LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/10 pp. 22-25
  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—It-Tieni Parti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—It-Tieni Parti
  • Stenbaħ!—2010
  • Materjal Simili
  • Għidilhom li tħobbhom
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Imħabba Iktar Qawwija Minn Uragan!
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2010
g 1/10 pp. 22-25

Eżempji taʼ Familji li Rnexxew​—It-​Tieni Parti

Bħalma rajna fl-​artiklu “Eżempji taʼ Familji li Rnexxew—L-​Ewwel Parti,” il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jipprovdu stabbiltà lil familji fi żminijiet diffiċli.a Lil dawk li jgħixu fi qbil mal-​livelli tiegħu, Alla Ġeħova jwegħedhom: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.”—Salm 32:8.

Inkampaw maʼ problemi finanzjarji. Il-​flus spiss huma r-​raġuni għal tilwim kbir bejn il-​miżżewġin. Imma l-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinu lill-​familji jżommu attitudni xierqa meta jkollhom problemi finanzjarji. Ġesù qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. . . . Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.”—Mattew 6:25, 32.

F’paġna 23, Issachar, mill-​Istati Uniti, jirrakkonta kif hu u l-​familja tiegħu kampaw maʼ problemi finanzjarji wara li d-​dar tagħhom inqerdet bl-​Uragan Katrina.

Meta membru tal-​familja jinħakem minn xi marda. Tistaʼ tgħid li l-​bnedmin kollha jimirdu. Spiss, il-​marda tkun temporanja u malajr titfejjaq. Imma xi ngħidu jekk membru tal-​familja jkollu marda kronika? Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova jistaʼ jwieżen lil dawk li jkunu mixħutin fuq sodda tal-​mard. (Salm 41:1-​3) Il-​familja kif tistaʼ tkun mezz li bih Ġeħova jipprovdi għajnuna bħal din?

F’paġna 24, Hajime, raġel miżżewweġ fil-​Ġappun, jirrakkonta kif hu u wliedu bniet ħadmu flimkien biex jgħinu lil martu, Noriko, wara li ntqalilha li kellha marda qerrieda.

Meta jmut xi ħadd mit-​tfal. Il-​mewt taʼ tifel jew tifla hi waħda mill-​akbar traġedji li tistaʼ tiffaċċja familja. Ġeħova jwiegħed li jimsaħ id-​dmugħ taʼ niket kaġunat mill-​mewt taʼ xi ħadd mit-​tfal. (Rivelazzjoni 21:1-​4) Saħansitra issa, hu jipprovdi faraġ lill-​imnikktin.—Salm 147:3.

F’paġna 25, Fernando u Dilma, fl-​Istati Uniti, jirrakkontaw kif il-​Bibbja saħħithom biex ikampaw mal-​mewt tat-​tarbija tifla tagħhom.

Il-​Bibbja hija gwida taʼ min jorbot fuqha għall-​familji li jħabbtu wiċċhom maʼ problemi kbar, bħalma juru r-​rakkonti fil-​paġni li ġejjin.

[Nota taʼ taħt]

a Ara paġni 14-​17 taʼ din ir-​rivista.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 23]

Inkampaw maʼ Problemi Finanzjarji

Kif rakkontata minn Issachar Nichols, l-​Istati Uniti

“L-​Uragan Katrina qerdilna d-​dar, u ħlief ċangatura tal-​konkrit ma kienx baqaʼ. L-​iskola fejn kont naħdem damet xahar u nofs mgħarrqa fl-​ilma.”

MATUL is-​sajf tal-​2005, jien u marti, Michelle, flimkien mat-​tifla tagħna, Sydney, li kellha sentejn, konna noqogħdu f’Bay St. Louis, il-​Missisippi, fl-​Istati Uniti. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, jien u Michelle kellna l-​mira li nieħdu sehem sħiħ kemm jistaʼ jkun fil-​ministeru Kristjan. Jien kont ngħallem il-​kompjuter lil studenti adulti, u l-​iskola fejn kont ngħallem kienet qrib, fi New Orleans, Louisiana. L-​iskeda tiegħi kienet tippermettili li naħdem tlett ijiem fil-​ġimgħa u li niddedika parti kbira mill-​bqija tal-​ħin biex ngħallem lil oħrajn dwar il-​Bibbja. Konna komdi bir-​rutina tagħna. Imbagħad smajna l-​aħbar li l-​Uragan Katrina x’aktarx li kien se jolqot l-​inħawi tagħna. Aħna mill-​ewwel għamilna arranġamenti biex nitilqu minn hemmhekk.

Meta spiċċat il-​maltempata, kemm id-​dar tagħna f’Bay St. Louis u kemm l-​iskola fejn kont ngħallem fi New Orleans kienu ħerba. Il-​flus li ħadna mill-​assigurazzjoni u mingħand il-​gvern għenuna nsibu fejn noqogħdu, imma sibtha diffiċli biex insib impjieg stabbli. Barra minn hekk, marti laqqtet infezzjoni minn virus minħabba l-​ilma kontaminat. Is-​sistema li kienet tipproteġiha mill-​mard kienet iddgħajfitilha, u b’hekk meta gidmitha nemusa qabditha infezzjoni minn virus magħruf bħala l-​West Nile. Sadattant, żdiedu l-​ispejjeż għax għoliet il-​ħajja u anki l-​assigurazzjoni.

Biex naġġustaw għaċ-​ċirkustanzi ġodda tagħna, tgħallimna noqogħdu iktar attenti dwar kif nonfqu l-​flus, anki fil-​bżonnijiet taʼ kuljum. Jien kelli nkun inqas selettiv dwar it-​tip taʼ xogħol li naċċetta.

Irrid nammetti li ma kienx faċli li nitilfu dak kollu li kellna. Imma konna grati li bqajna ħajjin. U din l-​esperjenza wriet biċ-​ċar kemm l-​affarijiet materjali għandhom valur limitat. Fil-​fatt, ġejna mfakkrin fil-​kliem taʼ Ġesù: “Anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15.

Irrealizzajna wkoll li minkejja li inkwetajna minħabba l-​affarijiet kollha li tlifna, kien hemm ħafna li tilfu iktar minna—xi wħud saħansitra tilfu ħajjithom. Din hi raġuni waħda għala, immedjatament wara d-​diżastru, bdejt niddedika ħafna ħin biex nagħti għajnuna u appoġġ emozzjonali lil oħrajn li ġarrbu telf t’affarijiet.

Matul din il-​prova, Salm 102:17 kien partikolarment taʼ faraġ għalina. Dan jgħid li Alla Ġeħova “se jdur lejn it-​talba taʼ dawk imneżżgħin minn kollox, u t-​talba tagħhom ma jistmerrhiex.” Bħala familja, aħna ħassejnieh dan l-​appoġġ!

[Kaxxa f’paġna 23]

Wara li l-​Uragani Katrina u Rita laqtu l-​Gulf Coast tal-​Istati Uniti fl-​2005, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova malajr waqqfu 13-​il ċentru għall-​għajnuna, disaʼ mħażen, u erbaʼ mħażen tal-​fuel. Kważi 17,000 volontier li kienu Xhieda waslu mill-​Istati Uniti u minn 13-​il pajjiż ieħor biex jagħtu l-​għajnuna. Huma sewwew eluf taʼ djar.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 24]

Meta Membru tal-​Familja Jinħakem Minn Xi Marda

Kif rakkontata minn Hajime Ito, il-​Ġappun

“Jien u marti konna nħobbu nsajru flimkien u dan kien il-​passatemp favorit tagħna—sakemm mardet Noriko. Issa hi la tiekol u lanqas tixrob minn ħalqha ma tistaʼ, u lanqas saħansitra titkellem. Hi tinsab fis-​siġġu tar-​roti u tieħu n-​nifs permezz taʼ respiratur.”

F’MEJJU tal-​2006, marti Noriko bdiet issibha diffiċli biex titkellem. Dak is-​sajf beda jkollha problemi biex tiekol u tixrob. Sa Settembru, it-​testijiet urew li kienet qed tbati minn amyotrophic lateral sclerosis (ALS)—marda li tibqaʼ sejra mill-​ħażin għall-​agħar u li teffettwa ċ-​ċelluli tan-​nervituri fil-​moħħ u fis-​sinsla tad-​dahar. F’erbaʼ xhur biss, ħajjitna tbiddlet kompletament. U l-​problemi tagħha kienu għadhom fil-​bidu.

Maż-​żmien, lil Noriko pparalizzalha lsienha, kif ukoll idha l-​leminija. Proċedura kirurġika msejħa gastrostomija għenitha sabiex tkun tistaʼ tiġi mitmugħa permezz taʼ tubu. Imbagħad saritilha trakeostomija—toqba f’għonqha permezz tal-​kirurġija biex tkun tistaʼ tieħu n-​nifs—li minħabba fiha ma setgħetx titkellem iktar. Ma nistax nimmaġina x’daqqa taʼ ħarta kbira din kienet għal Noriko, peress li hi dejjem kienet attiva ħafna. Aħna Xhieda taʼ Ġeħova, u Noriko u wliedi l-​bniet kienu jaħdmu full-​time fil-​ministeru Kristjan. Issa Noriko tiddependi minn respiratur biex tieħu n-​nifs, u hi kważi dejjem fis-​sodda.

Xorta waħda, dan ma jwaqqafx lil Noriko! Pereżempju, hi tattendi l-​laqgħat Kristjani f’siġġu tar-​roti, u jkollha r-​respiratur. M’għadhiex tismaʼ ħafna, u għalhekk binti tikteb noti kbar għaliha waqt il-​laqgħa sabiex tkun tistaʼ tibbenefika minn dak li jintqal. U avolja Noriko kellha tieqaf milli taqdi fil-​ministeru full-​time, hi għadha tikteb ittri lin-​nies u tgħallimhom dwar il-​messaġġ taʼ tama li hemm fil-​Bibbja. Dan tagħmlu billi tuża apparat speċjali li hu installat fil-​kompjuter persunali tagħna.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-​4.

Aħna, bħala familja, ikkooperajna flimkien biex ngħinu lil Noriko. Iż-​żewġt ibniet tiegħi sabu impjieg ġdid sabiex ikunu jistgħu jgħinu iktar fid-​dar. It-​tlieta li aħna nieħdu ħsieb il-​ħafna xogħol tad-​dar taʼ kuljum li kienet tagħmel Noriko.

Kultant, filgħodu xħin inħares lejn Noriko tant naraha għajjiena. Naħseb bejni u bejn ruħi, ‘Nixtieq ngħidilha biex ma tantx titħabat illum.’ Imma Noriko trid taqsam il-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn. Meta nibda nippreparalha l-​kompjuter, għajnejn Noriko jibdew jixegħlu. Meta tikteb, il-​kundizzjoni tagħha titjieb. Sirt konxju taʼ kemm hu taʼ valur “li dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.”—1 Korintin 15:58.

L-​esperjenza taʼ Jason Stuart, li jbati bil-​marda tal-​ALS, li dehret fil-​ħarġa taʼ Jannar 2006 taʼ Stenbaħ!, għenet ħafna lil Noriko biex ma taqtax qalbha. Fil-​fatt, meta l-​membri tal-​istaff tal-​isptar ma setgħux jifhmu għala kellha din l-​attitudni pożittiva, Noriko qaltilhom dwar dan l-​artiklu, u b’hekk ħallejna ħafna kopji magħhom. Meta tgħallem lil oħrajn dwar il-​fidi tagħha, marti tant tħossha inkuraġġita.

Jien u Noriko ilna miżżewġin 30 sena, imma dawn l-​aħħar tliet snin sirt iktar napprezza l-​kwalitajiet tagħha li qabel ma kontx nagħti kashom. Kemm inħossni ferħan li żżewwiġtha!

[Kaxxa/Stampi f’paġna 25]

Meta Jmut Xi Ħadd mit-​Tfal

Kif rakkontata minn Fernando u Dilma Freitas, l-​Istati Uniti

“It-​trawma taʼ meta jmut xi ħadd mit-​tfal hi xi ħaġa li sempliċement ma tistax tiġi spjegata. Ebda wġigħ ma jistaʼ jkun akbar minn dan.”

IT-​TIFLA tagħna, li semmejnieha Precious, mietet fis-​16 t’April, 2006. Kellha biss għaxart ijiem. Madwar it-​tielet xahar tat-​tqala, it-​tobba skoprew li t-​tarbija fil-​ġuf kellha problema serja f’qalbha. Meta kienet waslet biex titwieled beda jidher ċar li anki jekk titwieled ħajja kienet se tmut ftit wara. Dan kien diffiċli għall-​aħħar biex naċċettawh. Aħna kellna tlett itfal f’saħħithom. Ma stajniex nemmnu li t-​tarbija tagħna kienet se tmut.

Wara li twieldet Precious, speċjalista tal-​esperjenza fil-​mard tal-​kromosomi induna li kellha kundizzjoni rara msejħa Trisomy 18 (marda li tipproduċi tliet kopji taʼ kromosomi minflok tnejn f’kull ċellula) u teffettwa biss madwar waħda minn kull 5,000 tarbija. Deher ċar li ma tantx kienet se ddum ħajja. Kellna qalbna maqtugħa għalkollox għaliex ftit li xejn stajna nagħmlu. L-​unika ħaġa li stajna nagħmlu kienet li nkunu magħha fil-​ftit taż-​żmien li damet ħajja. Għalhekk, hekk għamilna.

Aħna nħossuna grati ħafna għall-​għaxart ijiem li qattajna maʼ Precious. Matul dan iż-​żmien, aħna u t-​tlett ibniet tagħna tant sirna nħobbuha. Żammejnieha f’dirgħajna, kellimnieha, għannaqnieha, bisnieha, u ħadnielha ritratti kemm flaħna. Saħansitra tkellimna dwar lil min kienet tixbah l-​iktar mill-​familja. L-​ispeċjalista li induna bil-​marda taʼ Precious kien iżurna l-​isptar kuljum. Hu beka magħna u qalilna kemm kien jiddispjaċih. Hu saħansitra pinġa lil Precious waqt li kien qed ikellimna biex jibqaʼ jiftakarha u tana kopja.

Peress li aħna Xhieda taʼ Ġeħova, nemmnu b’qalbna kollha, bħalma tgħallem il-​Bibbja, li Alla se jerġaʼ jġib il-​kundizzjonijiet taʼ ġenna fuq l-​art tagħna u li hu jixxennaq biex iġib lura għall-​ħajja fuq l-​art lil dawk li mietu—inkluż it-​trabi, bħal Precious. (Ġob 14:14, 15; Ġwanni 5:28, 29) Aħna nħarsu ’l quddiem lejn dak il-​jum meta nerġgħu nżommuha f’dirgħajna u nħaddnuha magħna. Kull darba li nisimgħu l-​kelma “ġenna,” tant inħossuna inkuraġġiti b’din it-​tama! Sadattant, nitfarrġu bil-​fatt li Precious tinsab fil-​memorja t’Alla u m’għadhiex issofri.—Ekkleżjasti 9:5, 10.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja