LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
    • Kapitlu 10

      Iż-​Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba

      “Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.” —EKKLEŻJASTI 4:12.

      1, 2. (a) Rigward koppji miżżewġin friski, kultant x’jistaʼ jgħaddilna minn moħħna, u għala? (b) Liema mistoqsijiet se niddiskutu f’dan il-​kapitlu?

      TIEĦU gost tmur xi tieġ? Ħafna jieħdu gost, għax dawn l-​okkażjonijiet jistgħu jkunu taʼ ferħ kbir. Il-​koppja jkunu lebsin sabiħ ħafna. Iżjed minn hekk, wiċċhom ikun jixgħel bil-​ferħ! Dakinhar ikunu kuntenti ħafna u l-​futur tagħhom jidher mimli tama u prospetti sbieħ.

      2 Xorta waħda, irridu nammettu li f’ħafna aspetti ż-​żwieġ jinsab f’rovina llum. Filwaqt li nittamaw li koppji miżżewġin friski jirnexxu, kultant nistgħu naħsbu: ‘Se jkun hieni dan iż-​żwieġ? Se jkun wieħed dejjiemi?’ It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jiddependu minn jekk ir-​raġel u l-​mara jafdawx u japplikawx il-​pariri t’Alla fuq iż-​żwieġ. (Proverbji 3:5, 6) Hekk iridu jagħmlu sabiex jibqgħu fl-​imħabba t’Alla. Issa ejja niffokaw fuq it-​tweġiba tal-​Bibbja għal dawn l-​erbaʼ mistoqsijiet: Għala tiżżewweġ? Jekk tiżżewweġ, lil min għandek tagħżel bħala sieħeb jew sieħba? Kif tistaʼ tipprepara għaż-​żwieġ? U x’jistaʼ jgħin lil koppja jibqgħu ferħanin fiż-​żwieġ tagħhom?

      GĦALA TIŻŻEWWEĠ?

      3. Għala ma jkunx għaqli li tiżżewweġ għal raġunijiet fjakki?

      3 Xi wħud jemmnu li ż-​żwieġ huwa essenzjali għall-​hena—li ma tistax issib sodisfazzjon jew hena fil-​ħajja jekk ma tiżżewwiġx. Dan assolutament m’huwiex minnu! Ġesù, raġel mhux miżżewweġ, tkellem dwar l-​istat taʼ li wieħed ma jiżżewwiġx bħala għotja u ħeġġeġ lil dawk li jistgħu biex jagħmlu l-​wisaʼ għalih. (Mattew 19:11, 12) L-​appostlu Pawlu wkoll iddiskuta l-​vantaġġi taʼ li ma tiżżewwiġx. (1 Korintin 7:32-38) La Ġesù u lanqas Pawlu m’għamlu regola rigward dan; fil-​fatt, li wieħed ‘jipprojbixxi lin-​nies milli jiżżewġu’ huwa fost it-​“tagħlim tad-​demonji.” (1 Timotju 4:1-3) Minkejja dan, l-​istat taʼ li wieħed ma jiżżewwiġx għandu ħafna x’joffri lil dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova mingħajr tfixkil. Għalhekk, ma jkunx għaqli li tiżżewweġ għal raġunijiet fjakki, bħal pressjoni minn dawk taʼ mparek.

      4. Żwieġ tajjeb jipprovdi liema pedament għat-​trobbija tat-​tfal?

      4 Mill-​banda l-​oħra, hemm raġunijiet validi biex tiżżewweġ? Iva. Iż-​żwieġ ukoll huwa għotja mingħand Alla tagħna kollu mħabba. (Ġenesi 2:18) Allura fih ċerti vantaġġi u l-​potenzjal li jġib barkiet. Per eżempju, żwieġ tajjeb huwa l-​aħjar pedament għall-​ħajja tal-​familja. It-​tfal għandhom bżonn ambjent stabbli b’ġenituri biex irabbuhom, biex jagħtuhom l-​imħabba, id-​dixxiplina, u l-​gwida. (Salm 127:3; Efesin 6:1-4) Madankollu, it-​trobbija tat-​tfal m’hijiex l-​unika raġuni biex tiżżewweġ.

