LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Skritturi Moqrijin b’Enfasi Xierqa
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 21

      Skritturi Moqrijin b’Enfasi Xierqa

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Agħmel il-​kliem u l-​espressjonijiet li jenfasizzaw l-​irraġunar tiegħek jispikkaw. Aqra b’sentiment xieraq.

      Għala importanti?

      Il-​qawwa sħiħa tal-​iskritturi tispikka iktar meta jinqraw b’enfasi xierqa.

      META titkellem maʼ oħrajn dwar l-​iskopijiet taʼ Alla, sew jekk fil-​privat u sew jekk minn fuq il-​platform, id-​diskussjoni tiegħek għandha tiffoka fuq dak li hemm fil-​Kelma taʼ Alla. Dan ġeneralment jinvolvi l-​qari taʼ skritturi mill-​Bibbja li għandu jsir sewwa.

      Enfasi Xierqa Tinvolvi s-​Sentiment. L-​iskritturi għandhom jinqraw b’sentiment. Ikkunsidra xi eżempji. Meta taqra b’leħen għoli Salm 37:11, il-​vuċi tiegħek għandha turi li qed tistenna bil-​ferħ il-​paċi li tiġi mwiegħda hawn. Meta taqra Rivelazzjoni 21:4 rigward it-​tmiem tat-​tbatija u l-​mewt, leħnek għandu jirrifletti apprezzament mill-​qalb għas-​serħan meraviljuż li qed jiġi mbassar. Rivelazzjoni 18:2, 4, 5, bl-​appell tagħha biex noħorġu minn “Babilonja l-​Kbira,” il-​belt miżgħuda bid-​dnubiet, għandha tinqara b’ton taʼ urġenza. M’għandniex xi ngħidu, is-​sentiment għandu jiġi mill-​qalb iżda ma jkunx esaġerat. Il-​vers innifsu u l-​mod kif jintuża jiddeterminaw l-​ammont xieraq taʼ emozzjoni.

      Enfasizza l-​Kliem it-​Tajjeb. Jekk il-​kummenti tiegħek fuq ċertu vers huma mibnijin madwar biċċa minnu biss, għandek tenfasizza din il-​biċċa meta taqra l-​vers. Pereżempju, meta taqra Mattew 6:33, ma tpoġġix l-​enfasi primarja fuq “is-​sewwa tiegħu” jew fuq “dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha” jekk bi ħsiebek tanalizza x’inhu t-​tifsir taʼ “ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna.”

      F’taħdita fil-​Laqgħa tas-​Servizz tistaʼ tippjana li taqra Mattew 28:19. Liema kliem għandek tenfasizza? Jekk trid tħeġġeġ l-​udjenza biex tħabrek ħalli tibda studji tal-​Bibbja fid-​djar, enfasizza “agħmlu dixxipli.” Mill-​banda l-​oħra, jekk tippjana li tiddiskuti r-​responsabbiltà Kristjana li naqsmu veritajiet Bibliċi maʼ komunità taʼ immigranti jew jekk trid tinkuraġġixxi ċerti pubblikaturi biex jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar, tistaʼ forsi tenfasizza “nies tal-​ġnus kollha.”

      Spiss, skrittura tiġi preżentata bħala tweġiba għal mistoqsija jew biex tappoġġa argument li oħrajn iqisuh kontroversjali. Jekk kull ħsieb espress fil-​vers jiġi enfasizzat indaqs, l-​udjenza li għandek tistaʼ ma tarax kif jintrabat mal-​punt tiegħek. Il-​punt jistaʼ jkun ovvju għalik imma mhux għalihom.

      Pereżempju, meta taqra Salm 83:18 minn Bibbja li fiha l-​isem divin, jekk tpoġġi l-​enfasi kollha fuq l-​espressjoni “l-​Iktar Għoli,” l-​inkwilin jistaʼ ma jifhimx il-​fatt li jidher ovvju li Alla għandu isem persunali. Għandek tenfasizza l-​isem “Ġeħova.” Madankollu, meta tuża l-​istess skrittura f’diskussjoni dwar is-​sovranità taʼ Ġeħova, għandek tpoġġi enfasi primarja fuq l-​espressjoni “l-​Iktar Għoli.” Bl-​istess mod, jekk tuża Ġakbu 2:24 biex turi kemm hu importanti li l-​fidi nappoġġawha bl-​għemejjel, tistaʼ ġġiegħel li xi wħud li jisimgħuk jonqsu li jifhmu l-​punt jekk tpoġġi enfasi primarja fuq “dikjarat ġust” minflok fuq “għemejjel.”

