Kapitlu 120
Ċaħdiet fil-Bitħa
WARA li jabbandunaw lil Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani u jaħarbu mbeżżgħin mal-bqija tal-appostli, Pietru u Ġwanni jieqfu fil-ħarba tagħhom. Forsi jilħqu lil Ġesù meta qed jittieħed lejn id-dar taʼ Anna. Meta Anna jibagħtu għand il-Qassis il-Kbir Qajfa, Pietru u Ġwanni jsegwu mbegħdin minnu, mid-dehra indeċiżi bejn il-biżaʼ għall-ħajjiet tagħhom stess u t-tħassib profond tagħhom għal dak li se jiġrilu l-Imgħallem tagħhom.
Meta jasal fir-residenza spazzjuża taʼ Qajfa, Ġwanni jirnexxilu jidħol ġewwa l-bitħa, ladarba l-qassis il-kbir jafu. Pietru, madankollu, jitħalla bil-wieqfa barra ħdejn il-bieb. Imma Ġwanni malajr jiġi lura u jkellem lill-purtinara, waħda qaddejja, u Pietru jingħata l-permess biex jidħol ġewwa.
Bħalissa waqaʼ l-ksieħ, u l-qaddejja tad-dar u l-uffiċjali tal-qassis il-kbir kebbsu nar bil-faħam. Pietru jissieħeb magħhom biex iżomm ruħu sħun waqt li jistenna r-riżultat tal-ġuri taʼ Ġesù. Hemmhekk, fid-dawl tan-nar jiddi, il-purtinara li kienet daħħlet lil Pietru ġewwa tistaʼ tarah ferm aħjar. “Int, ukoll, kont maʼ Ġesù l-Galilew!” tesklama hi.
Mifxul minħabba li ġie identifikat, Pietru jiċħad quddiemhom ilkoll li qatt kien jaf lil Ġesù. “La nafu u lanqas nifhem x’inti tgħid,” igħid hu.
Għal dan, Pietru joħroġ ħdejn ix-xatba. Hemmhekk, tifla oħra tinnotah u tgħid ukoll lil dawk li qegħdin bil-wieqfa hemm: “Dan ir-raġel kien maʼ Ġesù n-Nazzarenu.” Għal darb’oħra Pietru jiċħad, billi jaħlef: “Ma nafux lir-raġel!”
Pietru jibqaʼ fil-bitħa, billi jipprova ma jidhirx kemm jistaʼ jkun. Forsi f’dan il-punt jinħasad billi serduq jidden fid-dlam taʼ kmieni fil-għodu. Sadanittant, il-ġuri taʼ Ġesù miexi ’l quddiem, billi b’mod evidenti qed isir f’parti mid-dar fuq il-bitħa. Bla dubju Pietru u l-oħrajn li qed jistennew isfel jaraw ġejjin u sejrin lil diversi xhieda li jinġiebu biex jixhdu.
Għaddiet madwar siegħa mindu Pietru ġie identifikat l-aħħar bħala msieħeb taʼ Ġesù. Issa numru minn dawk li qegħdin bil-wieqfa madwaru jersqu lejh u jgħidu: “Ċertament li inti wkoll wieħed minnhom, għax, fil-fatt, id-djalett tiegħek jikxfek.” Wieħed mill-grupp jiġi minn Malkus, li Pietru qatagħlu widintu. “Ma rajtekx jien fil-ġnien miegħu?” hu jgħid.
“Ma nafux lir-raġel!” Pietru jinsisti b’qawwa kbira. Fil-fatt, hu jipprova jikkonvinċihom li huma lkoll żballjati billi jisħet u jaħlef lill-kwistjoni, effettivament, billi jsejjaħ id-deni fuqu nnifsu jekk mhux qed igħid il-verità.
Malli Pietru jagħmel din it-tielet ċaħda, serduq jidden. U f’dak il-mument, Ġesù, li mid-dehra ħareġ f’gallarija fuq il-bitħa, idur u jħares lejh. Minnufih, Pietru jiftakar x’qal Ġesù ftit sigħat biss qabel fil-kamra taʼ fuq: “Qabel ma serduq jidden darbtejn, saħansitra inti se tiċħadni tliet darbiet.” Imfarrak bit-toqol tad-dnub tiegħu, Pietru joħroġ ’il barra u jibki biki taʼ mrar.
Kif setaʼ jiġri dan? Kif, wara li kien tant ċert dwar is-saħħa spiritwali tiegħu, setaʼ Pietru jiċħad lill-Imgħallem tiegħu tliet darbiet f’temp qasir? Iċ-ċirkustanzi bla dubju jaqbdu lil Pietru fuq sieq waħda. Il-verità qed tiġi mħassra, u Ġesù qed jiġi mpinġi bħala kriminal mill-agħar. Dak li hu sewwa qed jintgħamel jidher li hu ħażin, il-wieħed innoċenti bħala li hu ħati. Mela minħabba l-pressjonijiet tal-okkażjoni, Pietru jitlef il-bilanċ. F’daqqa waħda s-sens xieraq taʼ lejaltà tiegħu jiġi mifxul; għan-niket tiegħu hu jiġi pparalizzat mill-biżaʼ mill-bniedem. Jalla dak qatt ma jiġri lilna! Mattew 26:57, 58, 69-75; Mark 14:30, 53, 54, 66-72; Luqa 22:54-62; Ġwann 18:15-18, 25-27.
▪ Pietru u Ġwanni kif jirnexxilhom jidħlu fil-bitħa tal-qassis il-kbir?
▪ Waqt li Pietru u Ġwanni qegħdin fil-bitħa, x’qed jiġri fid-dar?
▪ Serduq kemm-il darba jidden, u Pietru kemm-il darba jiċħad li jaf lil Kristu?
▪ Xi jfisser li Pietru jisħet u jaħlef?
▪ Liema ħaġa ġġiegħel lil Pietru jiċħad li jaf lil Ġesù?