Kapitlu 13
Ċelebrazzjonijiet li Ma Jogħġbux lil Alla
“Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.”—EFESIN 5:10.
1. Ġeħova liema xorta taʼ nies jiġbed lejh, u għala għandhom jibqgħu għassa spiritwalment?
ĠESÙ qal: “L-aduraturi veri jqimu lill-Missier bl-ispirtu u l-verità, għax, tabilħaqq, il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.” (Ġwanni 4:23) Meta Ġeħova jsib individwi bħal dawn—bħalma sab lilek—hu jiġbidhom lejh u lejn Ibnu. (Ġwanni 6:44) X’unur dan! Madankollu, dawk li jħobbu l-verità Biblika jridu ‘jibqgħu jaċċertaw ruħhom dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej,’ għax Satana huwa espert f’li jqarraq.—Efesin 5:10; Rivelazzjoni 12:9.
2. Spjega kif Ġeħova jqis lil dawk li jipprovaw iħalltu r-reliġjon vera maʼ dik falza.
2 Ikkunsidra dak li ġara ħdejn il-Muntanja Sinaj meta l-Israelin staqsew lil Aron biex jagħmlilhom alla. Aron ma qagħadx iħaqqaqha magħhom u għamel għoġol tad-deheb, imma ta x’jifhem li dan kien jirrappreżenta lil Alla. Hu qal: “Għada ssir festa lil Ġeħova.” Kien indifferenti Ġeħova għal din it-taħlita taʼ reliġjon vera maʼ dik falza? Le. Ġiegħel li jinqatlu madwar tlett elef idolatra. (Eżodu 32:1-6, 10, 28) X’inhi l-lezzjoni? Jekk irridu nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla, ma rridu ‘mmissu xejn li m’huwiex nadif’ u b’mod żeluż nipproteġu l-verità minn kwalunkwe tip taʼ korruzzjoni.—Isaija 52:11; Eżekjel 44:23; Galatin 5:9.
3, 4. Għala għandna noqogħdu attenti ħafna għal prinċipji Bibliċi meta neżaminaw drawwiet u ċelebrazzjonijiet popolari?
3 B’sogħba, wara l-mewt taʼ l-appostli, li ġġieldu kontra l-apostasija, l-hekk imsejħin Kristjani li ma kellhomx imħabba għall-verità bdew jadottaw drawwiet, ċelebrazzjonijiet, u ġranet “imqaddsin” pagani, u qalu li kienu aċċettabbli għall-Kristjani. (2 Tessalonikin 2:7, 10) Hekk kif tikkunsidra wħud minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, innota kif jirriflettu l-ispirtu tad-dinja u mhux l-ispirtu t’Alla. Ġeneralment, ċelebrazzjonijiet dinjin għandhom tema komuni: Jogħġbu lix-xewqat tal-laħam, u jippromwovu t-twemmin reliġjuż falz u l-ispiritiżmu—il-marka li tidentifika lil “Babilonja l-Kbira.”a (Rivelazzjoni 18:2-4, 23) Ukoll, żomm f’moħħok li Ġeħova osserva direttament il-prattiki reliġjużi pagani u diżgustanti li minnhom ġejjin ħafna drawwiet popolari. Bla dubju llum iqis dawn iċ-ċelebrazzjonijiet bħala li għadhom offensivi. M’għandhiex il-ħarsa tiegħu tkun l-iktar ħaġa importanti għalina?—2 Ġwanni 6, 7.
4 Bħala Kristjani veri, aħna nafu li ċerti ċelebrazzjonijiet ma jogħġbux lil Ġeħova. Imma rridu nkunu determinati b’mod sod f’qalbna li ma jkollna ebda sehem fihom. Reviżjoni taʼ għala Ġeħova ma jiħux gost b’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ttellifna milli nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla.
IL-MILIED—ISEM ĠDID GĦALL-QIMA TAX-XEMX
5. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù ma twilidx fil-25 taʼ Diċembru?
