Kapitlu 7
Dak Li Għamel Alla Biex Isalva lill-umanità
1, 2. (a) Ċenturjun Ruman kif ġie li japprezza min kien l-Iben t’Alla? (b) Jehovah għala ħalla lil Ġesù jmut?
DARBA waħda wara nofs in-nhar fir-rebbiegħa kważi 2,000 sena ilu, ċenturjun Ruman qagħad jara tlett irġiel imutu mewta bil-mod il-mod u agonizzanti. Dak is-suldat innota speċjalment lil wieħed minnhom—Ġesù Kristu. Ġesù kien ġie msammar maʼ pilastru taʼ l-injam. Is-sema f’nofs inhar iddallam hekk kif qorob il-mument taʼ mewtu. Meta miet, l-art tregħdet b’mod vjolenti, u s-suldat esklama: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”—Mark 15:39.
2 L-Iben t’Alla! Dak is-suldat kellu raġun. Kien għadu kif ra b’għajnejh l-iktar ġrajja importanti li qatt seħħet fuq l-art. F’okkażjonijiet iktar qabel, Alla nnifsu kien sejjaħ lil Ġesù Ibnu l-maħbub. (Mattew 3:17; 17:5) Jehovah għala ħalla lil Ibnu jmut? Għaliex dan kien il-mezz t’Alla biex isalva lill-umanità mid-dnub u l-mewt.
MAGĦŻUL GĦAL SKOP SPEĊJALI
3. Għala kien xieraq li l-Iben uniġenitu t’Alla jkun magħżul għal skop speċjali rigward l-umanità?
3 Bħalma diġà tgħallimna f’dan il-ktieb, Ġesù kellu eżistenza qabel ma sar bniedem. Hu jissejjaħ “l-Iben il-waħdieni” t’Alla għaliex Jehovah ħalqu direttament. Alla minn dak inhar ’il quddiem uża lil Ġesù biex iġib l-affarijiet l-oħrajn kollha f’eżistenza. (Ġwann 3:18; Kolossin 1:16) Ġesù kellu speċjalment għal qalbu lill-umanità. (Proverbji 8:30, 31) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah għażel lill-Iben uniġenitu tiegħu biex jaqdi skop speċjali meta l-umanità ġiet taħt il-kundanna tal-mewt!
4, 5. Qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, il-Bibbja x’irrivelat dwar iż-Żerriegħa Messjanika?
4 Meta lissen is-sentenza fuq Adam, Eva, u Satana fil-ġnien t’Għeden, Alla tkellem dwar il-Ħellies futur bħala ‘nisel [“żerriegħa,” NW].’ Dan iż-Żerriegħa, jew nisel, kellu jiġi biex ineħħi l-mard terribbli li Satana x-Xitan, “is-Serp tal-qedem,” kien ġab. Fil-fatt, iż-Żerriegħa mwiegħed kellu jgħaffeġ lil Satana u lil dawk kollha li segwewh.—Ġenesi 3:15; 1 Ġwann 3:8; Apokalissi 12:9.
5 Matul is-sekli, Alla bil-mod il-mod irrivela iktar dwar iż-Żerriegħa, imsejjaħ ukoll il-Messija. Bħalma huwa muri fit-tabella f’paġna 37, għadd taʼ profeziji taw dettalji dwar ħafna aspetti taʼ ħajtu fuq l-art. Per eżempju, hu kellu jissaporti li jiġi ttrattat ħażin b’mod terribbli sabiex iwettaq l-irwol tiegħu fl-iskop t’Alla.—Isaija 53:3-5.
GĦALA L-MESSIJA KELLU JMUT
6. Skond Danjel 9:24-26, il-Messija x’kellu jwettaq, u kif?
6 Il-profezija ddokumentata f’Danjel 9:24-26 bassret li l-Messija—il-Wieħed Midluk t’Alla—kellu jwettaq skop kbir. Kellu jiġi fuq l-art ‘biex itemm id-dnub, jispiċċa l-ħtija, u jħallas il-ħażen, biex imbagħad tiġi l-ġustizzja’ għal dejjem. Il-Messija kellu jneħħi l-kundanna tal-mewt minn fuq l-umanità leali. Imma kif kellu jagħmlu dan? Il-profezija tispjega li kellu jiġi “maqtugħ,” [NW] jew mogħti l-mewt.