      5, 6. (a) Skond Ekkleżjasti 4:9-12, liema huma xi ftit mill-​benefiċċji prattiċi taʼ ħbiberija intima? (b) Żwieġ kif jistaʼ jkun bħal ħabel bi tlieta?

      5 Ikkunsidra l-​iskrittura tat-​tema għal dan il-​kapitlu flimkien mal-​kuntest: “Tnejn aħjar minn wieħed, għax jiġu premjati tajjeb għax-​xogħol iebes tagħhom. Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu. Imma wieħed li jkun waħdu, x’jiġrilu jekk jaqaʼ meta ma jkunx hemm min iqajmu? Iktar minn hekk, jekk tnejn jimteddu flimkien jissaħħnu; imma wieħed waħdu kif jistaʼ jżomm sħun? U wieħed li jkun waħdu jistaʼ jingħeleb minn xi ħadd, imma jekk ikunu tnejn flimkien jistgħu jiqfulu. Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn.”—Ekkleżjasti 4:9-12.

      6 Primarjament, din is-​silta hi dwar il-​valur tal-​ħbiberija. M’għandniex xi ngħidu, iż-​żwieġ jinvolvi waħda mill-​iktar ħbiberiji intimi. Bħalma turi l-​iskrittura, għaqda bħal din tistaʼ tkun t’għajnuna, taʼ faraġ, u taʼ protezzjoni. Żwieġ ikun b’saħħtu speċjalment jekk ikun iktar minn sempliċement rabta bejn tnejn min-​nies. Ħabel bi tnejn, kif jindika dan il-​vers, jistaʼ jinqataʼ. Imma tliet ħbula minsuġin jew immaljati flimkien se jkunu iżjed diffiċli biex jinqatgħu. Meta l-​interess ewlieni tar-​raġel u tal-​mara jkun li jogħġbu lil Ġeħova, iż-​żwieġ tagħhom ikun bħal dak il-​ħabel bi tlieta. Ġeħova huwa parti reali miż-​żwieġ, u għalhekk l-​għaqda hija b’saħħitha ħafna.

      7, 8. (a) Pawlu liema pariri kiteb għal Kristjani mhux miżżewġin li jissieltu b’xewqat sesswali? (b) Il-​Bibbja tagħtina liema ħarsa realistika lejn iż-​żwieġ?

      7 Iż-​żwieġ huwa wkoll l-​uniku kuntest li fih ix-​xewqat sesswali jistgħu jiġu sodisfati b’mod xieraq. B’dan f’moħħna, l-​għaqda sesswali bix-​xieraq titqies bħala sors taʼ pjaċir. (Proverbji 5:18) Meta xi ħadd mhux miżżewweġ ikun għadda dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “l-​fjur taż-​żgħożija”—dak iż-​żmien meta t-​tqanqil sesswali jkun qawwi ħafna—hu jew hi għandha mnejn tkun għadha tissielet b’xewqat sesswali. Jekk ma jiġux kontrollati, dawn ix-​xewqat jistgħu jwasslu għal kondotta mhix nadifa jew mhix xierqa. Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb dan il-​parir għal nies mhux miżżewġin: “Jekk m’għandhomx rażna, ħa jiżżewġu, għax aħjar jiżżewġu milli jinħarqu bil-​passjoni.”—1 Korintin 7:9, 36; Ġakbu 1:15.

      8 Huma x’inhuma r-​raġunijiet li jqanqlu lil dak li jkun jiżżewweġ, huwa tajjeb li tkun realistiku. Kif poġġieha Pawlu, dawk li jiżżewġu “jkollhom tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) Nies miżżewġin jiffaċċjaw sfidi li dawk li m’humiex miżżewġin ma jiffaċċjawx. Però, jekk tiddeċiedi li tiżżewweġ, kif tistaʼ tnaqqas l-​isfidi u żżid il-​barkiet? Mod wieħed hu li tagħżel is-​sieħeb jew is-​sieħba b’mod għaqli.

      KIF TISTAʼ TAGĦŻEL SIEĦEB JEW SIEĦBA FIŻ-​ŻWIEĠ TAJBA GĦALIK?