5 Il-Bibbja ma ssemmi xejn dwar xi ċelebrazzjoni għal għeluq is-snin taʼ Ġesù. Fil-fatt, ħadd ma jaf id-data eżatta taʼ meta twieled. Però, nistgħu nkunu ċerti li ma twilidx fil-25 taʼ Diċembru, fil-kesħa tax-xitwa f’dik il-parti tad-dinja.b Raġuni waħda għal dan hija li Luqa kiteb li meta twieled Ġesù, ‘xi rgħajja kienu qed jgħixu barra’ jieħdu ħsieb l-imrieħel tagħhom. (Luqa 2:8-11) Kieku kienet id-drawwa li “kienu jgħixu barra” s-sena kollha, din ma kinitx se tkun xi ħaġa sinifikanti. Madankollu, peress li fix-xitwa f’Betlehem tagħmel xita taʼ ksieħ u borra, l-imrieħel kienu jinżammu ġewwa fix-xitwa u r-rgħajja ma kinux se jkunu “jgħixu barra.” Barra minn dan, Ġużeppi u Marija marru Betlehem għax Ċesari Awgustu kien ordna ċensiment. (Luqa 2:1-7) Hemm ċans kbir li Ċesari ma kienx se jikkmanda lil poplu li kien mimli riżentiment minħabba l-ħakma Rumana biex jivvjaġġa sal-post fejn twieldu fl-eqqel tax-xitwa.
6, 7. (a) Minfejn ġejjin ħafna mid-drawwiet tal-Milied? (b) X’kuntrast hemm bejn l-għoti fi żmien il-Milied u l-għoti tal-Kristjani?
6 L-oriġini tal-Milied ma tinsabx fl-Iskrittura, imma f’festi pagani tal-qedem, bħas-Saturnalja Rumana, ċelebrazzjoni dedikata lil Saturnu, l-alla taʼ l-agrikultura. Bl-istess mod, skond il-kalkoli tagħhom, aduraturi taʼ l-alla Mitra kienu jiċċelebraw il-25 taʼ Diċembru bħala l-“għeluq is-snin tax-xemx invinċibbli,” tgħid in-New Catholic Encyclopedia. “Il-Milied inbeda fi żmien meta l-qima tax-xemx kienet b’saħħitha partikolarment f’Ruma,” madwar tliet sekli wara l-mewt taʼ Kristu.
7 Matul iċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom, il-pagani kienu jagħtu rigali lil xulxin u jiffesteġġaw—prattiki li għadhom parti mill-Milied. Madankollu, bħalma hu minnu wkoll illum, ħafna għoti fi żmien il-Milied ma kienx fi qbil mat-2 Korintin 9:7, li jgħid: “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” Il-Kristjani veri jagħtu sforz l-imħabba; l-għoti tagħhom m’huwiex marbut maʼ xi data, u ma jistennewx rigali lura. (Luqa 14:12-14; Atti 20:35) Iżjed minn hekk, huma japprezzaw bil-kbir il-fatt li huma meħlusin mill-ġenn tal-Milied u mit-toqol taʼ dejn finanzjarju li ħafna jesperjenzaw f’dak iż-żmien tas-sena.—Mattew 11:28-30; Ġwanni 8:32.
8. L-astroloġi taw lil Ġesù rigali t’għeluq is-snin? Spjega.
8 Imma, xi wħud għandhom mnejn jargumentaw, l-astroloġi ma ħadux rigali t’għeluq is-snin lil Ġesù? Le. L-għoti taʼ rigali tagħhom sempliċement kien mod kif juru rispett lejn persuna importanti, drawwa komuni fi żminijiet Bibliċi. (1 Slaten 10:1, 2, 10, 13; Mattew 2:2, 11) Fil-fatt, lanqas biss marru fil-lejl li fih kien twieled Ġesù. Ġesù ma kienx tarbija f’maxtura imma kellu ftit tax-xhur u kien qed jgħix f’dar meta waslu.
X’TGĦID IL-BIBBJA DWAR GĦELUQ IS-SNIN
9. X’hemm sinifikanti dwar iċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin imsemmijin fil-Bibbja?
9 Għalkemm it-twelid taʼ tarbija minn dejjem ġab ħafna ferħ, il-Bibbja ma tagħmel ebda referenza dwar li qaddej t’Alla ċċelebra għeluq sninu. (Salm 127:3) Kien dan sempliċement nuqqas taʼ informazzjoni? Le, għax jissemmew żewġ okkażjonijiet fejn ġie ċelebrat għeluq is-snin—dak taʼ Fargħun fl-Eġittu u dak t’Erodi Antipa. (Ġenesi 40:20-22; Marku 6:21-29) Madankollu, iż-żewġ ġrajjiet ma kinux deskritti b’mod pożittiv—speċjalment dik taʼ l-aħħar, li fiha Ġwanni l-Għammied spiċċa b’rasu maqtugħa.
10, 11. Il-Kristjani tal-bidu kif qiesu ċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin, u għala?
