PAJJIŻI U POPLI
Żjara fil-Panama
AKTARX li l-Panama hi magħrufa l-iktar għall-kanal tagħha magħmul mill-bniedem li jgħaqqad l-Oċean Atlantiku mal-Paċifiku. Però, peress li tgħaqqad l-Amerika taʼ Fuq maʼ t’Isfel, il-Panama tgħaqqad ukoll popli. Hemmhekk jgħixu nies taʼ razez u kulturi differenti. L-antenati taʼ persentaġġ għoli tal-popolazzjoni kienu indiġeni li żżewġu Ewropej.
KONT TAF? Iż-żrinġ tal-Panama kulur id-deheb (Atelopus zeteki) “ixejjer” idejh biex jiġbed l-attenzjoni taʼ sieħba prospettiva u biex iwissi lir-rivali
Fl-1501, meta xi esploraturi Spanjoli waslu l-Panama, sabu bosta komunitajiet indiġeni, li wħud minnhom għadhom jeżistu sal-lum. Waħda minn dawn hi l-komunità tal-Guna (li qabel kienet magħrufa bħala l-Kuna). Ħafna mill-Guna jgħixu fil-parti indiġena tal-Arċipelagu taʼ San Blas u tul il-Kosta tal-Karibew, qrib il-fruntiera taʼ bejn il-Panama u l-Kolumbja. Hemmhekk jikkaċċjaw, joħorġu jistadu bil-kenuri, u jkabbru l-ikel tagħhom stess.
Fil-komunità tal-Guna, meta raġel jiżżewweġ, imur jgħix mal-familja estiża taʼ martu u jaħdem għalihom. Jekk maż-żmien martu tiled tifla, hu u l-familja tiegħu jkunu jistgħu jitilqu l-familja estiża tal-mara u jistabbilixxu d-dar tagħhom stess.
Hemm madwar 300 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Panama. Minbarra laqgħat bl-Ispanjol, jinżammu wkoll laqgħat biċ-Ċiniż, bil-Gujarati, bil-Guna, bl-Ingabere, bl-Ingliż, bil-Kreol tal-Ħaiti, u bil-Lingwa tas-Sinjali tal-Panama.