SUĠĠETT PRINĊIPALI | JISTAʼ JKOLLOK IL-PAĊI FIL-FAMILJA
X’tistaʼ tagħmel biex ikun hemm il-paċi fil-familja
TAĦSEB int li l-Bibbja tistaʼ tgħin biex ikun hemm il-paċi fil-familja? Jekk jogħġbok qabbel dak li tgħid il-Bibbja maʼ dak li sabu t’għajnuna dawn in-nies li ġew intervistati. Ikkunsidra liema punti jistgħu jgħinuk tevita l-ġlied, iżżomm il-paċi, u ssaħħaħ rabtiet dejjiema.
PRINĊIPJI BIBLIĊI LI JWASSLU GĦALL-PAĊI
ŻVILUPPA ĦARSA POŻITTIVA DWAR XULXIN.
‘Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà qisu lill-oħrajn superjuri għalikom. Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.’—Filippin 2:3, 4.
“Aħna sibna li jkun tajjeb li tqis lill-persuna l-oħra fiż-żwieġ iżjed importanti minnek innifsek u minn ħaddieħor.”—C. P., ilha miżżewġa 19-il sena.
ISMAʼ B’ATTENZJONI U B’MOĦĦ MIFTUĦ.
“Ibqaʼ fakkarhom biex . . . ma jkunux ġellidin, imma jkunu raġunevoli, u kollhom ħlewwa maʼ kulħadd.”—Titu 3:1, 2.
“Ħafna tensjoni tistaʼ tiġi evitata jekk ma nirrispondux lis-sieħeb fiż-żwieġ b’ton taʼ ġlied. Hu importanti li tismaʼ mingħajr preġudizzju u tirrispetta l-opinjoni tiegħu jew tagħha, anki jekk aħna ma naqblux.”—P. P., ilha miżżewġa 20 sena.
URI IŻJED PAĊENZJA U ĦLEWWA.
“Il-paċenzja tipperswadi kmandant, u lsien ġwejjed jistaʼ jkisser għadma.”—Proverbji 25:15.
“Se jkun hemm ġlied, imma x’jiġri wara jiddependi fuq l-ispirtu li nuru. Verament għandna nkunu paċenzjużi. Meta nkunu paċenzjużi, insibu li l-affarijiet jirranġaw.”—G. A., ilha miżżewġa 27 sena.
QATT TAQAʼ GĦAL LI TKUN ABBUŻIV VERBALMENT JEW FIŻIKAMENT.
“Qisu li twarrbuhom kollha, il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen minn fommkom.”—Kolossin 3:8.
“Lil żewġi nammirah minħabba r-rażan tiegħu. Dejjem jibqaʼ kalm u qatt ma jgħajjat miegħi jew jinsultani.”—B. D., ilha miżżewġa 20 sena.
KUN ĦERQAN BIEX TAĦFER U TIRRANĠA D-DIFFERENZI MALAJR.
“Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”—Kolossin 3:13.
“Meta wieħed ikun stressjat, mhux dejjem ikun faċli jibqaʼ kalm, u jistaʼ malajr jgħid jew jagħmel affarijiet li jweġġgħu lis-sieħeb fiż-żwieġ. F’mumenti bħal dawn, tkun ħaġa mill-isbaħ li jaħfer. Mingħajr il-maħfra, żwieġ b’saħħtu mhux possibbli.”—A. B., ilha miżżewġa 34 sena.
AGĦMILHA DRAWWA LI TAGĦTI U TAQSAM M’OĦRAJN MINGĦAJR EGOIŻMU.
“Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom. . . . Għax bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.”—Luqa 6:38.
“Żewġi jaf xi nħobb, u dejjem itini xi sorpriża. Mill-banda l-oħra, spiss naħseb, ‘Kif nistaʼ nferrħu jien?’ B’hekk dħaqna ħafna, u għadna nidħqu.”—H. K., ilha miżżewġa 44 sena.
TIQAFX TĦEĠĠEĠ IL-PAĊI FIL-FAMILJA
Il-membri tal-familja li ġew intervistati minn Stenbaħ! huma ftit mill-miljuni madwar id-dinja li mill-Bibbja ġew megħjunin jiżviluppaw kwalitajiet li jgħinu biex ikun hemm iżjed paċi fil-familja.a Anki meta wħud fil-familja tagħhom jidhru li mhumiex qed jipprovaw jikkooperaw, sabu li l-isforz li jagħmlu biex ikunu paċifiċi xorta jkun worth it, għax il-Bibbja twiegħed: “Dawk li jħeġġu l-paċi jkollhom il-ferħ.”—Proverbji 12:20.
a Għal iżjed informazzjoni dwar kif tistaʼ tagħmel il-ħajja tal-familja ferħana,m ara kapitlu 14 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.jw.org/mt. Ukoll, tistaʼ tfittex taħt TAGĦLIM TAL-BIBBJA > GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA.