INTERVISTA | BRETT SCHENCK
“Jien Konvint li l-Ħajja Ġiet Disinjata Minn Alla”
Brett Schenck hu speċjalista tal-ambjent fl-Istati Uniti. Fil-passat hu kien jistudja dwar kemm u kif il-pjanti, l-annimali, u l-ambjent jiddependu minn xulxin. Għaliex jemmen f’Ħallieq? Stenbaħ! staqsieh dwar ix-xjenza u l-fidi tiegħu.
Għidilna xi ħaġa dwar it-trobbija tiegħek.
Missieri kien inġinier. Spiss kien ikellimni b’entużjażmu dwar il-matematika u x-xjenza. Bħala tifel kont nimmeravilja ruħi bil-pjanti u l-annimali li kien hemm fix-xmajjar żgħar u l-għadajjar ħdejn id-dar tagħna fi New Paris, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk, meta mort l-Università taʼ Purdue, għażilt li nistudja l-ekoloġija.
Kienet tinteressak ir-reliġjon?
Iva, kienet. Missieri inkuraġġieni nistudja r-reliġjon Luterana li konna nħaddnu. Jien studjajt il-Grieg komuni (Koine Greek), waħda mil-lingwi li bihom bdiet tinkiteb il-Bibbja. Jien rawwimt rispett profond għall-Bibbja.
X’kienet il-ħarsa tiegħek lejn it-teorija tal-evoluzzjoni?
Il-knisja tiegħi aċċettatha. Sħabi tax-xogħol kienu jemmnuha. Allura qatt ma ddubitajtha. Imma kont nemmen ukoll li kien hemm Alla. Kont naħseb li ż-żewġ ideat kienu kompatibbli. Għalkemm kont nirrispetta l-Bibbja, ma kontx naħseb li kienet ġejja minn Alla.
X’ġiegħlek tbiddel il-ħarsa tiegħek lejn il-Bibbja?
Tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova, Steve u Sandy, ġew iħabbtulna l-bieb. Huma wrew lili u lil marti Debbie li l-Bibbja, għalkemm mhix ktieb dwar ix-xjenza, hi xjentifikament eżatta. Pereżempju, hi tgħid dwar Alla: “Hemm Wieħed li jgħammar ’il fuq miċ-ċirku taʼ l-art.” (Isaija 40:22) Tgħid ukoll: “Hu qed . . . idendel l-art fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) Dak iż-żmien, kont qed nuża ritratti meħudin bis-satellita biex nistudja l-ekoloġija, allura dawn l-iskritturi impressjonawni. Inkitbu ħafna qabel xi ħadd ħa ritratt taċ-ċirku tal-art imdendla fuq ix-xejn. Hekk kif jien u marti studjajna l-Bibbja maʼ Steve u Sandy, tgħallimt dwar profeziji li seħħew, dwar pariri li jirnexxu, u dwar spjegazzjonijiet li ssodisfawni. Bil-mod il-mod, sirt konvint li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla.
Meta biddilt il-ħsieb tiegħek dwar kif bdiet il-ħajja?
Maż-żmien, Steve urieni l-istqarrija ċara tal-Bibbja: “Alla Ġeħova sawwar ir-raġel mit-trab tal-art.” (Ġenesi 2:7) B’hekk, il-ħajja tal-ewwel bniedem hija dokumentata fil-Bibbja. Dan qajjem il-mistoqsija: Taqbel il-Bibbja mal-fatti xjentifiċi? Steve inkuraġġieni nfittex dwar is-suġġett, u hekk għamilt.
X’tgħallimt dwar l-evoluzzjoni?
Ħafna affarijiet. Biex insemmi waħda biss, it-teorija tal-evoluzzjoni tipprova tispjega l-oriġini tal-ispeċi. Affarijiet ħajjin huma magħmulin minn organi effiċjenti, bħalma huma l-qalb, il-pulmun, u l-għajnejn. Ukoll, b’mikroskopju naraw ‘magni’ disinjati b’mod tal-għaġeb li jinsabu fiċ-ċelluli. Minn fejn jiġu d-disinji taʼ dawn? L-evoluzzjonisti jistqarru li l-aħjar mekkaniżmi huma magħżulin awtomatikament għaliex l-affarijiet ħajjin li għandhom lilhom jgħixu l-iktar. Imma din l-idea ma twiġibx il-mistoqsija: Minn fejn jiġu l-mekkaniżmi? Sirt naf li ħafna xjentisti ma jemmnux li t-teorija tal-evoluzzjoni twieġeb din il-mistoqsija. Professur taż-żooloġija stqarr miegħi li ma kien jemmen bl-ebda teorija tal-evoluzzjoni. Madankollu, ma qagħadx jgħid lil kulħadd kif jaħsibha għax beżaʼ li jitlef ħobżu.
L-għarfien tiegħek tal-ekoloġija jsaħħaħlek il-fidi tiegħek?
Iva. Ix-xogħol tiegħi kien jinvolvi l-istudju dwar kif affarijiet ħajjin jiddependu minn xulxin. Fid-dinja, kull ħaġa ħajja tiddependi minn xi ħaġa oħra. Pereżempju, ikkunsidra l-fjuri u n-naħal. Il-kulur, ir-riħa, in-nektar, u kif inhuma magħmulin il-fjuri huma disinjati biex jattiraw lin-naħal u biex dan jitraxxax bit-trab li jdakkar (pollen). In-naħal huwa magħmul biex jieħu n-nektar u biex jieħu t-trab li jdakkar taʼ fjura għal fuq pjanta oħra biex jiffertilizzaha. Biċ-ċar, il-fjuri u n-naħal huma disinjati biex jagħtu dak li jeħtieġ l-ieħor.
‘Il-kapaċità li għandha s-sistema tal-ħajja kollha kemm hi fuq l-art biex tfejjaq lilha nfisha tikkonvinċini li l-ħajja ġiet disinjata minn Alla’
F’ekosistema naraw kemm l-affarijiet ħajjin jiddependu minn xulxin fuq skala kbira. Ekosistema hija ambjent li jkun fih forsi eluf taʼ tipi t’annimali, pjanti, organiżmi żgħar, u fungi. L-annimali kollha jiddependu mill-pjanti għall-ikel u l-ossiġnu, u l-biċċa l-kbira tal-pjanti bil-fjuri jiddependu mill-annimali. Għalkemm l-ekosistemi huma komplikati bil-kbir u l-organiżmi taʼ ġo fihom huma fraġli, huma jistgħu jibqgħu ħajjin għal millennji sħaħ. Anke wara li ssir ħsara minħabba t-tinġis, ladarba s-sors tat-tinġis jitlaq, ekosistema komplikata malajr terġaʼ tiżviluppa. Meta naħseb fuq kemm is-sistema kollha fuq l-art kapaċi tfejjaq lilha nfisha, inkun konvint li l-ħajja ġiet disinjata minn Alla.
Għala sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?
Kont ninkwieta ħafna dwar kif is-soċjetà umana qed teqred l-ambjent. Kont naf li għalkemm l-ekosistemi huma b’saħħithom, huma jistgħu jinqerdu. Mix-Xhieda taʼ Ġeħova tgħallimt li, skont l-Iskrittura, Alla se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’ (Rivelazzjoni 11:18) Dan il-kliem kien importanti għalija. Hekk kif komplejt nistudja l-Bibbja, bil-mod il-mod irrealizzajt li t-tama li toffri l-Bibbja hija żgura.
Nieħu gost naqsam it-twemmin tiegħi m’oħrajn u studjajt il-Bibbja maʼ xi xjentisti. Irtirajt kmieni mix-xogħol meta kelli 55 sena biex inqattaʼ iktar ħin ngħin lin-nies jifhmu lill-Ħallieq tal-ħajja u l-iskop tiegħu għall-art meraviljuża tagħna.