      Eżempju ieħor taʼ għajnuna jistaʼ jinstab f’​Rumani 15:7-​13. Din hi parti minn ittra miktuba mill-​appostlu Pawlu lil kongregazzjoni magħmula kemm minn Ġentili kif ukoll minn Lhud naturali. Hawnhekk l-​appostlu jirraġuna dwar li l-​ministeru taʼ Kristu hu taʼ benefiċċju mhux biss għal-​Lhud ċirkonċiżi iżda anki għan-​nies tal-​ġnus sabiex “il-​ġnus jigglorifikaw lil Alla għall-​ħniena tiegħu.” Imbagħad Pawlu kkwota erbaʼ skritturi u ġibed l-​attenzjoni lejn din l-​opportunità għall-​ġnus. Kif għandek taqra dawn il-​kwotazzjonijiet sabiex tenfasizza l-​punt li Pawlu kellu f’moħħu? Jekk qed timmarka espressjonijiet li tridhom jispikkaw, tistaʼ tenfasizza “l-​ġnus” f’vers 9, “O ġnus” f’vers 10, “il-​ġnus kollha” u “l-​popli kollha” f’vers 11, u “l-​ġnus” f’vers 12. Ipprova aqra Rumani 15:7-​13 b’din l-​enfasi. Int u tagħmel dan, l-​irraġunar kollu kemm hu taʼ Pawlu se jsir iktar ċar u iktar faċli biex jinftiehem.

      Metodi taʼ Kif Tenfasizza. Il-​kliem li jġorr il-​ħsieb u li tixtiequ jispikka jistaʼ jiġi enfasizzat b’diversi modi. Il-​mezz li tuża għandu jkun fi qbil mal-​iskrittura u s-​sitwazzjoni tat-​taħdita. Hawn ġejjin xi ftit suġġerimenti.

      Enfasi bil-​leħen. Dan jinvolvi kwalunkwe bidla fil-​leħen li ġġiegħel il-​kliem li jġorr il-​ħsieb jispikka mill-​bqija tas-​sentenza. L-​enfasi tistaʼ tagħmilha billi tgħolli jew tbaxxi l-​leħen. F’ħafna lingwi, bidla fit-​ton iżżid l-​enfasi. Madankollu, f’xi lingwi, dan jistaʼ jbiddel it-​tifsira għalkollox. Meta jintuża pass iktar bil-​mod għall-​espressjonijiet prinċipali, dan jagħmilhom iktar importanti. F’lingwi li ma jippermettux l-​enfasi bil-​leħen bħala mezz li jenfasizza ċertu kliem, ikun neċessarju li tagħmel dak li hu komuni f’dik il-​lingwa sabiex tikseb ir-​riżultati mixtiqin.

      Pawsi. Dawn jistgħu jsiru qabel jew wara li taqra s-​silta prinċipali taʼ skrittura—jew it-​tnejn. Pawsa eżatt qabel ma taqra ħsieb prinċipali toħloq antiċipazzjoni; pawsa wara tagħmel l-​impressjoni iktar profonda. Madankollu, jekk ikun hemm wisq pawsi, xejn ma jispikka.

      Ripetizzjoni. Tistaʼ tpoġġi enfasi fuq punt partikulari billi tinterrompi lilek innifsek u terġaʼ taqra l-​kelma jew il-​frażi. Spiss metodu aħjar hu li tlesti l-​vers u mbagħad tirripeti l-​espressjoni prinċipali.

      Ġesti. Il-​movimenti tal-​ġisem kif ukoll l-​espressjoni tal-​wiċċ spiss jistgħu jżidu l-​emozzjoni lil kelma jew frażi.

      Ton tal-​leħen. F’xi lingwi, il-​kliem jistaʼ kultant jinqara b’ton li jinfluwenza t-​tifsira tiegħu u jagħmlu jispikka. Hawnhekk ukoll, għandu jintuża l-​għaqal, speċjalment meta jintuża s-​sarkażmu.

      Meta Oħrajn Jaqraw il-​Versi. Meta inkwilin jaqra skrittura, għandu mnejn jenfasizza l-​kliem il-​ħażin jew ma jenfasizza xejn. X’tistaʼ tagħmel imbagħad? Ġeneralment ikun aħjar li tagħmel it-​tifsira ċara billi turi kif japplikaw il-​versi. Wara dan tistaʼ tiffoka l-​attenzjoni speċjali direttament fuq il-​kliem mill-​Bibbja li jġorr il-​ħsieb.

      KIF TITGĦALLEM TUŻA L-​ENFASI

      • Rigward kwalunkwe skrittura li tippjana li taqra, staqsi lilek innifsek: ‘Dan il-​kliem jesprimi liema sentiment jew emozzjoni? Kif għandi nuriha?’

      • Analizza l-​versi li bi ħsiebek tuża. Rigward kull wieħed, staqsi lilek innifsek: ‘Dan il-​vers liema skop se jservi? Liema kliem għandu bżonn jiġi enfasizzat sabiex jintlaħaq dan l-​iskop?’

      TAĦRIĠ: (1) Analizza skrittura li bi ħsiebek tuża fis-​servizz tal-​għalqa. Ipprattika l-​qari tagħha b’sentiment adattat. Billi żżomm f’moħħok il-​mod kif bi ħsiebek tuża l-​vers, aqrah b’leħen għoli b’enfasi fuq il-​kelma jew il-​kliem korrett. (2) Minn pubblikazzjoni li qed nistudjaw bħalissa, agħżel paragrafu wieħed li fih xi skritturi kwotati. Analizza kif l-​iskritturi qed jintużaw. Immarka l-​kliem li jġorr il-​ħsieb. Aqra l-​paragrafu kollu kemm hu b’leħen għoli b’mod li tagħti enfasi xierqa lill-​iskritturi.

  • Skritturi li Jiġu Applikati b’Mod Korrett
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 22

      Skritturi li Jiġu Applikati b’Mod Korrett

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Kun żgur li kwalunkwe applikar taʼ skrittura jkun fi qbil mal-​kuntest u mal-​Bibbja kollha kemm hi. L-​applikar għandu jkun fi qbil ukoll maʼ dak li ġie pubblikat mill-​“ilsir leali u għaqli.”

      Għala importanti?

      Hi xi ħaġa serja li tgħallem il-​Kelma taʼ Alla lil oħrajn. Ir-​rieda tiegħu hi li n-​nies jaslu “għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” (1 Tim. 2:3, 4) Dan jgħabbina bir-​responsabbiltà li ngħallmu l-​Kelma taʼ Alla b’mod korrett.

      META tgħallem lil oħrajn, jeħtieġ iktar milli sempliċement taqra l-​versi mill-​Bibbja. L-​appostlu Pawlu kiteb lil sieħbu Timotju: “Agħmel l-​almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi, billi timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.”—2 Tim. 2:15.

      Sabiex nagħmlu dan, l-​ispjegazzjoni tagħna tal-​iskritturi għandha tkun konsistenti maʼ dak li l-​Bibbja nfisha tgħallem. Dan jirrikjedi li nikkunsidraw il-​kuntest, minflok ma sempliċement nagħżlu espressjonijiet li jogħġbuna u nżidu l-​ideat tagħna stess. Permezz tal-​profeta Ġeremija, Ġeħova wissa kontra dawk il-​profeti li sostnew li tkellmu minn fomm Ġeħova iżda fil-​fatt taw “il-​viżjoni taʼ qalbhom.” (Ġer. 23:16) L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani kontra li jikkontaminaw il-​Kelma taʼ Alla b’filosofiji tal-​bnedmin meta kiteb: “Warrabna kulma jsir minn taħt li hu taʼ mistħija, ma nimxux bil-​makakkerija, lanqas inniġġsu l-​kelma t’Alla.” F’dak iż-​żmien, negozjanti diżonesti tal-​inbid kienu jħalltu l-​inbid tagħhom biex iżiduh fil-​kwantità u jaqilgħu iktar flus. Aħna ma nniġġsux il-​Kelma taʼ Alla billi nħalltuha b’filosofiji tal-​bnedmin. “Aħna . . . ma nagħmlux negozju mill-​kelma t’Alla bħalma jagħmlu ħafna,” iddikjara Pawlu, “imma qed nitkellmu bis-​sinċerità, iva, bħala nies mibgħutin minn Alla, quddiem Alla, u fi sħubija maʼ Kristu.”—2 Kor. 2:17; 4:2.

      Xi drabi tistaʼ tikkwota skrittura biex tenfasizza prinċipju. Il-​Bibbja mimlija bi prinċipji li jipprovdu gwida f’lokha taʼ kif nittrattaw maʼ varjetà kbira taʼ sitwazzjonijiet. (2 Tim. 3:16, 17) Iżda għandek tkun żgur li l-​applikar tiegħek ikun eżatt u li ma tkunx qed tuża xi skrittura ħażin u tagħmilha tidher li qed tgħid dak li trid int. (Salm 91:11, 12; Mt. 4:5, 6) L-​applikar għandu jkun fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova, konsistenti mal-​Kelma taʼ Alla kollha kemm hi.

      Biex “timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità” trid ukoll tifhem dak li tgħid il-​Bibbja. Mhijiex xi “bastun” li tużah biex iġġiegħel lil oħrajn jagħmlu dak li trid int. Għalliema reliġjużi li opponew lil Ġesù Kristu kkwotaw mill-​Iskrittura, iżda kienu qed jagħlqu għajnejhom għal kwistjonijiet iktar importanti li jirrikjedi Alla, dawk li jinvolvu l-​ġustizzja, il-​ħniena, u l-​fedeltà. (Mt. 22:23, 24; 23:23, 24) Meta kien jgħallem il-​Kelma taʼ Alla, Ġesù rrifletta l-​personalità taʼ Missieru. Ġesù kien juri ż-​żelu għall-​verità flimkien mal-​imħabba profonda tiegħu għan-​nies li għallem. Aħna għandna nistinkaw biex insegwu l-​eżempju tiegħu.—Mt. 11:28.

      Kif nistgħu nkunu ċerti li qed nagħmlu applikar xieraq taʼ skrittura? Il-​qari regulari tal-​Bibbja se jgħin. Irridu wkoll napprezzaw il-​provvediment taʼ Ġeħova tal-​“ilsir leali u għaqli,” il-​ġemgħa taʼ Kristjani midlukin bl-​ispirtu li permezz tagħha jipprovdi ikel spiritwali għall-​qaddejja leali tiegħu kollha. (Mt. 24:45) L-​istudju persunali kif ukoll l-​attendenza regulari u l-​parteċipazzjoni fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni se jgħinuna nibbenefikaw mill-​istruzzjoni provduta permezz taʼ din il-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli.

      Jekk il-​ktieb Reasoning From the Scriptures hu disponibbli b’lingwa li tifhimha u titgħallem tużah sew, se jkun faċli għalik li tikseb il-​gwida li għandek bżonn biex tapplika b’mod korrett mijiet taʼ skritturi li jintużaw spiss fil-​ministeru tagħna. Jekk qed tippjana li tuża skrittura li mhix familjari, il-​modestja se tqanqlek biex tagħmel ir-​riċerka meħtieġa sabiex meta titkellem tkun qed timmaniġġa sew il-​kelma tal-​verità.—Prov. 11:2.

      Agħmel l-​Applikazzjoni Ċara. Meta tgħallem lil oħrajn, kun ċert li huma jaraw ċar ir-​rabta bejn is-​suġġett li qed tiddiskuti u l-​iskritturi li qed tuża. Jekk tagħmel mistoqsija biex twassal għall-​iskrittura, is-​semmiegħa tiegħek għandhom jaraw kif l-​iskrittura twieġeb din il-​mistoqsija. Jekk qed tuża l-​iskrittura biex tappoġġa xi stqarrija, kun ċert li l-​istudent jara ċar kif il-​vers joħroġ il-​punt.

      Il-​qari biss tal-​iskrittura—saħansitra b’enfasi—ġeneralment ma jkunx biżżejjed. Ftakar li n-​nies inġenerali mhumiex familjari mal-​Bibbja u x’aktarx ma jifhmux il-​punt tiegħek b’sempliċi qari wieħed. Iġbed l-​attenzjoni għas-​silta tal-​vers li tapplika direttament għal dak li qed tiddiskuti.

      Dan ġeneralment jirrikjedi li tenfasizza l-​kliem prinċipali, dak li għandu effett dirett fuq il-​punt li qed jiġi diskuss. L-​iktar metodu sempliċi hu li terġaʼ ssemmi dan il-​kliem li jġorr il-​ħsieb. Jekk qed tkellem individwu, tistaʼ forsi tistaqsi mistoqsijiet li se jgħinuh jidentifika l-​kliem prinċipali. Meta jkellmu lil grupp taʼ nies, xi kelliema jippreferu jilħqu l-​mira tagħhom billi jużaw sinonimi jew billi jerġgħu jsemmu l-​idea. Madankollu, jekk tagħżel li tagħmel dan, ħu ħsieb li l-​udjenza ma titlifx il-​konnessjoni bejn il-​punt tad-​diskussjoni u l-​kliem fl-​iskrittura.

      Wara li tkun enfasizzajt il-​kliem prinċipali, tkun għamilt pedament tajjeb. Issa kompli ibni fuq dak li diġà għedt. Introduċejt l-​iskrittura ċar biżżejjed biex in-​nies jifhmu għala se tuża l-​vers? Jekk iva, iġbed l-​attenzjoni lejn kif il-​kliem li enfasizzajt jorbot maʼ dak li lill-​udjenza tiegħek tajtha x’tifhem. Għid b’mod ċar x’inhi l-​konnessjoni. Anki jekk m’użajtx introduzzjoni ċara għalkollox għall-​vers, għandek tagħti xi tip taʼ spjegazzjoni.

      Il-​Fariżej staqsew lil Ġesù dik li kienu jaħsbu li kienet mistoqsija diffiċli, jiġifieri: “Skond il-​liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lil martu għal kwalunkwe raġuni?” Ġesù bbaża t-​tweġiba tiegħu fuq Ġenesi 2:24. Innota li hu ffoka l-​attenzjoni fuq parti waħda biss minnha, u mbagħad għamel l-​applikar meħtieġ. Wara li semmielhom li r-​raġel u martu jsiru “ġisem wieħed,” Ġesù kkonkluda: “Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mt. 19:3-​6.

      Kemm għandek tagħti spjegazzjoni sabiex tagħmel l-​applikar taʼ skrittura ċar? Dan jiddependi minn min hemm fl-​udjenza tiegħek u mill-​importanza tal-​punt li qed jiġi diskuss. Agħmilha l-​mira tiegħek li tkun sempliċi u dirett.

      Irraġuna mill-​Iskrittura. Rigward il-​ministeru tal-​appostlu Pawlu f’Tessalonika, Atti 17:2, 3 jgħidilna li hu ‘rraġuna mill-​Iskrittura.’ Din hija abbiltà li kull qaddej taʼ Ġeħova għandu jipprova jrawwem fih. Pereżempju, Pawlu rrakkonta fatti dwar il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, wera li dawn kienu mbassrin fl-​Iskrittura Ebrajka, u mbagħad għamel konklużjoni qawwija billi qal: “Dan hu l-​Kristu, dan Ġesù li qed inxandrilkom.”

      Meta kiteb lill-​Ebrej, Pawlu kkwota b’mod ripetut mill-​Iskrittura Ebrajka. Sabiex jenfasizza jew jiċċara xi punt, hu spiss kien jagħmel xi kelma jew frażi qasira tispikka u mbagħad kien juri s-​sinifikat tagħha. (Ebr. 12:26, 27) Fir-​rakkont li nsibu f’​Ebrej kapitlu 3, Pawlu kkwota minn Salm 95:7-​11. Innota li mbagħad hu elabora fuq tliet siltiet minnha: (1) ir-​referenza għall-​qalb (Ebr. 3: 8-​12), (2) is-​sinifikat tal-​espressjoni “Llum” (Ebr. 3:7, 13-​15; 4:6-​11), u (3) is-​sinifikat tal-​istqarrija: “Ma jidħlux fil-​mistrieħ tiegħi” (Ebr. 3:11, 18, 19; 4:1-​11). Stinka biex timita dan l-​eżempju hekk kif turi l-​applikar taʼ kull skrittura.

      Ikkunsidra l-​effettività li biha Ġesù rraġuna mill-​Iskrittura fir-​rakkont li nsibu f’​Luqa 10:25-​37. Raġel li kien jaf il-​Liġi staqsa: “Għalliem, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?” Bi tweġiba Ġesù l-​ewwel stieden lir-​raġel biex jesprimi l-​ħarsa tiegħu fuq il-​kwistjoni, u mbagħad Ġesù enfasizza l-​importanza li jagħmel dak li tgħid il-​Kelma taʼ Alla. Meta beda jidher ċar li r-​raġel ma kienx qed jifhem il-​punt, Ġesù ddiskuta fit-​tul kelma waħda biss mill-​iskrittura—“proxxmu.” Minflok ma sempliċement fissirhielu, hu uża tixbiha biex jgħin lir-​raġel jasal għall-​konklużjoni xierqa hu stess.

      Huwa evidenti li meta wieġeb il-​mistoqsijiet, Ġesù mhux biss ikkwota versi li jagħtu tweġiba diretta u ovvja. Hu analizza x’kienu jgħidu l-​versi u mbagħad wera kif japplikaw għall-​mistoqsija li kien qed iwieġeb.

      Meta t-​tama tal-​irxoxt kienet qed tiġi sfidata mis-​Sadduċej, Ġesù ffoka l-​attenzjoni fuq silta speċifika f’​Eżodu 3:6. Iżda hu ma waqafx wara li kkwota l-​iskrittura. Hu rraġuna fuqha biex juri ċar li l-​irxoxt hu parti mill-​iskop taʼ Alla.—Mk. 12:24-​27.

      Jekk trawwem sew l-​abbiltà li tirraġuna b’mod korrett u effettiv mill-​Iskrittura se tiġi megħjun ħafna biex issir għalliem tas-​sengħa.

      KIF TIŻVILUPPA L-​ABBILTÀ

      • Aqra l-​Bibbja regolarment. Studja bir-​reqqa It-​Torri tal-​Għassa, u pprepara sew għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni.

      • Kun żgur li taf it-​tifsir tal-​kliem fi kwalunkwe skrittura li tippjana li tuża. Aqra l-​vers bir-​reqqa sabiex tifhem b’mod korrett dak li qed jgħid.

      • Ħudha drawwa li tagħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna.

      TAĦRIĠ: Irraġuna fuq it-​tifsir tat-​2 Pietru 3:7. Turi li l-​art se tinqered bin-​nar? (Meta tfisser il-​kelma “art,” ikkunsidra wkoll xi tfisser il-​kelma “smewwiet.” Liema skritturi juru li “l-​art” tistaʼ tintuża f’sens figurattiv? Min jew liema ħaġa se tinqered fir-​realtà, bħalma hu mniżżel f’2 Pietru 3 vers 7? Dan kif inhu fi qbil maʼ dak li ġara fi żmien Noè u li jissemma f’2 Pietru 3 versi 5 u 6?)

  • Valur Prattiku Magħmul Ċar
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
    • STUDJU 23

      Valur Prattiku Magħmul Ċar

      X’hemm bżonn tagħmel?

      Għin lill-​udjenza jaraw kif is-​suġġett tiegħek jeffettwalhom ħajjithom jew kif jistgħu jużawh b’mod li hu taʼ benefiċċju għalihom.

      Għala importanti?

      Jekk in-​nies ma jarawx il-​valur prattiku taʼ dak li tkun qed tgħid, għandhom mnejn jgħidulek li mhumiex interessati, jew ma jibqgħux jisimgħuk billi jħallu lil moħħhom jaħseb fuq affarijiet oħrajn.

      KEMM jekk qed titkellem maʼ individwu wieħed jew maʼ udjenza akbar, ma jkunx għaqli li tassumi li s-​semmiegħ(a) tiegħek se jkun interessat fis-​suġġett tiegħek sempliċement għax int interessat fih. Il-​messaġġ tiegħek hu importanti, imma jekk ma turix b’mod ċar x’inhu l-​valur prattiku tiegħu, x’aktarx li l-​udjenza ma ddumx ma titlef l-​interess fih.

      Dan hu minnu anki dwar udjenza f’Sala tas-​Saltna. Huma jistgħu jagħtu widen meta tuża tixbiha jew esperjenza li qatt ma semgħuha qabel. Imma jistgħu ma jibqgħux jagħtu widen meta titkellem dwar affarijiet li jafuhom diġà, speċjalment jekk ma tibnix fuq dawn l-​affarijiet. Trid tgħinhom jaraw għala u kif dak li qed tgħid hu tassew taʼ benefiċċju għalihom.

      Il-​Bibbja tinkuraġġina naħsbu f’termini prattiċi, jew dwar x’inhu għaqli. (Prov. 3:21) Ġeħova uża lil Ġwanni l-​Għammied biex jidderieġi lin-​nies lejn “l-​għaqal tan-​nies sewwa,” jiġifieri lejn dak li hu taʼ benefiċċju u prattiku. (Lq. 1:17) Dan l-​għaqal għandu l-​għeruq tiegħu fil-​biżaʼ bnin minn Ġeħova. (Salm 111:10) Dawk li japprezzaw dan l-​għaqal huma megħjunin ikampaw b’suċċess mal-​ħajja issa u jżommu sod mal-​ħajja vera, il-​ħajja eterna li ġejja.—1 Tim. 4:8; 6:19.

      Kif Tagħmel Taħdita Prattika. Jekk it-​taħdita tiegħek se tkun waħda prattika, ma tridx taħseb bis-​serjetà dwar il-​materjal biss imma wkoll dwar l-​udjenza. Tħarisx lejha sempliċement bħala grupp. Dan il-​grupp hu magħmul minn individwi u familji. Jistaʼ jkun hemm uħud ċkejknin, adoloxxenti, adulti, u xi wħud li huma mdaħħlin fiż-​żmien. Jistaʼ jkun hemm uħud ġodda interessati kif ukoll dawk li bdew jaqdu lil Ġeħova qabel ma twilidt int. Xi wħud jistgħu jkunu maturi spiritwalment; oħrajn jistgħu jkunu għadhom influwenzati ħafna minn ċerti attitudnijiet u prattiki tad-​dinja. Staqsi lilek innifsek: ‘Il-​materjal li se niddiskuti kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal dawk fl-​udjenza? Kif nistaʼ ngħinhom jifhmu l-​punt?’ Tistaʼ tiddeċiedi li tagħti l-​attenzjoni prinċipali lil grupp wieħed jew tnejn imsemmijin hawnhekk. Madankollu, tinsiex lill-​oħrajn kompletament.

      Xi ngħidu jekk tiġi inkarigat tiddiskuti tagħlim Bibliku bażiku? Kif tistaʼ tagħmel taħdita bħal din taʼ benefiċċju għal udjenza li diġà temmen dan it-​tagħlim? Stinka biex issaħħaħ il-​konvinzjoni tagħha fih. Kif? Billi tirraġuna dwar l-​evidenza Skritturali li tappoġġah. Tistaʼ wkoll tkabbar l-​apprezzament tagħha għal dan it-​tagħlim Bibliku. Dan jistaʼ jsir billi turi kif it-​tagħlim hu konsistenti maʼ veritajiet Bibliċi oħrajn u mal-​personalità taʼ Ġeħova. Uża eżempji—jekk inhu possibbli esperjenzi li seħħew fir-​realtà—li juru kif minħabba li fehmu dan it-​tagħlim partikulari xi wħud ibbenefikaw u l-​ħarsa tagħhom lejn il-​futur ġiet influwenzata.

      Tillimitax l-​applikazzjoni prattika għal ftit rimarki qosra fil-​konklużjoni tat-​taħdita tiegħek. Mill-​bidu nett, kull individwu fl-​udjenza tiegħek għandu jħoss: “Dan jgħodd għalija.” Wara li tkun poġġejt din il-​bażi, kompli agħmel applikazzjoni prattika int u tiżviluppa kull punt prinċipali fil-​qalba tat-​taħdita kif ukoll fil-​konklużjoni.

      Meta turi kif japplika l-​materjal, kun ċert li tagħmel dan b’tali mod li hu konsistenti mal-​prinċipji Bibliċi. Dan xi jfisser? Ifisser li turi l-​imħabba u l-​empatija. (1 Pt. 3:8; 1 Ġw. 4:8) Anki meta kien qed jittratta maʼ problemi diffiċli f’Tessalonika, l-​appostlu Pawlu aċċerta ruħu li jenfasizza l-​aspetti pożittivi tal-​progress spiritwali taʼ ħutu l-​Kristjani f’dak il-​post. Ukoll, hu esprima fiduċja li huma kienu se jkunu jridu jagħmlu dak li hu sewwa rigward il-​kwistjoni li kien qed jiddiskuti. (1 Tess. 4:1-​12) X’eżempju mill-​aqwa biex nimitawh!

      Għandha t-​taħdita tiegħek l-​iskop li tqanqal lill-​udjenza tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar u t-​tagħlim tal-​aħbar tajba lil oħrajn? Ibni l-​entużjażmu u l-​apprezzament għal dan il-​privileġġ. Madankollu, waqt li tagħmel dan żomm f’moħħok li mhux kulħadd jistaʼ jieħu sehem indaqs, u l-​Bibbja tqisu dan. (Mt. 13:23) Tgħabbix lil ħutek b’sentimenti taʼ ħtija. Ebrej 10:24 iħeġġiġna biex “nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.” Jekk nitqanqlu għall-​imħabba, l-​għemejjel ibbażati fuq il-​motiv tajjeb se jiġu wara. Minflok ma tiddetta l-​livell kif oħrajn għandhom jaġixxu, irrikonoxxi li dak li jrid Ġeħova hu li ninkuraġġixxu “l-​ubbidjenza bil-​fidi.” (Rum. 16:26) B’dan f’moħħna, aħna nfittxu li nsaħħu l-​fidi—kemm tagħna u kemm dik taʼ ħutna.

      Għin lil Oħrajn Jaraw il-​Valur Prattiku. Int u tagħti xhieda lil oħrajn, tinsiex tenfasizza l-​valur prattiku tal-​aħbar tajba. Biex tagħmel dan trid tikkunsidra x’għandhom f’moħħhom in-​nies fit-​territorju tiegħek. Kif tistaʼ tkun taf? Ismaʼ l-​aħbarijiet fuq ir-​radju jew it-​televixin. Ara x’hemm fil-​faċċati tal-​gazzetti. Ukoll, stinka biex iddaħħal in-​nies f’konversazzjoni, u ismaʼ meta jitkellmu. Għandek mnejn issib li jkunu qed jissieltu maʼ problemi urġenti—telf tal-​impjieg, ħlas tal-​kera, mard, mewt taʼ membru tal-​familja, periklu minħabba l-​kriminalità, inġustizzja taħt idejn xi ħadd fl-​awtorità, żwieġ imkisser, li jżommu kontroll fuq it-​tfal, u nibqgħu sejrin. Tistaʼ tgħinhom il-​Bibbja? Dażgur li iva.

      Meta tibda konversazzjoni, int x’aktarx li jkollok suġġett f’moħħok. Madankollu, jekk il-​persuna tindika li għandha kwistjoni oħra fuq moħħha li tinteressaha personalment, toqgħodx lura milli tiddiskuti lilha jekk tkun tistaʼ tagħmel dan, jew offri li tiġi lura b’xi informazzjoni taʼ għajnuna. M’għandniex xi ngħidu, aħna nevitaw li ‘nindaħlu fejn ma jesagħniex,’ imma minflok, bil-​ferħ naqsmu maʼ oħrajn il-​pariri prattiċi li toffri l-​Bibbja. (2 Tess. 3:11) Ovvjament, dak li jimpressjona l-​iktar lin-​nies hu l-​parir tal-​Bibbja li jikkonċerna lil ħajjithom stess.

      Jekk in-​nies ma jistgħux jaraw kif il-​messaġġ tagħna jeffettwahom personalment, għandhom mnejn itemmu l-​konversazzjoni malajr. Anki jekk iħalluna nitkellmu, jekk nonqsu milli nuruhom il-​valur prattiku tas-​suġġett il-​messaġġ tagħna jistaʼ jkollu ftit li xejn effett fuq ħajjithom. B’kuntrast, jekk nuru ċar x’inhu l-​valur prattiku tal-​messaġġ, id-​diskussjoni tagħna tistaʼ ġġib bidla kbira fil-​ħajjiet tan-​nies.

      Meta tikkonduċi studji tal-​Bibbja, kompli enfasizza l-​applikazzjoni prattika. (Prov. 4:7) Għin lill-​istudenti jifhmu l-​pariri, il-​prinċipji, u l-​eżempji Skritturali li juruhom kif jimxu fil-​mogħdijiet taʼ Ġeħova. Enfasizza l-​benefiċċji li jiġu milli jagħmlu dan. (Is. 48:17, 18) Dan se jqanqal lill-​istudenti jagħmlu l-​bidliet meħtiġin f’ħajjithom. Ibni fihom l-​imħabba għal Ġeħova u x-​xewqa li jogħġbuh, u ħalli l-​motivazzjoni biex japplikaw il-​pariri tal-​Kelma taʼ Alla tiġi mill-​qalb.

      KIF TAGĦMEL DAN

      • Meta tipprepara taħdita, tikkunsidrax il-​materjal biss imma wkoll l-​udjenza. Ippreżentah b’tali mod li tassew ikun taʼ ġid għalihom.

      • L-​applikazzjoni prattika m’għandhiex issir biss fil-​konklużjoni. Għandha ssir matul it-​taħdita kollha tiegħek.

      • Meta tipprepara biex tagħti xhieda, ikkunsidra x’għandhom f’moħħhom in-​nies fit-​territorju tiegħek.

      • Meta tagħti xhieda, ismaʼ bis-​serjetà lill-​persuna l-​oħra, u adatta l-​preżentazzjoni tiegħek skont dak li tismaʼ.

      TAĦRIĠ: Irrivedi l-​ħarġiet tal-​Ministeru tas-​Saltna li huma disponibbli għalik, u agħżel preżentazzjoni jew tnejn li tħoss li huma speċjalment prattiċi biex tużahom fit-​territorju tiegħek. Ipprovahom fis-​servizz tal-​għalqa.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja