Agħmel il-Ħin Għal Dak li Hu Importanti
“Iż-żmien li fadal tqassar.”—1 Korintin 7:29.
“LI TOQGĦOD taqbeż u ċċafċaf fl-ilma ma jfissirx li qed tgħum,” kiteb Michael LeBoeuf fil-ktieb tiegħu Working Smart.
Fi kliem ieħor, jistaʼ jkun hemm differenza bejn li sempliċement tkun attiv u bejn li tassew twettaq xi ħaġa siewja. Ħares lura lejn il-ġimgħa li għaddiet. Għal xiex għamilt il-ħin? X’ma lħaqtx għamilt minħabba li kellek ħafna x’tagħmel? Tara li hemm bżonn tagħmel iktar ħin għall-affarijiet li tassew jimpurtak minnhom?
Ikkunsidra dak li bassar Ġesù dwar iż-żminijiet mgħaġġlin tagħna. Hu qal li hekk kif din is-sistema toqrob lejn tmiemha u d-dinja l-ġdida u ġusta t’Alla tersaq qrib, id-dixxipli tiegħu kien se jkollhom ħafna x’jagħmlu. Jagħmlu xiex? Jippritkaw “din l-aħbar tajba tas-saltna” t’Alla. Ġesù qal ukoll li l-biċċa l-kbira min-nies kienu se jkunu mħabbtin wisq biex jisimgħu. Kienu se jkunu medhijin bl-affarijiet normali tal-ħajja. Hu żied li dawk li huma mħabbtin wisq biex jagħtu kas il-messaġġ tas-Saltna kienu se jsofru qerda.—Mattew 24:14, 37-39; Luqa 17:28-30.
Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’iktar minn 230 pajjiż. Bħalma bassar Ġesù, ħafna ma jridux jisimgħu, billi jgħidu li huma “mħabbtin wisq.” Imma aħna nistidnuk biex tieħu l-ħin mill-ħajja mgħaġġla tiegħek ħalli teżamina dak li tgħallem il-Bibbja dwar is-Saltna t’Alla. Hija t-tama tagħna li hekk kif titgħallem dwar il-barkiet li Alla għandu merfugħin għall-umanità, int se taqbel illi li tismaʼ u tagħti kas il-messaġġ tal-Bibbja hu xi ħaġa taʼ min jagħmel il-ħin għaliha, xi ħaġa li hi tassew importanti.a
[Nota taˈ taħt]
a Biex titgħallem iktar, ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova lokalment jew ikteb fl-indirizz xieraq li hemm f’paġna 5 jew żur il-Web site tagħna www.watchtower.org.