kun mimli kuraġġ — Ġeħova hu dak li jgħinek!

‘Kun mimli kuraġġ u għid: “Ġeħova hu dak li jgħinni.”’​—EBR. 13:6.

INT X’TAĦSEB?

  • Il-​ġenituri x’għandhom jagħmlu biex jgħinu lill-​familja tagħhom jibqgħu qrib taʼ Ġeħova?

  • Il-​kapijiet tal-​familja kif jistgħu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tagħhom mingħajr ma jmorru jgħixu ’l bogħod minħabba x-​xogħol?

  • Kristjan x’jistaʼ jagħmel jekk qrabatu jkunu jriduh imur jgħix ’il bogħod biex jaqlaʼ l-​flus?

1, 2. Ħafna emigranti liema sfidi jiffaċċjaw meta jmorru lura d-​dar? (Ara l-​ewwel stampa.)

EDUARDO kellu xogħol tajjeb u kien jaqlaʼ ħafna flus meta kien jaħdem f’pajjiż ’il bogħod minn familtu.a Eduardo jgħid: “Imma meta bdejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova rrealizzajt li kelli responsabbiltà iktar importanti—li nieħu ħsieb il-​familja tiegħi spiritwalment, mhux biss fiżikament. Għalhekk mort lura d-​dar.”—Efes. 6:4.

2 Eduardo kien jaf li billi jerġaʼ jingħaqad maʼ familtu, hu kien qed jogħġob lil Ġeħova. Imma bħal Marilyn, li ssemmiet fl-​artiklu taʼ qabel, Eduardo kellu jibda l-​proċess twil li jirranġa r-​relazzjoni maʼ familtu. Hu wkoll iffaċċja l-​isfida li jmantni lil martu u lil uliedu f’ekonomija bil-​wisq iktar dgħajfa. Kif kien se jaqlaʼ l-​għajxien? Liema għajnuna setaʼ jistenna minn oħrajn fil-​kongregazzjoni?

IRRANĠA L-​ĦAJJA TAL-​FAMILJA U L-​ISPIRITWALITÀ

3. Meta ġenitur jgħix ’il bogħod, it-​tfal kif jiġu effettwati?

3 “Jien indunajt li kont ittraskurajt lil uliedi meta l-​iktar li kellhom bżonn il-​gwida u l-​affezzjoni tiegħi,” jammetti Eduardo. “Ma kontx hemm biex naqralhom stejjer mill-​Bibbja, nitlob magħhom, inħaddanhom miegħi, u nilgħab magħhom.” (Dt. 6:7) Anna, bintu l-​kbira, tgħid: “Kont inħossni konfuża emozzjonalment minħabba li missieri ma kienx id-​dar magħna. Meta ġie lura, konna nafu biss kif jidher u leħnu. Meta għannaqni, ma kinitx xi ħaġa naturali.”

4. Missier għala jsibha bi tqila biex ikun kap tal-​familja tajjeb meta jgħix ’il bogħod minn familtu?

4 Iktar ma missier idum jgħix ’il bogħod mid-​dar, iktar se jsibha bi tqila biex ikun il-​kap tal-​familja. Il-​mara taʼ Eduardo, Ruby, tispjega: “Jien kelli żewġ irwoli—taʼ omm u taʼ missier—u kont drajt nieħu l-​biċċa l-​kbira tad-​deċiżjonijiet tal-​familja. Meta Eduardo ġie lura d-​dar, kelli nitgħallem xi tfisser verament is-​sottomissjoni Kristjana. Anki issa, xi kultant ikolli nfakkar lili nnifsi li żewġi qiegħed hawn.” (Efes. 5:22, 23) “It-​tfal kienu draw imorru għand ommhom biex jieħdu permess jagħmlu xi ħaġa,” jgħid Eduardo. “Kelli nitgħallem nieħu t-​tmexxija b’mod Kristjan.” Eduardo u Ruby rrealizzaw li wliedhom kellhom bżonn jaraw li l-​ġenituri tagħhom jieħdu d-​deċiżjonijiet flimkien.

5. Eduardo x’għamel biex jirranġa r-​relazzjoni tiegħu maʼ familtu meta mar lura d-​dar, u b’liema riżultat?

5 Eduardo għamel dak kollu li setaʼ biex jirranġa r-​relazzjoni tiegħu maʼ familtu u biex jgħinhom jibnu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. “Il-​mira tiegħi kienet li nnaqqax il-​verità f’qalb uliedi bil-​kliem u l-​eżempju—mhux biss billi ngħid li nħobb lil Ġeħova imma billi nuri dan bil-​fatti.” (1 Ġw. 3:18) Bierek Ġeħova l-​isforzi taʼ Eduardo? “Il-​fatt li rajna l-​isforzi kollha tiegħu biex ikun missier tajjeb u biex jerġaʼ jersaq qrib tagħna għamel differenza kbira,” twieġeb Anna. “Meta rajnieh jirsisti fil-​kongregazzjoni, konna kburin. Id-​dinja kienet qed tipprova tbegħedna minn Ġeħova. Imma rajna li l-​ġenituri tagħna kienu ffokati fuq il-​verità, u allura pprovajna nagħmlu l-​istess. Missieri wegħedna li qatt ma kien se jerġaʼ jitlaqna, u żamm kelmtu. Li kieku m’għamilx hekk, x’aktarx li llum m’iniex fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.”

AĊĊETTA R-​RESPONSABBILTÀ

6. Xi ġenituri liema lezzjoni tgħallmu matul il-​gwerra fil-​Balkani?

6 Xi esperjenzi juru li matul il-​gwerra fil-​Balkani, it-​tfal tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li kienu jgħixu hemm kienu ferħanin minkejja li l-​ħajja kienet diffiċli. Għala? Il-​ġenituri, li ma setgħux imorru għax-​xogħol, kienu jibqgħu d-​dar u kienu jistudjaw, jilagħbu, u jitkellmu maʼ wliedhom. X’inhi l-​lezzjoni? Iktar milli l-​flus jew ir-​rigali, it-​tfal jeħtieġu li l-​ġenituri tagħhom ikunu magħhom. Tabilħaqq, bħalma tgħid il-​Kelma t’Alla, it-​tfal se jibbenefikaw jekk jingħataw attenzjoni u taħriġ mingħand il-​ġenituri.​—Prov. 22:6.

7, 8. (a) Xi ġenituri għala jistgħu jħossuhom ixxokkjati meta jirritornaw id-​dar? (b) Il-​ġenituri kif jistgħu jirranġaw ir-​relazzjoni tagħhom maʼ wliedhom?

7 Jistaʼ jkun li xi ġenituri jibqgħu xxokkjati meta jirritornaw għand familthom. Uliedhom għandhom mnejn jaġixxu bħallikieku lanqas biss jimpurtahom li huma ġew lura jew bħallikieku m’għadhomx jafdawhom. Il-​ġenitur forsi jgħid, “Kif tistgħu tkunu daqstant ingrati wara dak kollu li għamilt għalikom?” Imma l-​verità hi li t-​tfal ikunu mweġġgħin minħabba li l-​ġenitur tagħhom ikun telaqhom. Il-​ġenitur kif jistaʼ jirranġa l-​problema?

8 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem kif tħossha verament il-​familja tiegħek, u urihom li jimpurtak. Imbagħad, meta titkellem mal-​familja tiegħek, irrikonoxxi u aċċetta li int għandek parti mit-​tort. Li tiskuża ruħek b’mod ġenwin jistaʼ jkun t’għajnuna. Hekk kif żewġek, jew martek, u wliedek jaraw li int il-​ħin kollu qed tipprova tirranġa l-​affarijiet, se jindunaw li int sinċier. B’determinazzjoni u paċenzja, tistaʼ bil-​mod il-​mod terġaʼ tikseb l-​imħabba u r-​rispett tal-​familja tiegħek.

IPPROVDI GĦAL FAMILTEK

9. Għala għandna nkunu kuntenti bil-​livell t’għajxien tagħna?

9 L-​appostlu Pawlu kiteb li meta Kristjani akbar fl-​età ma jkunux jistgħu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom stess, uliedhom u t-​tfal taʼ wliedhom għandhom jgħinuhom. Skont Pawlu, kulma verament għandna bżonn biex inkunu kuntenti bil-​livell t’għajxien tagħna hu l-​ikel, l-​ilbies, u saqaf fuq rasna. (Aqra l-​1 Timotju 5:4, 8; 6:6-​10.) Biex jipprovdi għal familtu, Kristjan m’għandux għalfejn ifittex għana materjali f’din id-​dinja, li dalwaqt se tgħaddi. (1 Ġw. 2:15-​17) M’għandniex inħallu “l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” jew l-​“ansjetajiet tal-​ħajja” jpoġġu fil-​periklu l-​“qabda soda mal-​ħajja vera” tal-​familja tagħna fid-​dinja l-​ġdida ġusta t’Alla.​—Mk. 4:19; Lq. 21:34-​36; 1 Tim. 6:19.

10. Għala jkun għaqli li tevita d-​dejn?

10 Ġeħova jaf li għandna bżonn xi flus. Imma l-​flus ma jistgħux jgħinuna u jipproteġuna daqskemm jistaʼ l-​għerf minn Ġeħova. (Ekk. 7:12; Lq. 12:15) Ħafna drabi n-​nies ma jirrealizzawx kemm se jiswielhom flus biex imorru jgħixu f’pajjiż ieħor. U m’hemm l-​ebda garanzija li kif se jaslu hemm se jibdew jaqilgħu l-​flus. Infatti, li xi ħadd imur jgħix f’pajjiż ieħor jistaʼ jkun perikoluż. Ħafna li jitilqu lill-​familji tagħhom, jispiċċaw b’iktar dejn meta jirritornaw id-​dar. Minflok ma jkunu iktar ħielsa biex jaqdu lil Alla, ikollhom jaqdu lin-​nies li għandhom id-​dejn magħhom. (Aqra Proverbji 22:7.) Kemm ikun għaqli li tevita d-​dejn mill-​bidu!

11. Il-​familji kif jistgħu jsibuha t’għajnuna jekk iżommu maʼ baġit?

11 Issa li kien irritorna d-​dar, Eduardo kien jaf li kellu joqgħod b’sebaʼ għajnejn kif jintefqu l-​flus biex jirnexxilu jieħu ħsieb familtu. Hu u martu għamlu baġit ibbażat fuq dak li verament kellhom bżonn. M’għandniex xi ngħidu, il-​baġit kien ħafna iktar limitat minn dak li l-​familja tiegħu kienet imdorrija bih qabel. Imma lkoll kemm huma kkooperaw u ma nefqux flus fuq affarijiet mhux neċessarji.b “Pereżempju,” Eduardo jgħid, “ħriġt it-​tfal minn skejjel privati u bdejt nibgħathom fi skejjel tal-​gvern tajbin.” Hu u familtu talbu biex isib xogħol sekulari li ma jkunx taʼ tfixkil għar-​rutina spiritwali tagħhom. Ġeħova kif wieġeb it-​talb tagħhom?

12, 13. (a) Eduardo x’għamel biex imantni lil familtu? (b) Ġeħova kif bierek id-​deċiżjoni taʼ Eduardo biex iżomm ħajja sempliċi?

12 Għall-​ewwel sentejn, Eduardo bilkemm kien jaqlaʼ biżżejjed flus biex jgħajjex lil familtu, kellhom jużaw dak li kienu faddlu, u kien jispiċċa għajjien mejjet. Imma Eduardo jgħid: “Aħna stajna nattendu l-​laqgħat kollha u mmorru fil-​ministeru flimkien.” Hu ddeċieda li lanqas biss jikkunsidra li jaċċetta xogħol li jżommu ’l bogħod minn familtu. Hu jgħid: “Minflok, tgħallimt nagħmel diversi xogħlijiet sabiex meta ma kienx ikun hemm ċertu tip taʼ xogħol, stajt nagħmel ieħor.”

Il-​familja taʼ Marilyn qed ibigħu l-​ikel biex imantnu lilhom infushom

Tistaʼ int titgħallem tagħmel diversi xogħlijiet biex tmantni lil familtek? (Ara paragrafu 12)

13 Minħabba li Eduardo kellu jħallas id-​dejn tiegħu bil-​mod il-​mod, kellu jħallas iktar interessi fuq il-​flus li kien issellef. Madankollu, Eduardo kien lest li jagħmel dan sabiex ikun jistaʼ jaqdi lil Ġeħova flimkien maʼ familtu. “Issa naqlaʼ inqas minn 10 fil-​mija taʼ dak li kont naqlaʼ meta kont naħdem f’pajjiż ieħor,” jgħid Eduardo, “imma ma batejniex il-​ġuħ. ‘Id Ġeħova mhix qasira.’ Infatti ddeċidejna li nibdew naqdu bħala pijunieri.” Ftit wara dan, l-​ekonomija tjiebet u kien iktar faċli li jieħu ħsieb familtu.​—Is. 59:1.

PRESSJONI MILL-​QRABA

14, 15. (a) Il-​familji x’jistgħu jagħmlu jekk il-​qraba tagħhom jagħmlulhom pressjoni biex ipoġġu l-​affarijiet materjali qabel dawk spiritwali? (b) X’jistaʼ jiġri jekk inħallu eżempju tajjeb?

14 F’ħafna postijiet, in-​nies iħossuhom obbligati jagħtu flus u rigali lil qraba u ħbieb. “Hija parti mill-​kultura tagħna, u aħna nieħdu pjaċir nagħtu,” jispjega Eduardo, imma jżid jgħid: “Hemm limitu.” Hu b’tattika jispjega lil qrabatu li se jagħtihom kemm jistaʼ, imma mhuwiex se jittraskura l-​bżonnijiet tal-​mara u t-​tfal jew il-​qima li jagħtu lil Ġeħova.

15 Xi qraba forsi jiddiżappuntaw ruħhom meta individwu jagħżel li jibqaʼ maʼ familtu jew li jirritorna d-​dar. Għandu mnejn jgħajruh li hu egoist u li ma jħobbhomx. Għala? Għax dawn il-​qraba jistennew li jagħtihom il-​flus. (Prov. 19:6, 7) “Minkejja dan,” it-​tifla taʼ Eduardo, Anna, tgħid, “meta ma nissagrifikawx l-​affarijiet spiritwali għall-​vantaġġi materjali, xi wħud mill-​qraba tagħna eventwalment jistgħu jirrealizzaw kemm hi importanti l-​ħajja Kristjana tagħna. Inkella kif qatt jistgħu jifhmu dan jekk aħna nagħtuhom dak kollu li jitolbu mingħandna?”—Qabbel l-​1 Pietru 3:1, 2.

EŻERĊITA L-​FIDI F’ALLA

16. (a) Persuna kif tistaʼ ‘tqarraq biha nfisha bi rraġunar falz’? (Ġak. 1:22) (b) Ġeħova liema deċiżjonijiet ibierek?

16 Malli waslet f’pajjiż iktar sinjur mingħajr żewġha u wliedha, waħda oħt qalet lill-​anzjani: “Kellna nagħmlu sagrifiċċji kbar biex jien ġejt hawnhekk. Żewġi saħansitra ma baqax jaqdi bħala anzjan. Għalhekk, nittama li Ġeħova jbierek din id-​deċiżjoni.” Ġeħova dejjem ibierek deċiżjonijiet li huma bbażati fuq il-​fidi li għandna fih, imma kif jistaʼ jbierek deċiżjoni li tmur kontra r-​rieda tiegħu, speċjalment meta din tinvolvi li xi ħadd iċedi bla bżonn privileġġi taʼ servizz?​—Aqra Ebrej 11:6; 1 Ġwanni 5:13-​15.

17. Għala għandna nfittxu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova qabel ma nieħdu deċiżjonijiet, u kif nistgħu nagħmlu dan?

17 Fittex id-​direzzjoni taʼ Ġeħova qabel ma tieħu deċiżjoni sabiex wara ma jkollokx dispjaċiri. Itlob għall-​ispirtu qaddis, l-​għerf, u l-​gwida tiegħu. (2 Tim. 1:7) Staqsi lilek innifsek: ‘Kemm jien lest li nagħmel sagrifiċċji biex nobdi lil Ġeħova? Se nobdi d-​direzzjoni tiegħu biex nibqaʼ maʼ familti, anki jekk dan ifisser li ngħixu ħajja inqas komda?’ (Lq. 14:33) Itlob l-​għajnuna mingħand l-​anzjani u segwi l-​pariri Skritturali li jagħtuk. Jekk tagħmel dan, tkun qed turi l-​fidi u l-​fiduċja tiegħek fil-​wegħda taʼ Ġeħova li jgħinek. L-​anzjani ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet għalik, imma jistgħu jgħinuk tagħmel għażliet li maż-​żmien iwasslu biex ikollok ħajja ferħana.​—2 Kor. 1:24.

18. (a) Min għandu r-​responsabbiltà li jmantni lil familtu? (b) X’nistgħu nagħmlu aħna biex ngħinu?

18 Ġeħova jistenna li l-​kapijiet tal-​familja jmantnu lill-​familji tagħhom il-​ħin kollu. Lil uħud li jwettqu r-​responsabbiltajiet tagħhom bla ma jitilqu lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ jew lit-​tfal, minkejja l-​pressjoni u t-​tentazzjoni biex jagħmlu dan, għandna nfaħħruhom u nitolbu għalihom. Ċirkustanzi mhux mistennijin, bħal xi diżastru jew emerġenza medika, jagħtuna opportunità biex nuru l-​imħabba Kristjana vera. (Gal. 6:2, 5; 1 Pt. 3:8) Tistaʼ tgħinhom isibu xogħol fil-​viċin jew tagħtihom xi ħaġa li għandhom bżonn b’mod urġenti, bħal flus jew ikel? Jekk iva, għandu mnejn ma jkollhomx għalfejn jitilqu l-​familja tagħhom biex isibu xogħol f’post ieħor.​—Prov. 3:27, 28; 1 Ġw. 3:17.

FTAKAR LI ĠEĦOVA HU DAK LI JGĦINEK!

19, 20. Għala l-​Kristjani jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jgħinhom?

19 L-​Iskrittura tħeġġiġna: “Ħa jkun il-​mod kif tgħixu ħieles mill-​imħabba għall-​flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-​preżent. Għax [Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’ B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?’” (Ebr. 13:5, 6) Dan kif nistgħu napplikawh f’ħajjitna?

20 “In-​nies spiss jikkummentaw dwar kemm huma ferħanin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova,” jgħid ħu li ilu jaqdi bħala anzjan f’pajjiż fqir. “Huma jinnotaw ukoll li anki Xhieda fqar ikunu dejjem lebsin pulit u jidhru li għandhom kulma jeħtieġu.” Dan jaqbel mal-​wegħda li għamel Ġesù maʼ min ipoġġi s-​Saltna l-​ewwel. (Mt. 6:28-​30, 33) Iva, Missierek tas-​sema, Ġeħova, iħobbok u jixtieq dak li hu l-​aħjar għalik u għal uliedek. “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Hu tana l-​kmandamenti tiegħu—inkluż dawk li għandhom x’jaqsmu mal-​ħajja tal-​familja u l-​bżonnijiet materjali—għall-​ġid tagħna. Meta nobduhom, nuru li nħobbuh u nafdawh. “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”​—1 Ġw. 5:3.

21, 22. Għala int determinat li jkollok fiduċja f’Ġeħova?

21 “Naf li ż-​żmien li qattajt ’il bogħod minn marti u wliedi qatt ma nistaʼ nerġaʼ nġibu,” jgħid Eduardo, “imma ma noqgħodx nhewden fuq id-​dispjaċiri tiegħi. Ħafna minn dawk li kont naħdem magħhom huma sinjuri imma mhux ferħanin. Il-​familji tagħhom għandhom problemi serji. Però, il-​familja tagħna hi ferħana ħafna. U jien nibqaʼ impressjonat meta nara kif aħwa oħrajn f’dan il-​pajjiż, minkejja li huma foqra, iżommu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom. Ilkoll qed nesperjenzaw kemm hi minnha l-​wegħda li għamel Ġesù.”​—Aqra Mattew 6:33.

22 Kun mimli kuraġġ! Agħżel li tobdi lil Ġeħova u afda fih. Ħalli l-​imħabba tiegħek għal Alla, għall-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ, u għal uliedek tqanqlek biex twettaq ir-​responsabbiltà spiritwali tiegħek lejn familtek. Imbagħad se tesperjenza li ‘Ġeħova hu dak li jgħinek.’

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

b Ara s-​serje “How to Manage Money” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Settembru 2011.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja