Nies li Jgħixu fl-Għerien Illum
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-LESOTO
NIES LI JGĦIXU FL-GĦERIEN fi żmienna? Sibna xi wħud f’Lesoto, renju muntanjuż fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Ir-raħal fejn joqogħdu, Ha Kome, jinsab madwar 60 kilometru ’l bogħod minn Maseru, il-belt kapitali taʼ Lesoto, fl-għoljiet taʼ ħdejn il-Muntanji maestużi taʼ Maluti. Matul ix-xhur tas-sajf, dawn l-għoljiet ikunu taʼ spiss miksijin bi fjuri taʼ lewn aħmar jgħajjat. Dawn il-fjuri mill-isbaħ isibuhom ħafna bl-isem taʼ ħadid jikwi bin-nar, u dawn joħolqu kuntrast qawwi mal-ħdura fertili taʼ dawk l-inħawi.
Hawnhekk bosta familji għadhom jimxu fuq stil taʼ ħajja li ilu jeżisti għal sekli sħaħ. Huma fil-fatt jibnu d-djar tagħhom ġewwa l-għerien li hemm fil-muntanja. Il-qafas oħxon tal-faċċata tad-dar jifformawh minn zkuk taʼ l-injam u materjal ieħor, bħall-qasab. Il-ħajt jimlewh b’taħlita taʼ tajn u demel tal-baqar. Dan il-mili joffri ftit taʼ l-ilqugħ mix-xtiewi kesħin li jkun hemm f’Lesoto, fejn it-temperatura ġieli tinżel taħt iż-żero. Fuq ġewwa, hemm parti baxxa fl-art li tissejjaħ ifo, li tfisser “post għan-nar.” Din tintuża wkoll biex tipprovdi ftit sħana meta jkun il-bard.
Is-saqaf, il-ħajt taʼ wara, u taʼ spiss il-ġnub ukoll ikunu kollha fformati mill-ġebel taʼ l-għar innifsu. Maʼ dawn titkaħħal taħlita taʼ tajn u demel tal-baqar, u kull sena jagħtuhom kisja ġdida. B’hekk il-ġebel jingħata dehra kulurita u lixxa. Ġewwa jiġi mżejjen bil-ġlud tal-baqar li jintużaw ukoll bħala saqqijiet għall-irqad.
Il-viżitaturi mill-Punent jieħdu pjaċir jaraw dan il-mod taʼ ħajja differenti u tradizzjonali. Il-kostum popolari taʼ lbies jikkonsisti f’kutri kuluriti u kpiepel tal-ħaxix forma taʼ lembut. Wieħed taʼ spiss jistaʼ jara tfal ħafjin jirgħu l-merħliet tagħhom. L-irġiel tar-raħal issibhom jew jaħdmu fl-għelieqi tal-qamħirrum jew inkella mitlufin fid-diskors maʼ rġiel oħra.
Minn żmien għal żmien jidhru traċċi tat-teknoloġija moderna. Iż-żgħażagħ u x-xjuħ tar-raħal jieħdu pjaċir jaraw lit-turisti ġejjin fuq xi ajruplan żgħir jew bil-karozzi li jingranaw fuq erbaʼ roti. Il-biċċa l-kbira taʼ l-ikel jissajjar ġo borom suwed tal-ħadid bi tliet saqajn u jsajruh fuq ħuġġieġa barra d-dar. Peress li l-injam għall-ħruq huwa skars, jużaw id-demel tal-baqar niexef, il-qasab, u xi ftit zkuk tas-siġar biex iqabbdu n-nar. Għodda komuni li ssib f’dawn id-djar fl-għerien tinkludi l-mitħna tradizzjonali taʼ l-idejn biex jitħnu l-qamħirrum u zokk taʼ l-injam biex iħawdu s-soppa tal-qamħirrum bih.
Lesoto hija magħrufa għat-tpinġija mill-aboriġini, tpinġija li tinsab fuq il-ġebel u f’diversi għerien mal-pajjiż kollu. L-aboriġini huma l-ewwel nies li kienu jgħixu fl-għerien taʼ Ha Kome. It-tpinġija tagħhom turi varjetà kbira t’attivitajiet, minn sajd bid-dgħajjes u x-xbieki sa żfin elaborat fejn iż-żeffiena mid-dehra kienu jilbsu maskri taʼ l-annimali. It-tpinġija fiha wkoll annimali, bħal babuni, iljuni, ippopotami, u l-eland, l-akbar wieħed miċ-ċriev. Il-biċċa l-kbira tat-tpinġija fl-għerien taʼ Ha Kome m’għadhiex hemm. Ftit traċċi biss baqaʼ bħala tifkira tal-ħila artistika li kellhom l-aboriġini.
Grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah jieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar f’post li m’huwiex wisq ’il bogħod minn Ha Kome. Minn żmien għal żmien, huma jżuru lin-nies li jgħixu f’dawn l-għerien, li huma magħrufin għall-ospitalità li juru maʼ min iżurhom. Ix-Xhieda taʼ spiss jiġu milqugħin bi platt soppa milli jafu jagħmlu n-nies t’hemmhekk imsejħa motoho. Ħafna f’Ha Kome huma ħerqana li jaċċettaw letteratura Biblika. Ħafna drabi huma juru l-apprezzament tagħhom għal-letteratura billi joffru ħaxix, bajd jew oġġetti oħra bħala donazzjonijiet għax-xogħol edukattiv tax-Xhieda.
Dawn in-nies li jgħixu fl-għerien illum, għandhom rispett profond lejn il-Bibbja u jħobbu jistaqsu ħafna mistoqsijiet dwar il-ħajja, il-mewt, u t-twemmin tradizzjonali tagħhom. Ix-xogħol li għamlu Xhieda żelużi f’dawk l-inħawi rriżulta f’għadd taʼ studji tal-Bibbja. B’dan il-mod, iż-żrieragħ tal-verità sabu ħamrija fertili fil-qlub taʼ dawn in-nies umlin.—Mattew 13:8.
[Mappa f’paġna 18]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
HA KOME