10 The World Book Encyclopedia tgħid: “Il-Kristjani tal-bidu kkunsidraw iċ-ċelebrazzjoni t’għeluq is-snin bħala drawwa pagana.” Per eżempju, il-Griegi tal-qedem kienu jemmnu li kull individwu għandu spirtu li jipproteġih u li kien preżenti fit-twelid tiegħu u minn dakinhar ’il quddiem kien iħarsu. Dan l-ispirtu “kellu konnessjoni misterjuża maʼ l-alla li kellu għeluq sninu dakinhar li twieled l-individwu,” jgħid il-ktieb The Lore of Birthdays. Ukoll, iċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin għandhom rabta antika u intima maʼ l-astroloġija u l-oroskopju.
11 Minbarra li ċaħdu drawwiet t’għeluq is-snin minħabba l-oriġini pagana u spiritistika, il-qaddejja t’Alla tal-qedem x’aktarx li ċaħduhom ukoll minħabba l-livelli morali. Għala? Dawn kienu rġiel u nisa modesti u umli li ma qisux il-wasla tagħhom fid-dinja bħala xi ħaġa tant importanti li kellha tiġi ċelebrata.c (Mikea 6:8; Luqa 9:48) Minflok, huma gglorifikaw lil Ġeħova u rringrazzjawh għall-għotja prezzjuża tal-ħajja.d—Salm 8:3, 4; 36:9; Rivelazzjoni 4:11.
12. Il-jum tal-mewt tagħna għala jistaʼ jkun aħjar mill-jum tat-twelid tagħna?
12 Fil-mewt, dawk kollha li jżommu l-integrità jkunu fis-sigurtà fil-memorja t’Alla, u l-ħajja futura tagħhom hija garantita. (Ġob 14:14, 15) Ekkleżjasti 7:1 jgħid: “Isem tajjeb aħjar minn żejt tajjeb, u jum il-mewt aħjar minn jum it-twelid.” L-“isem” tagħna huwa r-reputazzjoni tajba li nkunu għamilna m’Alla permezz taʼ servizz leali. Huwa sinifikanti li l-unika kommemorazzjoni li l-Kristjani huma kmandati josservaw ma tinvolvix twelid, imma mewt—dik taʼ Ġesù, li l-“isem” eċċellenti tiegħu huwa ċ-ċavetta għas-salvazzjoni tagħna.—Luqa 22:17-20; Ebrej 1:3, 4.
L-GĦID—IL-QIMA TAL-FERTILITÀ TAĦT ISEM IEĦOR
13, 14. X’inhuma l-oriġini taʼ xi drawwiet popolari taʼ l-Għid?
13 Għalkemm jingħad li huwa ċelebrazzjoni taʼ l-irxoxt taʼ Kristu, attwalment l-Għid għandu l-oriġini tiegħu fir-reliġjon falza. L-isem Għid (Easter) innifsu ġie marbut m’Eostre, jew Ostara, l-alla mara tas-sebħ u r-rebbiegħa taʼ l-Anglo-Sassoni. U l-bajd u l-fniek kif ġew assoċjati maʼ l-Għid? Il-bajd “ilu jintuża bħala simbolu taʼ ħajja ġdida u qawmien,” tgħid l-Encyclopædia Britannica, filwaqt li l-fenek ilu jintuża bħala simbolu tal-fertilità. Għalhekk, l-Għid huwa fil-fatt rit tal-fertilità li b’mod superfiċjali ġie mpinġi bħala ċelebrazzjoni taʼ l-irxoxt taʼ Kristu.e
14 Kien Ġeħova se japprova l-użu taʼ rit tal-fertilità diżgustanti biex jiġi kommemorat l-irxoxt taʼ Ibnu? Lanqas qatt! (2 Korintin 6:17, 18) Fil-fatt, l-Iskrittura lanqas biss tikkmanda jew tawtorizza l-kommemorazzjoni taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù. Għalhekk, li dan isir f’isem l-Għid saħansitra hu turija taʼ inqas lealtà.
IL-HALLOWEEN HUWA ’L BOGĦOD MILL-QDUSIJA
15. X’inhi l-oriġini tal-Halloween, u x’jistaʼ jkun hemm sinifikanti dwar id-data li ntgħażlet biex din il-festa tiġi ċelebrata?
15 Magħruf għas-sħarijiet tiegħu, għall-goblins (ħlejjaq ċkejknin u koroh tal-ħrejjef li x’aktarx iġibu l-inkwiet jew jagħmlu l-ħsara), u għal tiżjin stramb ieħor, il-Halloween—imsejjaħ ukoll Lejlet il-Qaddisin Kollha—oriġina miż-żmien meta ċ-Ċelti kienu jgħixu fil-Britannja u fl-Irlanda. F’qamar kwinta li kien l-eqreb l-1 taʼ Novembru, kienu jiċċelebraw il-festa tas-Samhain, li tfisser “Tmiem is-Sajf.” Kienu jemmnu li matul il-festa tas-Samhain, il-velu taʼ bejn id-dinja umana u dik sopranaturali kien jitneħħa u l-ispirti, kemm tajbin u kemm ħżiena, kienu jduru ’l hemm u ’l hawn madwar l-art. Kienu jaħsbu li l-erwieħ tal-mejtin imorru lura lejn djarhom, u l-familji tagħhom kienu jlestu l-ikel u x-xorb għall-fatati li jiġu jżuruhom bit-tama li jikkalmawhom. Għalhekk, illum meta t-tfal lebsin taʼ fatati jew sħaħar imorru minn dar għal dar biex ibeżżgħu lin-nies u jgħidulhom li jekk ma jagħtuhomx xi ħaġa tal-ħelu se jagħmlulhom xi ċajta goffa, bla ma jafu jkunu qed ikomplu r-ritwali antiki tas-Samhain.
ŻOMM IT-TIEĠ TIEGĦEK BLA TEBGĦA
16, 17. (a) Koppji Kristjani li qed jippjanaw li jiżżewġu għala għandhom jeżaminaw drawwiet lokali tat-tiġijiet fid-dawl tal-prinċipji Bibliċi? (b) Rigward dawn id-drawwiet bħat-tfigħ tar-ross jew affarijiet oħrajn, il-Kristjani x’għandhom jikkunsidraw?
16 Dalwaqt, “ebda leħen t’għarus u t’għarusa ma jerġaʼ jinstemaʼ [f’Babilonja l-Kbira].” (Rivelazzjoni 18:23) Għala? Parti mir-raġuni hi minħabba l-prattiki spiritistiċi tagħha, li jistgħu jtebbgħu żwieġ saħansitra mill-ġurnata tat-tieġ.—Marku 10:6-9.
17 Id-drawwiet jinbidlu minn pajjiż għall-ieħor. Xi drawwiet li għandhom mnejn jidhru innoċenti għandhom għeruqhom fi prattiki Babiloniżi li suppost iġibu ‘l-fortuna’ lill-koppja jew lill-mistidnin tagħhom. (Isaija 65:11) Tradizzjoni minnhom tinvolvi t-tfigħ tar-ross jew xi ħaġa oħra. Jistaʼ jkun li din il-prattika għandha għeruqha fit-twemmin li l-ikel jikkalma lill-ispirti mill-agħar u jżommhom milli jagħmlu l-ħsara lill-għarus u l-għarusa. Barra minn dan, ir-ross ilu żmien twil jiġi assoċjat b’mod misterjuż mal-fertilità, l-hena, u l-għomor twil. B’mod ċar, dawk kollha li jridu jibqgħu fl-imħabba t’Alla se jwarrbu drawwiet imniġġsin bħal dawn.—2 Korintin 6:14-18.
18. Liema prinċipji Bibliċi għandhom jiggwidaw kemm lill-koppja li tkun qed tippjana t-tieġ u kemm lil dawk li jattendu?
18 Il-qaddejja taʼ Ġeħova bl-istess mod iżommu lura minn prattiki dinjin li jistgħu jisirqu t-tiġijiet u r-riċevimenti tat-tiġijiet mid-dinjità Kristjana jew li jistgħu joffendu l-kuxjenza taʼ xi wħud. Per eżempju, jevitaw li jagħmlu diskors li fih sarkażmu li jweġġaʼ jew kliem doppju sens u joqogħdu lura milli jwaqqgħu lil dak li jkun għaċ-ċajt jew jgħaddu rimarki li jistgħu jimbarazzaw lill-miżżewġin friski u lil oħrajn. (Proverbji 26:18, 19; Luqa 6:31; 10:27) Jevitaw ukoll riċevimenti bi tberbiq sfrenat li ma jirriflettux il-modestja, imma “l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Jekk qed tippjanaw għat-tieġ, qatt tinsew li Ġeħova jrid li l-ġurnata speċjali tagħkom tkun xi ħaġa li dejjem tistgħu tiftakru fiha b’ferħ, mhux b’dispjaċir.f
L-IBBRINDJAR—GĦANDU TIFSIR RELIĠJUŻ?
19, 20. Sors wieħed sekulari x’jgħid dwar l-oriġini taʼ l-ibbrindjar, u din id-drawwa għala m’hijiex aċċettabbli għall-Kristjani?
19 Prattika komuni fit-tiġijiet u f’okkażjonijiet soċjali oħrajn hija l-ibbrindjar, ix-xorb bis-saħħa taʼ xi ħadd. Il-ktieb International Handbook on Alcohol and Culture taʼ l-1995 jgħid: “L-ibbrindjar . . . probabbilment huwa fdal sekulari mid-drawwiet tal-qedem li fihom kienu jsiru offerti tax-xorb bħala sagrifiċċju meta kien jiġi offrut likwidu sagru lill-allat . . . biex tinqatgħalhom xewqithom, f’forma taʼ talba miġbura fil-kliem ‘ħajja twila!’ jew ‘għal saħħtek!’”
20 Huwa minnu li ħafna nies għandhom mnejn ma jqisux l-ibbrindjar bħala ġest reliġjuż jew superstizzjuż. Xorta waħda, id-drawwa li jerfgħu t-tazzi taʼ l-inbid lejn is-sema tistaʼ titqies bħala talba lis-“sema”—forza sovrumana—għal barka b’mod li m’hux fi qbil maʼ dak li hemm fl-Iskrittura.—Ġwanni 14:6; 16:23.g
“INTOM LI TĦOBBU LIL ĠEĦOVA, OBOGĦDU DAK LI HU ĦAŻIN”
21. Għalkemm forsi ma jkollhomx tema reliġjuża, liema ċelebrazzjonijiet popolari se jevitaw il-Kristjani, u għala?
21 Billi jirriflettu l-livelli degradanti tad-dinja llum—tendenza mmexxija ’l quddiem direttament jew indirettament minn Babilonja l-Kbira—xi pajjiżi jisponsorjaw karnivali taʼ kull sena, festi li fihom żfin vulgari u saħansitra ċelebrar tal-mod taʼ ħajja t’omosesswali u lesbjani. Ikun xieraq li xi ħadd ‘li jħobb lil Ġeħova’ jattendi jew jara avveniment bħal dan? Jekk jagħmel hekk ikun qed juri li tassew jobgħod il-ħażen? (Salm 1:1, 2; 97:10) Kemm ikun aħjar li jimita l-attitudni tas-salmista li talab: “Tħallix lil għajnejja jaraw dak li hu bla siwi”!—Salm 119:37.
22. Kristjan meta jistaʼ jiddeċiedi fi qbil mal-kuxjenza tiegħu stess jekk għandux jieħu sehem f’xi ċelebrazzjoni jew le?
22 Fi ġranet taʼ ċelebrazzjonijiet dinjin, Kristjan irid joqgħod attent li l-kondotta tiegħu ma tagħtix lil oħrajn l-impressjoni li qed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni. “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra,” kiteb Pawlu, “agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.” (1 Korintin 10:31; ara l-kaxxa “Nieħdu Deċiżjonijiet Għaqlin,” f’paġni 158-9.) Mill-banda l-oħra, jekk drawwa jew ċelebrazzjoni b’mod ċar ma jkun fiha ebda sinifikat reliġjuż falz, ma tkunx parti minn osservanza politika jew patrijottika, u ma tikser ebda prinċipju Bibliku, kull Kristjan jistaʼ jieħu deċiżjoni persunali jekk jistax jieħu sehem fiha jew le. Fl-istess ħin, għandu jikkunsidra s-sentimenti t’oħrajn sabiex ma jfixkel lil ħadd.
IGGLORIFIKA LIL ALLA BIL-KLIEM U BL-GĦEMIL
23, 24. Kif nistgħu nagħtu xiehda tajba rigward il-livelli ġusti taʼ Ġeħova?
23 Ħafna nies iqisu l-ġranet taʼ ċerti ċelebrazzjonijiet popolari primarjament bħala opportunitajiet biex il-familja u l-ħbieb jiltaqgħu flimkien. B’hekk, jekk xi ħadd b’mod żbaljat jaħseb li l-waqfa Skritturali tagħna hija bla mħabba jew estrema, nistgħu nispjegaw bil-ħlewwa li x-Xhieda taʼ Ġeħova jgħożżu laqgħat soċjali bnien mal-familja u l-ħbieb. (Proverbji 11:25; Ekkleżjasti 3:12, 13; 2 Korintin 9:7) Madankollu, sforz l-imħabba tagħna għal Alla u l-livelli ġusti tiegħu, ma rridux intebbgħu okkażjonijiet taʼ gost bħal dawn bi drawwiet li joffenduh. B’hekk, aħna ngawdu sħubija mal-maħbubin tagħna fi żminijiet oħrajn matul is-sena.—Ara l-kaxxa “Il-Qima Vera Ġġib l-Akbar Ferħ,” f’paġna 156.
24 Xi Xhieda kellhom suċċess f’li jaqsmu maʼ wħud sinċieri punti minn kapitlu 16 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?h Però, ftakar li l-mira tagħna hi li nirbħu l-qlub u mhux l-argumenti. Għalhekk, uri rispett, temperament ġwejjed, u “ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ.”—Kolossin 4:6.
25, 26. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom ikabbru l-fidi u l-imħabba tagħhom għal Ġeħova?
25 Bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova, aħna informati sew. Nafu għala nemmnu u nipprattikaw ċerti affarijiet u nżommu lura minn oħrajn. (Ebrej 5:14) Għalhekk, ġenituri, għallmu lil uliedkom biex jirraġunaw fuq prinċipji Bibliċi. Billi tagħmlu hekk, tkunu qed tibnu l-fidi tagħhom, tgħinuhom jagħtu tweġibiet Skritturali lil dawk li jistaqsu dwar it-twemmin tagħhom, u tassigurawhom mill-imħabba taʼ Ġeħova.—Isaija 48:17, 18; 1 Pietru 3:15.
26 Dawk kollha li jqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità” mhux biss jevitaw ċelebrazzjonijiet mhux Skritturali imma wkoll jistinkaw biex ikunu onesti f’kull aspett taʼ ħajjithom. Illum, ħafna jaħsbu li l-onestà m’hijiex prattika. Imma kif se naraw fil-kapitlu li jmiss, it-triqat t’Alla huma dejjem l-aħjar.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-kaxxa “Għandi Nieħu Sehem fiċ-Ċelebrazzjoni?” f’paġni 148-9. Numru taʼ ġranet “imqaddsin” u ċelebrazzjonijiet speċifiċi huma mniżżlin fil-Watch Tower Publications Index, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Skond il-kronoloġija Biblika u l-istorja sekulari, Ġesù x’aktarx li twieled fis-sena 2 Q.E.K. fix-xahar Lhudi t’Etanim, li jikkorrispondi maʼ Settembru/Ottubru fil-kalendarju tagħna.—Ara Insight on the Scriptures, Volume 2, paġni 56-7, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
d Il-patt tal-Liġi kien jirrikjedi li n-nisa jippreżentaw offerta tad-dnub lil Alla wara li jkunu wildu. (Levitiku 12:1-8) Bħala tfakkira qarsa li l-bnedmin jgħaddu d-dnub lil uliedhom, din il-ħtieġa legali għenet lill-Israelin ikollhom ħarsa bilanċjata lejn it-twelid taʼ xi tifel jew tifla u setgħet tiskuraġġihom milli jadottaw drawwiet pagani t’għeluq is-snin.—Salm 51:5.
e Eostre (jew Eastre) kienet ukoll alla mara tal-fertilità. Skond dizzjunarju tal-mitoloġija, “hi kellha fenek salvaġġ fil-qamar li kien iħobb il-bajd u hi kultant kienet impinġija jew deskritta bħala li għandha ras taʼ fenek salvaġġ.”—The Dictionary of Mythology.
f Ara t-tliet artikli dwar it-tiġijiet u l-laqgħat soċjali fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Ottubru, 2006, paġni 18-31.
h Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 148, 149]
GĦANDI NIEĦU SEHEM FIĊ-ĊELEBRAZZJONI?
Prinċipju: “‘Oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif’; ‘u jien nilqagħkom.’”—2 Korintin 6:17.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek dwar ċelebrazzjoni jew drawwa popolari
▪ Jidher biċ-ċar li toriġina minn prattika jew tagħlim taʼ reliġjon falza, inkluż l-ispiritiżmu?—Isaija 52:11; 1 Korintin 4:6; 2 Korintin 6:14-18; Rivelazzjoni 18:4.
▪ Tagħti unur mhux xieraq jew tifħir esaġerat lil xi bniedem, organizzazzjoni, jew simbolu nazzjonali? —Ġeremija 17:5-7; Atti 10:25, 26; 1 Ġwanni 5:21.
▪ Tagħmel lil xi ġens jew grupp etniku jispikka fuq ieħor?—Atti 10:34, 35; 17:26.
▪ Tirrifletti “l-ispirtu tad-dinja,” li jaħdem kontra l-ispirtu qaddis t’Alla?—1 Korintin 2:12; Efesin 2:2.
▪ Is-sehem tiegħi fiha jistaʼ jkun sors taʼ tfixkil?—Rumani 14:21.
▪ Jekk nagħżel li ma niħux sehem, kif nistaʼ nispjega r-raġunijiet tiegħi b’rispett lil oħrajn? —Rumani 12:1, 2; Kolossin 4:6.
L-iskritturi li ġejjin jistgħu jgħinuna nwieġbu xi mistoqsijiet dwar osservanzi popolari:
▪ “[Israelin mhux leali] tħalltu mal-ġnus u bdew jitgħallmu mill-imġiba tagħhom.”—Salm 106:35.
▪ “Min juri fedeltà fl-inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-ħafna, u min ma jagħmilx is-sewwa fl-inqas ħaġa ma jagħmilx is-sewwa wkoll fil-ħafna.” —Luqa 16:10.
▪ “M’intomx parti mid-dinja.”—Ġwanni 15:19.
▪ “Ma tistgħux tieħdu sehem mill-‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-mejda tad-demonji.”—1 Korintin 10:21.
▪ “Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu r-rieda tal-ġnus meta wettaqtu għemejjel taʼ kondotta laxka, passjonijiet, xorb żejjed taʼ nbid, xalar, imħatri min jixrob l-iktar, u idolatriji kontra l-liġi.”—1 Pietru 4:3.
[Kaxxa f’paġna 150]
ĠRANET “IMQADDSIN” U S-SATANIŻMU
Huwa taʼ interess li ninnotaw li l-iktar ġurnata importanti fir-reliġjon imsejħa Sataniżmu hija għeluq is-snin. Għala? Għax is-Satanisti jemmnu li kull individwu huwa alla jekk jagħżel li jqis lilu nnifsu hekk. B’hekk, li wieħed jiċċelebra għeluq sninu jkun qed jiċċelebra t-twelid t’alla. M’għandniex xi ngħidu, il-biċċa l-kbira min-nies m’għandhomx din il-ħarsa estrema u egoistika. Minkejja dan, il-ktieb The Lore of Birthdays jgħid: “Jiem taʼ festi oħrajn iferrħu ’l-qalb, imma għeluq is-snin iżid maʼ l-istima li wieħed jagħti lilu nnifsu.”
It-tieni ġurnata l-iktar “imqaddsa” fil-kalendarju tas-Satanisti hija lejlet l-1 taʼ Mejju u Halloween. Merriam-Webster’s Collegiate Dictionary jispjega taʼ l-ewwel bħala “lejlet l-Ewwel taʼ Mejju meta, kif jemmnu xi wħud, is-sħaħar jiltaqgħu f’post kif miftiehem.”
[Kaxxa f’paġna 156]
IL-QIMA VERA ĠĠIB L-AKBAR FERĦ
Ġeħova hu “l-Alla l-hieni,” u jrid li l-qaddejja tiegħu jkunu ferħanin. (1 Timotju 1:11) Dan il-fatt jidher ċar fl-iskritturi li ġejjin:
“Min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-ħin kollu.”—Proverbji 15:15.
“Sirt naf li m’hemm xejn aħjar għalihom milli jifirħu u jagħmlu t-tajjeb matul ħajjithom; u wkoll li kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-għotja t’Alla.”—Ekkleżjasti 3:12, 13.
“Imma l-ġeneruż ta parir favur il-ġenerożità; u se jibqaʼ jkun favur il-ġenerożità.”—Isaija 32:8.
“Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien [Ġesù] inserraħkom. . . . Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mattew 11:28, 30.
“Tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:32.
“Ħa [jagħti] kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.
“Il-frott taʼ l-ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, . . . il-qalb tajba, it-tjubija.”—Galatin 5:22.
“Il-frott tad-dawl jikkonsisti minn kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja u verità.”—Efesin 5:9.
[Kaxxa f’paġna 158]
NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET GĦAQLIN
Kultant, jistgħu jqumu sitwazzjonijiet li jittestjaw l-imħabba tagħna għal Ġeħova u l-fehma tagħna taʼ prinċipji Bibliċi. Per eżempju, is-sieħeb jew is-sieħba taʼ Kristjan miżżewweġ li ma tkunx taʼ l-istess twemmin tistaʼ tistiednu biex imorru jieklu mal-qraba f’ġurnata taʼ festa. Il-kuxjenza taʼ xi Kristjani għandha mnejn tħallihom jaċċettaw; oħrajn forsi ma tħallihomx. Jekk Kristjan jaċċetta offerta bħal din, il-kondotta tiegħu għandha tagħmilha ċara li m’huwiex qed jiċċelebra l-festa u li ż-żjara tiegħu hija biss biex igawdi ikla mal-qraba.
Ikun għaqli li Kristjan jitkellem b’rispett mas-sieħba tiegħu minn qabel, billi jispjega li jekk il-qraba jieħdu sehem f’attivitajiet tal-festa u x-Xhud ma jaċċettax li jieħu sehem, dan jistaʼ jkun ftit tal-mistħija. Is-sieħba li ma tkunx taʼ l-istess twemmin għandha mnejn tiddeċiedi li tmur f’ġurnata oħra.—1 Pietru 3:15.
Wara li jkun semaʼ l-ispjegazzjoni taʼ martu, xi ngħidu jekk ir-raġel taʼ mara Kristjana jibqaʼ jinsisti li tmur miegħu? Hi forsi tikkonkludi li bħala l-kap tal-familja, hu għandu r-responsabbiltà li jipprovdi l-ikel għal familtu. (Kolossin 3:18) F’dan il-każ, l-ikla se tkun fid-dar tal-qraba tiegħu. Jistaʼ jagħti l-każ ukoll li jirnexxilha tagħti xiehda mill-aħjar f’dik l-okkażjoni. L-ikel m’huwiex kontaminat sempliċement għax jittiekel f’ġurnata taʼ festa. (1 Korintin 8:8) Il-mara Kristjana forsi tqisha bħala ikla normali u ma tixtieqx xewqat sbieħ u ma tiħux sehem fil-kant, fl-ibbrindjar, u f’affarijiet oħrajn tal-festa, ikunu liema jkunu.
Aspett ieħor li jrid jiġi kunsidrat hu kif sehem f’ikla bħal din jistaʼ jeffettwa lil oħrajn. Mara Kristjana għandha tikkunsidra l-possibbiltà li oħrajn li jsiru jafu biż-żjara tagħha lil qraba dinjin f’dik il-ġurnata jistgħu jiġu mfixklin.—1 Korintin 8:9; 10:23, 24.
Flimkien maʼ dan, sejra l-familja tagħmel pressjoni fuq il-mara Kristjana biex tagħmel kompromess? Minħabba li dak li jkun forsi ma jkunx irid iħossu imbarazzat jistaʼ jħossu taħt pressjoni biex jagħmel kompromess! Għalhekk, huwa importanti li l-kwistjoni tkun maħsuba sew minn qabel, billi jiġu kunsidrati dawn il-fatturi kollha, inkluż, m’għandniex xi ngħidu, il-kuxjenza tal-mara Kristjana nfisha.—Atti 24:16.
Għandi Naċċetta l-Bonus tal-Milied?
Matul l-istaġun tal-Milied, l-imgħallem taʼ Kristjan għandu mnejn joffri rigal jew bonus. Għandu Kristjan jirrifjuta dan? Mhux bilfors. L-imgħallem għandu mnejn lanqas jgħaddilu minn moħħu li dak li jaċċetta l-bonus ikun qed jiċċelebra l-Milied. L-imgħallem forsi jkun sempliċement qed jagħti lill-ħaddiema kollha tiegħu sehem mill-qligħ tal-kumpanija. Jew il-bonus jistaʼ jkun evidenza tal-gratitudni tiegħu għas-servizzi li jkunu saru matul is-sena kollha kif ukoll bħala inċentiv biex jitkompla x-xogħol tajjeb. L-imgħallem għandu mnejn jagħti rigal lill-impjegati kollha—Lhud, Musulmani, jew oħrajn—kemm jekk jiċċelebraw il-Milied u kemm jekk le. Għalhekk, il-fatt li r-rigal jingħata f’ċertu żmien jew jingħata ċertu isem ma jfissirx li wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jistax jaċċettah.
Anki jekk ir-rigal jingħata minħabba xi festa reliġjuża, dan ma jfissirx li min jirċivih għandu l-istess ħarsa reliġjuża. Ħaddiem li jaħdem max-Xhud jew xi qarib forsi jgħidlu, “Naf li ma tiċċelebrax din il-festa, imma xorta nixtieqek tieħu dan bħala rigal mingħandi.” Jekk il-kuxjenza tal-Kristjan ma tniggżux, jistaʼ jagħżel li jaċċetta r-rigal u jesprimi l-gratitudni tiegħu mingħajr ma jsemmi l-festa. (Atti 23:1) Forsi l-Kristjan ikun jistaʼ jesprimi l-waqfa tiegħu bit-tattika meta x’aktarx li dak li jkun ma jiħodhiex b’offiża.
Madankollu, xi ngħidu jekk dak li jkun qed joffri r-rigal ikollu l-intenzjoni li juri li l-Kristjan m’huwiex sod fit-twemmin tiegħu jew li se jagħmel kompromess għal gwadann materjali? F’dan il-każ, ikun aħjar li ma jaċċettahx. Mingħajr dubju, irridu nagħtu devozzjoni esklużiva lil Alla Ġeħova.—Mattew 4:8-10.
[Stampa f’paġna 147]
Il-Kristjani veri jagħtu sforz l-imħabba