7. Il-Lhud għala offrew sagrifiċċji taʼ l-annimali, u dawn liema ħaġa kienu jiffiguraw bil-quddiem?
7 L-Iżraeliti tal-qedem kienu familjari maʼ l-idea taʼ tpattija għall-iżball. Fil-qima tagħhom taħt il-Liġi li Alla tahom permezz taʼ Mosè, huma regolarment offrew sagrifiċċji taʼ l-annimali. Dawn fakkru lill-poplu taʼ Iżrael li l-bnedmin jeħtieġu xi ħaġa biex tpatti għad-dnubiet tagħhom jew tgħattihomlhom. L-appostlu Pawlu ġabar fil-qosor il-prinċipju b’dan il-mod: “Bla tixrid tad-demm ma hemmx maħfra.” (Lhud 9:22) Il-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi Mosajka bil-ħtiġijiet tagħha, bħalma huma s-sagrifiċċji. (Rumani 10:4; Kolossin 2:16, 17) Huma jafu wkoll li s-sagrifiċċji taʼ l-annimali ma jistgħux jipprovdu maħfra permanenti u kompleta tad-dnubiet. Minflok, dawn l-offerti bħala sagrifiċċji kienu jiffiguraw bil-quddiem is-sagrifiċċju bil-wisq iktar taʼ valur—dak tal-Messija, jew Kristu. (Lhud 10:4, 10; qabbel Galatin 3:24.) Madankollu, għandek mnejn tistaqsi, ‘Kien tassew neċessarju li l-Messija jmut?’
8, 9. Adam u Eva liema affarijiet prezzjużi tilfu, u l-azzjonijiet tagħhom kif effettwaw lid-dixxendenti tagħhom?
8 Iva, il-Messija kellu jmut jekk l-umanità kellha tiġi salvata. Biex nifhmu għala, irridu mmorru lura fil-ħsieb għall-ġnien t’Għeden u nipprovaw nifhmu sewwa l-enormità taʼ dak li Adam u Eva tilfu meta rribellaw kontra Alla. Ħajja eterna kienet ġiet imqiegħda quddiemhom! Bħala tfal t’Alla, gawdew ukoll relazzjoni diretta miegħu. Imma meta rrifjutaw l-istat taʼ ħakkiem taʼ Jehovah, tilfu dak kollu u ġabu d-dnub u l-mewt għal fuq ir-razza umana.—Rumani 5:12.
9 Kien bħal li kieku l-ewwel ġenituri tagħna kienu berbqu għana kbir, u b’hekk daħlu f’dejn enormi. Adam u Eva għaddew dak id-dejn għal fuq in-nisel tagħhom. Minħabba li ma twelidniex perfetti u bla dnub, kull wieħed minna huwa midneb u qiegħed imut. Meta nimirdu jew ngħidu xi ħaġa li tweġġaʼ u li nixtiequ kieku nreġġgħu lura, aħna qegħdin nesperjenzaw l-effetti tad-dejn li writna—l-imperfezzjoni umana. (Rumani 7:21-25) It-tama unika tagħna qiegħda biss f’li niksbu mill-ġdid dak li tilef Adam. Madankollu, ma nistgħux naqilgħu l-ħajja umana perfetta. Ladarba l-bnedmin imperfetti kollha jikkommettu d-dnub, ilkoll kemm aħna naqilgħu l-mewt, mhux il-ħajja.—Rumani 6:23.
10. X’kien meħtieġ biex jinxtara lura dak li tilef Adam?
10 Madankollu, setgħet tiġi offruta xi ħaġa bi bdil mal-ħajja li Adam u Eva tilfu? Il-livell taʼ ġustizzja t’Alla jitlob għal bilanċ, “ħajja b’ħajja.” (Eżodu 21:23) Mela ħajja kellha tiġi offruta biex tħallas għall-ħajja li kienet intilfet. Mhux sempliċement ħajja kwalunkwe kellha tkun suffiċjenti. Salm 49:8, 9 [49:7, 8, NW] jgħid dwar bnedmin imperfetti: “Ħadd ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa [“rahan,” NW] tiegħu. Għoli wisq il-prezz taʼ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed.” Hija s-sitwazzjoni għalhekk bla tama? Dażgur li le.
11. (a) X’tissinjifika l-kelma “rahan” bl-Ebrajk? (b) Min biss setaʼ jifdi lill-umanità, u għala?
11 Fil-lingwa Ebrajka, il-kelma “rahan” tissinjifika s-somma mħallsa biex jiġi mifdi rsir u wkoll tagħti stampa t’ekwivalenza. Raġel b’ħajja umana perfetta biss setaʼ joffri l-ekwivalenti taʼ dak li tilef Adam. Wara Adam, l-uniku raġel perfett imwieled fuq l-art kien Ġesù Kristu. Għalhekk, il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-aħħar Adam,” [KŻ] u tassigurana li Kristu “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd.” (1 Korintin 15:45; 1 Timotju 2:5, 6) Fil-waqt li Adam min-naħa tiegħu għadda l-mewt għal fuq it-tfal tiegħu, il-wirt li għaddielhom Ġesù huwa ħajja eterna. L-Ewwel Korintin 15:22 jispjega: “Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.” B’mod xieraq, allura, Ġesù hu msejjaħ “Missier għal dejjem.”—Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW].
KIF IR-RAHAN ĠIE MĦALLAS
12. Ġesù meta sar il-Messija, u liema korsa taʼ ħajja segwa minn dak inhar ’il quddiem?
12 Fil-Ħarifa tas-sena 29 E.K., Ġesù mar għand il-qarib tiegħu Ġwanni biex jiġi mgħammed u b’hekk jippreżenta lilu nnifsu biex iwettaq ir-rieda t’Alla. F’dik l-okkażjoni Jehovah dilek lil Ġesù bl-ispirtu qaddis. Ġesù b’hekk sar il-Messija, jew Kristu, il-wieħed midluk minn Alla. (Mattew 3:16, 17) Imbagħad Ġesù ta bidu għall-ministeru tiegħu taʼ tliet snin u nofs. Hu vvjaġġa m’art twelidu kollha, jippriedka dwar is-Saltna t’Alla u jiġbor segwaċi leali. Madankollu, bħalma kien imbassar, l-oppożizzjoni lejh malajr bdiet tikkarga.—Salm 118:22; Atti 4:8-11.
13. Liema ġrajjiet wasslu għall-mewt taʼ Ġesù bħala wieħed li jżomm l-integrità?
13 Ġesù bil-kuraġġ kollu kixef l-ipokrezija tal-mexxejja reliġjużi, u huma fittxew li joqtluh. Eventwalment fasslu komplott mill-agħar li kien jinvolvi tradiment, arrest mhux xieraq, ġuri illegali, u akkuża falza taʼ sedizzjoni. Ġesù ġie msawwat, beżqulu, ġie rredikolat, u ġie mogħti daqqiet bi frosta magħmula apposta biex iċċarratlu l-laħam. Il-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu mbagħad issentenzjah għall-mewt fuq zokk tat-tortura. Ġie msammar m’arblu taʼ l-injam u mdendel hemmhekk wieqaf. Kull nifs kien t’uġigħ insopportabbli, u dam sigħat sħaħ biex imut. Matul dik il-prova kbira, Ġesù żamm integrità perfetta lejn Alla.
14. Alla għala ħalla lil Ibnu jsofri u jmut?
14 B’hekk, kien fl-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K., li Ġesù ta ħajtu bħala “fidwa għall-kotra.” (Mark 10:45; 1 Timotju 2:5, 6) Mis-sema, Jehovah setaʼ jara lill-għażiż Ibnu jsofri u jmut. Alla għala ħalla ħaġa terribbli bħal din tiġri? Għamel hekk għaliex ħabb lill-umanità. Ġesù qal: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Il-mewt taʼ Ġesù tgħallimna wkoll li Jehovah hu Alla taʼ ġustizzja perfetta. (Dewteronomju 32:4) Xi wħud jistgħu jitħassbu għala Alla ma warrabx il-prinċipji tiegħu taʼ ġustizzja li jirrikjedu ruħ għal ruħ u injora l-prezz tal-korsa midinba t’Adam. Ir-raġuni hija li Jehovah dejjem iżomm mal-liġijiet tiegħu u jappoġġjahom, saħansitra jekk dan ikun jiswielu ħafna.
15. Ladarba kienet tkun ħaġa inġusta li l-eżistenza taʼ Ġesù titħalla tintemm b’mod permanenti, x’għamel Jehovah?
15 Il-ġustizzja taʼ Jehovah irrikjediet ukoll li l-mewt taʼ Ġesù jkollha riżultat hieni. Wara kollox, kien se jkun hemm ġustizzja f’li jħalli lil-leali Ġesù jibqaʼ rieqed għal dejjem fil-mewt? Dażgur li le! L-Iskrittura Ebrajka kienet ipprofetizzat li l-wieħed leali t’Alla ma kellux jibqaʼ fil-qabar. (Salm 16:10; Atti 13:35) Hu raqad fil-mewt għal partijiet minn tlett ijiem, u mbagħad Alla Jehovah irxoxtah għall-ħajja bħala ħlejqa spirtu setgħan.—1 Pietru 3:18.
16. Ġesù x’għamel malli rritorna lejn is-sema?
16 Maʼ mewtu, Ġesù ċeda l-ħajja umana tiegħu darba għal dejjem. Malli ġie rxoxtat għall-ħajja fis-sema, sar spirtu li jagħti l-ħajja. Iktar minn hekk, meta Ġesù telaʼ lejn il-post l-iktar qaddis fl-univers, ngħaqad mill-ġdid maʼ l-għażiż Missieru u formalment ippreżenta l-valur tal-ħajja umana u perfetta tiegħu Lilu. (Lhud 9:23-28) Il-valur taʼ dik il-ħajja prezzjuża setaʼ mbagħad jiġi applikat għan-nom taʼ l-umanità ubbidjenti. Dak x’ifisser għalik?
IR-RAHAN TAʼ KRISTU U INT
17. Kif nistgħu nieħdu vantaġġ mill-maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu?
17 Ikkunsidra tliet modi li bihom is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu jibbenefikak saħansitra issa. L-ewwel, dan iġib il-maħfra tad-dnubiet. Permezz tal-fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù, għandna “l-fidwa,” iva, “il-maħfra tad-dnubiet.” (Efesin 1:7) Mela saħansitra jekk ikkommettejna dnub serju, nistgħu nitolbu maħfra lil Alla f’isem Ġesù. Jekk aħna verament nidmin, Jehovah japplika għalina l-valur tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ibnu. Alla jaħfrilna, billi jagħtina l-barka taʼ kuxjenza tajba, minflok ma jesiġi l-piena tal-mewt li nġibu fuqna nfusna meta nidinbu.—Atti 3:19; 1 Pietru 3:21.
18. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù b’liema mod jipprovdilna tama?
18 It-tieni, is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu jipprovdi l-bażi tat-tama tagħna għall-futur. Ġo viżjoni, Ġwanni ra li “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha” kellha tibqaʼ ħajja wara t-tmiem katakliżmiku li ġej taʼ din is-sistema t’affarijiet. Huma għala se jsalvaw meta Alla se jeqred tant nies oħrajn? Anġlu qal lil Ġwanni li l-folla kbira kienu ‘ħaslu l-ilbiesi tagħhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf,’ Ġesù Kristu. (Apokalissi 7:9, 14) Sakemm neżerċitaw fidi fid-demm imxerred taʼ Ġesù Kristu u ngħixu f’armonija mal-ħtiġijiet divini, aħna se nkunu nodfa f’għajnejn Alla u se jkollna t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem.
19. Is-sagrifiċċju taʼ Kristu kif jagħti prova li hu u Missieru jħobbuk?
19 It-tielet, is-sagrifiċċju bħala rahan huwa l-prova fundamentali taʼ l-imħabba taʼ Jehovah. Il-mewt taʼ Kristu ġabret fiha l-akbar żewġ atti taʼ mħabba fl-istorja taʼ l-univers: (1) L-imħabba t’Alla f’li jibgħat lil Ibnu biex imut għan-nom tagħna; (2) L-imħabba taʼ Ġesù f’li minn jeddu offra lilu nnifsu bħala rahan. (Ġwann 15:13; Rumani 5:8) Jekk aħna verament neżerċitaw fidi, din l-imħabba tapplika għal kull wieħed u waħda minna. L-appostlu Pawlu qal: “L-Iben taʼ Alla . . . ħabbni u ta ruħu għalija.”—Galatin 2:20; Lhud 2:9; 1 Ġwann 4:9, 10.
20. Għala għandna neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù?
20 Għalhekk, ejjew nuru l-gratitudni tagħna għall-imħabba murija minn Alla u Kristu billi neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. Li nagħmlu hekk iwassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:36) Madankollu, is-salvazzjoni tagħna m’hijiex l-iktar raġuni importanti għall-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù fuq l-art. Le, it-tħassib primarju tiegħu kien kwistjoni saħansitra akbar, waħda universali. Bħalma se naraw fil-kapitlu li jmiss, dik il-kwistjoni tolqot lilna lkoll għaliex turi għala Alla ħalla l-ħażen u s-sofferenza jippersistu daż-żmien kollu f’din id-dinja.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
Ġesù għala kellu jmut biex isalva lill-umanità?
Ir-rahan kif tħallas?
Int b’liema modi tibbenefika mir-rahan?
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 67]