-
Għala Nixtru?Stenbaħ!—2013 | Lulju
-
-
SUĠĠETT PRINĊIPALI: QEGĦDIN NIXTRU ŻŻEJJED?
Għala Nixtru?
Fi stħarriġ globali li ġie pubblikat fl-2012, nofs dawk li wieġbu ammettew li jixtru affarijiet li ma kellhomx verament bżonnhom. Żewġ terzi minnhom jinkwetaw li l-konsumaturi qed jixtru żżejjed. Tħassib bħal dan jistaʼ jkun ġustifikat. Ħafna konsumaturi ma jistgħux jaqtgħu d-dejn tagħhom li dejjem qed jiżdied. Ir-riċerkaturi jgħidu li minflok ma jagħmilna iktar sodisfatti, ix-xiri sfrenat jistaʼ jwassal għal iktar stress u skuntentizza! Allura għala dan ix-xiri kollu?
BĦALA konsumaturi, aħna suġġettati għal reklamar li ma jaqtaʼ qatt. X’inhi l-mira tal-industrija tar-reklamar? Li x-xewqat jinbidlu fi bżonnijiet. Min jaħdem f’dan il-qasam jaf li l-konsumaturi ġeneralment jimxu bl-emozzjoni. Għalhekk, ir-reklami u l-istess esperjenza tax-xiri huma disinjati biex kemm jistaʼ jkun jolqtu l-emozzjonijiet tal-konsumaturi.
Il-ktieb Why People Buy Things They Don’t Need jgħid: “Meta jippjana li jixtri xi ħaġa ġdida, il-konsumatur spiss jimmaġina lilu nnifsu jfittex prodott, isibu, u fl-aħħar jakkwistah.” Xi esperti jaħsbu li x-xerrejja jistgħu tant ikunu eċċitati waqt li jkunu qed jixtru li qalbhom tibda tħabbat b’rata ogħla u jibdew jieħdu n-nifs iktar mgħaġġel min-normal. Espert f’dan il-qasam, Jim Pooler, jispjega: “Jekk il-bejjiegħ jinduna b’dan l-istat emozzjonali, hu jistaʼ jużah u jieħu vantaġġ mil-livell għoli taʼ eċċitament u mid-difiża dgħajfa tal-konsumatur.”
Kif tistaʼ tipproteġi lilek innifsek milli ssir vittma taʼ reklami makakki? Timxix bl-emozzjoni, u qabbel dak li jwiegħdu mar-realtà.
IL-WEGĦDA: “Tejjeb il-Kwalità taʼ Ħajtek”
Huwa naturali li nkunu rridu ħajja aħjar. Dawk li jirreklamaw jibbombardjawna b’messaġġi li nistgħu naqtgħu x-xewqat kollha tagħna—saħħa aħjar, sigurtà, serħan mill-istress, u relazzjonijiet aħjar—billi nixtru l-prodott it-tajjeb.
IR-REALTÀ:
Hekk kif jiżdidulna l-affarijiet materjali, il-kwalità taʼ ħajjitna tistaʼ fil-fatt tonqos. Iktar ma jkollna affarijiet materjali iktar se jkollna bżonn ħin u flus biex nieħdu ħsiebhom. Jiżdidilna l-istress minħabba l-pressjoni mid-dejn, u jkollna inqas ħin għall-familja u l-ħbieb.
Prinċipju: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15.
IL-WEGĦDA: “Ikseb Prominenza u Prestiġju”
Ftit nies jammettu li jixtru xi ħaġa biex jimpressjonaw lil oħrajn. Madankollu, Jim Pooler jinnota: “Aspett importanti ħafna tal-imġiba tan-nies meta jixtru hu li jkunu qed jikkompetu mal-ħbieb, il-ġirien, sħabhom tax-xogħol, u l-qraba.” Minħabba f’hekk, ir-reklami spiss juru nies taʼ suċċess u għonja qed jużaw il-prodotti li jiġu reklamati. Il-messaġġ li reklami bħal dawn iwasslu lill-konsumaturi hu: “Tistaʼ tkun int!”
IR-REALTÀ:
Jekk biex ikollna stima tagħna nfusna rridu nqabblu lilna nfusna m’oħrajn qatt mhu se nkunu sodisfatti. Meta nkunu qtajna xewqitna, malajr jerġaʼ jkun hemm xi ħaġa oħra li nixxennqu għaliha.
Prinċipju: “Min iħobb il-fidda ma jixbax bil-fidda.”—Ekkleżjasti 5:10.
IL-WEGĦDA: “Uri Min Int b’Dak li Għandek”
Il-ktieb Shiny Objects jispjega: “Mod komuni kif ngħidu lil oħrajn min aħna (jew min nixtiequ nkunu) hu permezz tal-affarijiet materjali li nużaw u l-mod kif nuruhom.” Dawk li jirreklamaw jafu dan u jaħdmu biex jassoċjaw prodotti tad-ditti—speċjalment ditti lussużi—maʼ stili taʼ ħajja u valuri speċifiċi.
Int kif tara lilek innifsek, u kif trid li oħrajn jarawk? Bħala li timxi mal-moda? Li int atletiku? Hi x’inhi l-immaġni li tixtieq, dawk li jirreklamaw iwegħduk li jekk sempliċement tixtri taʼ ċertu ditta, tistaʼ ssir l-individwu li tixtieq.
IR-REALTÀ:
L-ebda ħaġa li nixtru ma tistaʼ tbiddel min aħna verament jew tagħtina kwalitajiet mill-aqwa bħall-onestà u l-integrità persunali.
Prinċipju: “Tħallux it-tiżjin tagħkom ikun . . . l-ilbis t’ornamenti tad-deheb jew taʼ ħwejjeġ, imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb.”—1 Pietru 3:3, 4.
-
-
Kif Tikkontrolla Kemm TonfoqStenbaħ!—2013 | Lulju
-
-
Kif Tikkontrolla Kemm Tonfoq
Minbarra l-pressjoni li niffaċċjaw mir-reklami, is-sentimenti u d-drawwiet tagħna stess jistgħu jikkontribwixxu biex nonfqu bla kontroll. Dawn li ġejjin huma sitt suġġerimenti biex jgħinuk tikkontrolla kemm tonfoq.
Irreżisti t-tentazzjoni li tixtri bla ma taħsibha. Tieħu pjaċir bl-eċċitament li tħoss meta ssib xi ħaġa li tkun irħas? Jekk inhu hekk, għandek mnejn tixtri bla ma taħsibha. Biex tirreżisti, meta tippjana biex tixtri xi ħaġa, ieqaf u aħseb sew dwar il-konsegwenzi fit-tul taʼ li tixtriha u żżommha f’kundizzjoni tajba. Ieqaf u ftakar meta fil-passat xtrajt bla ma ħsibtha u mbagħad iddispjaċiek. Ħu l-ħin biex taħseb qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali.
Evita li tixtri biex tbiddel il-burdata. Ix-xiri jistaʼ jbiddillek għal ftit burdata ħażina. Imma meta jerġgħu jaqbduk id-dwejjaq, għandu mnejn tħoss saħansitra iktar pressjoni biex tixtri ħalli jgħaddulek. Minflok ma tixtri biex ittejjeb il-burdata, fittex ħbieb li jappoġġawk jew agħmel xi attività fiżika bħal li tmur xi mixja.
Tqisx ix-xiri bħala rikreazzjoni. Stabbilimenti lussużi biddlu x-xiri f’divertiment. Għalkemm għandek mnejn tmur f’xi stabbiliment jew tfittex fuq l-Internet sempliċement għall-gost, ħafna minn dak li tara hu disinjat biex iqanqal fik ix-xewqa li tixtri. Ixtri biss meta għandek xi ħaġa speċifika f’moħħok, u żomm mal-pjan tiegħek.
Agħżel il-ħbieb tiegħek bil-għaqal. L-istil taʼ ħajja taʼ ħbiebek u dak li jitkellmu fuqu jistaʼ jinfluwenza bil-kbir ix-xewqat tiegħek. Jekk qed tonfoq iżżejjed biex tkun bħal ħbiebek, allura agħżel ħbieb li jpoġġu inqas enfasi fuq il-flus u affarijiet materjali.
Uża l-kredit kards bil-għaqal. Il-kredit kards jagħmluhielek faċli biex tixtri mingħajr ma tagħti kas il-konsegwenzi. Ipprova ħallas il-bilanċ kollu fuq il-kredit kard kull xahar. Kun af kemm huma r-rati tal-interessi u l-ispejjeż tal-kredit kard tiegħek, u qabbel l-offerti biex issib dik li l-iktar jaqbillek. Oqgħod attent minn kards li għandhom spejjeż ogħla u li joffru benefiċċji li m’għandekx bżonn. Minflok ma tixtri bid-dejn, faddal għall-affarijiet kbar u ħallas bi flus kontanti.
Kun af il-qagħda finanzjarja tiegħek. Huwa iktar faċli li tonfoq iżżejjed jekk ma tkunx ċert mill-qagħda finanzjarja tiegħek. Żomm ir-rekords aġġornati, u kun af kemm għandek flus b’kollox. Agħmel pjan realistiku taʼ kemm tistaʼ tonfoq kull xahar ibbażat fuq id-dħul tiegħek u l-ispejjeż tal-passat. Ara fiex qed tonfoq il-flus, u qabbel dan mal-pjan. Staqsi ħabib li tafdah biex jgħinek tifhem il-kwistjonijiet finanzjarji li m’intix midħla tagħhom.
-