      9, 10. (a) Pawlu kif ta tixbiha dwar il-​periklu li nifformaw rabtiet intimi maʼ wħud li m’humiex taʼ l-​istess twemmin? (b) Spiss x’riżultat ikun hemm għal dawk li jinjoraw il-​parir t’Alla biex ma jiżżewġux lil xi ħadd li ma jkunx taʼ l-​istess twemmin?

      9 Pawlu ġie mnebbaħ biex jikteb prinċipju vitali li għandu jintuża meta tagħżel sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ: “Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 6:14) It-​tixbiha tiegħu kienet ibbażata fuq fatt mill-​ħajja taʼ l-​agrikultura. Jekk żewġ annimali li huma differenti ħafna fid-​daqs jew fis-​saħħa jintrabtu taħt madmad, it-​tnejn se jbatu. B’mod simili, jekk wieħed li jemmen u waħda li ma temminx jintrabtu flimkien taħt madmad fiż-​żwieġ, żgur li se jiffaċċjaw nuqqas taʼ qbil u tensjoni. Jekk hu jrid jibqaʼ fl-​imħabba taʼ Ġeħova u hi ftit li xejn jinteressaha minn dan, il-​prijoritajiet tagħhom fil-​ħajja mhux se jaqblu, u x’aktarx li se jkun hemm ħafna niket. B’hekk, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani biex jiżżewġu “biss fil-​Mulej.”—1 Korintin 7:39.

      10 F’xi każi, Kristjani mhux miżżewġin waslu għall-​konklużjoni li rbit f’madmad mhux indaqs ikun aħjar mis-​solitudni li jkunu qed iħossu. Xi wħud jiddeċiedu li jinjoraw il-​parir tal-​Bibbja, u jiżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. Spiss, ir-​riżultat ikun taʼ niket. Dawn l-​uħud isibu lilhom infushom miżżewġin lil xi ħadd li ma jistgħux jaqsmu magħhom l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja. Is-​solitudni li dan iġib miegħu tistaʼ tkun ħafna akbar minn dik li esperjenzaw qabel ma żżewġu. B’ferħ, hemm ħafna eluf taʼ Kristjani mhux miżżewġin li jafdaw il-​pariri divini f’dan ir-​rigward u jżommu magħhom lealment. (Salm 32:8) Għalkemm jittamaw li xi darba jiżżewġu, jibqgħu waħedhom sakemm isibu sieħeb jew sieħba fost dawk li jqimu lil Alla Ġeħova.

      11. X’jistaʼ jgħinek tagħżel sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ b’mod għaqli? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 114.)

      11 M’għandniex xi ngħidu, mhux kull qaddej taʼ Ġeħova awtomatikament hu sieħeb tajjeb għaż-​żwieġ. Jekk qed tikkunsidra ż-​żwieġ, fittex lil xi ħadd li l-​personalità, il-​miri spiritwali, u l-​imħabba tiegħu għal Alla huma kompatibbli maʼ tiegħek. Il-​klassi taʼ l-​ilsir leali tatna ħafna artikli fuq dan is-​suġġett, u int tagħmel tajjeb jekk tikkunsidra pariri Skritturali bħal dawn bit-​talb, billi tħallihom jiggwidawk f’din id-​deċiżjoni importanti.a—Salm 119:105.

      12. Liema drawwa rigward iż-​żwieġ hija komuni f’ħafna pajjiżi, u liema eżempju Bibliku jagħti xi gwida?

      12 F’ħafna pajjiżi, hija d-​drawwa li l-​ġenituri jagħżlu s-​sieħeb jew is-​sieħba għal uliedhom. F’dawn il-​kulturi, il-​maġġuranza jaqblu li l-​ġenituri għandhom iktar għerf u esperjenza li huma meħtiġin biex jieħdu deċiżjoni importanti bħal din. Żwiġijiet irranġati spiss jirnexxu, kif ġara fi żminijiet Bibliċi. L-​eżempju t’Abraham li bagħat lill-​qaddej tiegħu biex isib mara għal Iżakk jistaʼ jkun t’għajnuna għall-​ġenituri li forsi jinsabu f’pożizzjoni simili llum. Abraham ma kienx interessat fil-​flus u fil-​pożizzjoni soċjali. Minflok, għamel ħiltu biex isib mara għal Iżakk minn fost in-​nies li kienu jqimu lil Ġeħova.b—Ġenesi 24:3, 67.

      KIF TISTAʼ TIPPREPARA GĦAL ŻWIEĠ LI JIRNEXXI?

      13-15. (a) Il-​prinċipju fi Proverbji 24:27 kif jistaʼ jgħin lil raġel żagħżugħ li qed jaħseb dwar iż-​żwieġ? (b) Mara żagħżugħa x’tistaʼ tagħmel biex tipprepara għaż-​żwieġ?

      13 Jekk qed taħseb bis-​serjetà dwar iż-​żwieġ, tagħmel tajjeb jekk tistaqsi lilek innifsek, ‘Verament lest jien?’ It-​tweġiba ma tiddependix sempliċement minn kif tħossok dwar l-​imħabba, is-​sess, is-​sħubija, jew it-​trobbija tat-​tfal. Minflok, hemm miri speċifiċi li kull raġel jew mara prospettiva għandha taħseb dwarhom.

      14 Raġel żagħżugħ li qed ifittex mara għandu jaħseb bis-​serjetà dwar dan il-​prinċipju: “Ipprepara xogħlok barra, u ħejjih għalik fl-​għalqa. Imbagħad ibni wkoll lil taʼ darek.” (Proverbji 24:27) X’inhu l-​punt? F’dak iż-​żmien, jekk raġel ried ‘jibni lil dawk taʼ daru,’ jew jistabbilixxi familja billi jiżżewweġ, kellu jistaqsi lilu nnifsu, ‘Lest jien li nieħu ħsieb u nappoġġa lill-​mara u kwalunkwe tfal li jistaʼ jkollna?’ L-​ewwel kellu jaħdem, billi jieħu ħsieb l-​għelieqi, jew l-​uċuħ tar-​rabaʼ. L-​istess prinċipju japplika llum. Raġel li jrid jiżżewweġ għandu bżonn jipprepara għar-​responsabbiltà. Sakemm saħħtu tagħtih ikollu jibqaʼ jaħdem. Il-​Kelma t’Alla tindika li raġel li ma jiħux ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali taʼ familtu hu agħar minn wieħed mingħajr fidi!—1 Timotju 5:8.

      15 Bl-​istess mod, mara li tiddeċiedi li tiżżewweġ tkun qed taċċetta li terfaʼ għadd taʼ responsabbiltajiet kbar. Il-​Bibbja tfaħħar uħud mill-​abbiltajiet u l-​kwalitajiet li mara għandha mnejn ikollha bżonn hekk kif tgħin lil żewġha u tieħu ħsieb dawk taʼ darha. (Proverbji 31:10-31) Irġiel u nisa li jgħaġġlu biex jiżżewġu mingħajr ma jippreparaw biex jerfgħu r-​responsabbiltajiet involuti fil-​fatt ikunu egoisti, billi jonqsu li jaħsbu dwar x’jistgħu joffru lil sieħeb jew sieħba prospettiva. Però, fuq kollox, dawk li jixtiequ jiżżewġu jridu jkunu preparati spiritwalment.

      16, 17. Dawk li qed jippreparaw biex jiżżewġu għandhom jimmeditaw fuq liema prinċipji Skritturali?

      16 Il-​preparazzjoni għaż-​żwieġ tinvolvi meditazzjoni fuq l-​irwoli li Alla ta lir-​raġel u lill-​mara. Raġel irid ikun jaf xi jfisser li tkun kap taʼ familja Kristjana. Dan l-​irwol mhux liċenzja biex jagħmilha taʼ tirann. Minflok, għandu jimita l-​mod kif Ġesù jeżerċita l-​istat taʼ kap. (Efesin 5:23) Bl-​istess mod, mara Kristjana għandha bżonn tifhem l-​irwol dinjituż tal-​mara. Se tkun lesta tissottometti ruħha għal-​“liġi taʼ żewġha”? (Rumani 7:2) Hi diġà qiegħda taħt il-​liġi taʼ Ġeħova u taʼ Kristu. (Galatin 6:2) L-​awtorità taʼ żewġha fid-​dar tirrappreżenta liġi oħra. Tistaʼ hi tappoġġa u tissottometti ruħha għall-​awtorità taʼ raġel imperfett? Jekk dan il-​prospett ma jdoqqilhiex, tagħmel tajjeb li ma tiżżewwiġx.

      17 Iżjed minn hekk, kull sieħeb u sieħba jridu jkunu lesti biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet speċjali taʼ xulxin. (Filippin 2:4) Pawlu kiteb: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” Taħt ispirazzjoni divina, Pawlu ra li r-​raġel għandu bżonn speċjali biex iħoss ir-​rispett profond taʼ martu għalih. U l-​mara għandha bżonn speċjali biex tħossha maħbuba minn żewġha.—Efesin 5:21-33.

      18. Il-​koppji għala għandhom jeżerċitaw ir-​rażna matul l-​għerusija?

      18 Għalhekk, l-​għerusija m’hijiex sempliċement żmien taʼ divertiment. Hija żmien biex raġel u mara jitgħallmu kif għandhom jittrattaw lil xulxin b’mod xieraq, biex jaraw jekk iż-​żwieġ ikunx għażla għaqlija. Hija żmien ukoll li jeżerċitaw ir-​rażna! It-​tentazzjoni li jsiru intimi fiżikament tistaʼ tkun b’saħħitha ħafna—wara kollox, il-​ġibda hija naturali. Madankollu, dawk li tassew iħobbu lil xulxin se jevitaw kwalunkwe att li jistaʼ jweġġaʼ lil xi maħbub spiritwalment. (1 Tessalonikin 4:6) Għalhekk, jekk intom għarajjes, eżerċitaw ir-​rażna; tistgħu tibbenefikaw minn din il-​kwalità tul ħajjitkom, kemm jekk tiżżewġu u kemm jekk le.

      KIF TISTAʼ TAGĦMEL IŻ-​ŻWIEĠ WIEĦED DEJJIEMI?

      19, 20. Il-​ħarsa taʼ Kristjan lejn iż-​żwieġ kif għandha tkun differenti minn dik taʼ ħafna fid-​dinja llum? Agħti tixbiha.

      19 Jekk koppja jridu li ż-​żwieġ ikun wieħed dejjiemi, irid ikollhom ħarsa xierqa taʼ x’inhi rabta. Fil-​kotba u l-​films, iż-​żwieġ spiss ikollu tmiem hieni li n-​nies jixxennqu għalih. Però, fil-​ħajja reali, iż-​żwieġ m’huwiex tmiem; huwa bidu—il-​bidu taʼ xi ħaġa li Ġeħova ddisinja biex tkun dejjiema. (Ġenesi 2:24) B’dispjaċir, din m’hijiex il-​ħarsa komuni fid-​dinja taʼ llum. F’xi kulturi, in-​nies jitkellmu dwar iż-​żwieġ bħala rabta ċoff. Għandhom mnejn ma jirrealizzawx kemm dan jiddeskrivi tajjeb il-​ħarsa komuni lejn iż-​żwieġ. Kif? Filwaqt li rabta tajba għandha tibqaʼ soda sakemm hemm bżonn, ħtieġa importanti oħra hi li tistaʼ tintrabat u tinħall faċilment.

      20 Ħafna llum iqisu ż-​żwieġ bħala xi ħaġa temporanja. Lesti li jidħlu għalih għax jaħsbu li se jissodisfa l-​bżonnijiet tagħhom, imma jistennew li jistgħu jtemmu ż-​żwieġ malli jidher li se jkun taʼ sfida. Però, ftakar fit-​tixbiha li tuża l-​Bibbja għal rabta bħal dik fiż-​żwieġ—il-​ħabel. Ħbula magħmulin għal vapuri li jbaħħru huma disinjati biex jibqgħu sodi, biex qatt ma jiżżarrtu jew jinħallu, saħansitra fl-​iktar maltempata qalila. Bl-​istess mod, iż-​żwieġ hu disinjat biex idum. Ftakar, Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:6) Jekk tiżżewweġ, irid ikollok l-​istess ħarsa lejn iż-​żwieġ. Rabta bħal din tbiddel iż-​żwieġ f’toqol? Le.

      21. Raġel u mara għandhom bżonn iżommu liema attitudni lejn xulxin, u x’jistaʼ jgħinhom jagħmlu dan?

      21 Raġel u mara jridu jżommu ħarsa xierqa lejn xulxin. Jekk kull wieħed jistinka biex jiffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin u l-​isforzi taʼ l-​ieħor, iż-​żwieġ se jkun sors taʼ ferħ u serħan. Huwa realistiku li jkollna ħarsa daqstant pożittiva lejn sieħeb jew sieħba imperfetta? Ġeħova dejjem hu realistiku, però huwa importanti għalina li jkollu ħarsa pożittiva lejna. Is-​salmista staqsa: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Irġiel u nisa miżżewġin jeħtieġ li jkollhom ħarsa pożittiva bħal din u li jaħfru lil xulxin.—Kolossin 3:13.

      22, 23. Abraham u Sara kif ħallew eżempju tajjeb għal nies miżżewġin illum?

      22 Iż-​żwieġ jistaʼ jsir saħansitra barka akbar hekk kif jibqaʼ sħiħ matul is-​snin. Il-​Bibbja turina ż-​żwieġ t’Abraham u Sara meta kienu koppja mdaħħlin fiż-​żmien. Ħajjithom ċertament ma kinitx ħielsa mit-​tbatijiet u l-​isfidi. Immaġina kif ħassitha Sara, mara x’aktarx madwar is-​60 sena, meta ġiet biex titlaq id-​dar komda tagħha fil-​belt prospera taʼ Ur u tmur tgħix fit-​tined għall-​kumplament taʼ ħajjitha. Madankollu, hi ssottomettiet ruħha għall-​istat taʼ kap taʼ żewġha. Bħala sieħba li taqbel m’Abraham u ajjutanta tiegħu, hi b’rispett għenet biex id-​deċiżjonijiet tiegħu jaħdmu. U s-​sottomissjoni tagħha ma kinitx superfiċjali. Saħansitra “f’qalbha” rreferiet għal żewġha bħala sidha. (Ġenesi 18:12; 1 Pietru 3:6) Ir-​rispett tagħha lejn Abraham ġie mill-​qalb.

      23 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li Abraham u Sara dejjem qiesu l-​affarijiet bl-​istess mod. Darba hi għamlet suġġeriment li ‘m’għoġbu xejn’ lil Abraham. Xorta waħda, bid-​direzzjoni taʼ Ġeħova, Abraham bl-​umiltà semaʼ minn martu, u dan wassal għall-​barka fil-​familja. (Ġenesi 21:9-13) L-​irġiel u n-​nisa miżżewġin illum, saħansitra dawk li ilhom għaxriet taʼ snin, jistgħu jitgħallmu ħafna minn din il-​koppja li kellhom il-​biżaʼ t’Alla.

      24. Liema żwiġijiet jirriflettu tajjeb fuq Alla Ġeħova, u għala?

      24 Fil-​kongregazzjoni Kristjana, hemm ħafna eluf taʼ żwiġijiet henjin—żwiġijiet li fihom il-​mara tirrispetta lil żewġha profondament, ir-​raġel iħobb u jonora lil martu, u t-​tnejn jaħdmu flimkien biex ir-​rieda taʼ Ġeħova tiġi qabel kollox. Jekk tiddeċiedi li tiżżewweġ, jalla tagħżel lis-​sieħeb jew lis-​sieħba b’mod għaqli, tipprepara sew għaż-​żwieġ, u taħdem biex ikollok żwieġ taʼ paċi u taʼ mħabba li jġib unur lil Alla Ġeħova. F’dan il-​każ, iż-​żwieġ tiegħek żgur se jgħinek tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla.

      [Noti taʼ taħt]

      a Ara kapitlu 2 tal-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

      b Xi patrijarki leali kellhom iktar minn mara waħda. Meta Ġeħova ttratta mal-​patrijarki u maʼ Israel bħala ġens, hu ttollera l-​prattika tal-​poligamija. Hu ma stabbiliex din il-​prattika, imma kkontrollaha. Madankollu, il-​Kristjani jżommu f’moħħhom li Ġeħova m’għadux jippermetti l-​poligamija fost l-​aduraturi tiegħu.—Mattew 19:9; 1 Timotju 3:2.

      [Kaxxa/Stampi f’paġna 114]

      X’QED INFITTEX FIS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA?

      Prinċipju: “It-​tnejn ikunu ġisem wieħed.” —Mattew 19:5.

      Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

      ▪ Għala huwa importanti li ‘tgħaddi l-​fjur taż-​żgħożija’ qabel ma tiżżewweġ?—1 Korintin 7:36; 13:11; Mattew 19:4, 5.

      ▪ Għalkemm jien kbir biżżejjed biex niżżewweġ, kif nistaʼ nibbenefika billi nibqaʼ ma niżżewwiġx għal xi żmien?—1 Korintin 7: 32-34, 37, 38.

      ▪ Jekk nagħżel li niżżewweġ, għala huwa importanti li s-​sieħeb jew is-​sieħba prospettiva tiegħi jkollha rekord taʼ servizz leali lejn Ġeħova?—1 Korintin 7:39.

      ▪ L-​iskritturi li ġejjin kif jistgħu jgħinu lil oħt tidentifika l-​kwalitajiet meħtiġin f’sieħeb?—Salm 119:97; 1 Timotju 3:1-7.

      ▪ Proverbji 31:10-31 kif jistaʼ jgħin lil ħu jagħżel sieħba fiż-​żwieġ b’mod għaqli?

      [Stampa f’paġna 119]

      B’għaqal, ħafna koppji jieħdu ħsieb li jkollhom lil xi ħadd ieħor magħhom waqt l-​għerusija

  • “Ħa Jkun iż-Żwieġ Onorabbli”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
    • KAPITLU 11

      “Ħa Jkun iż-​Żwieġ Onorabbli”

      “Ifraħ b’mart żgħożitek.”—PROVERBJI 5:18.

      1, 2. Liema mistoqsija se nikkunsidraw, u għala?

      INT miżżewweġ? Jekk iva, huwa ż-​żwieġ tiegħek sors taʼ ferħ, jew qed tesperjenza problemi serji fih? Int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek sirtu inqas qrib taʼ xulxin? Qed tissaporti l-​ħajja miżżewġa imma mingħajr ferħ? Jekk iva, x’aktarx li tħossok imnikket li r-​rabta kollha mħabba li darba kellkom issa birdet. Bħala Kristjan, żgur li trid li ż-​żwieġ tiegħek iġib glorja lil Ġeħova, l-​Alla li int tħobb. Għalhekk, iċ-​ċirkustanzi preżenti tiegħek jistgħu jkunu sors taʼ inkwiet u diqa għalik. Minkejja dan, jekk jogħġbok tikkonkludix li s-​sitwazzjoni tiegħek hija bla tama.

      2 Illum, hemm koppji Kristjani mill-​aħjar li darba kienu sempliċement qed jissaportu ż-​żwieġ tagħhom mingħajr relazzjoni b’saħħitha bejniethom. Madankollu, sabu mezz kif isaħħu din ir-​relazzjoni. Int ukoll tistaʼ ssib iktar kuntentizza fiż-​żwieġ tiegħek. Kif?

      KIF TERSAQ EQREB LEJN ALLA U LEJN IS-​SIEĦEB JEW IS-​SIEĦBA TIEGĦEK

      3, 4. L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala se jersqu eqreb lejn xulxin jekk jistinkaw biex jersqu eqreb lejn Alla? Agħti tixbiha.

      3 Int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek se tersqu eqreb lejn xulxin jekk tistinkaw biex tersqu eqreb lejn Alla. Għala? Ikkunsidra tixbiha: Immaġina muntanja—wiesgħa minn isfel u dejqa minn fuq. Fuq in-​naħa tal-​lemin tal-​muntanja hemm raġel u fuq in-​naħa tax-​xellug hemm mara. It-​tnejn jibdew telgħin. Meta t-​tnejn li huma jkunu għadhom telgħu ftit biss, jibqaʼ distanza kbira bejniethom. Madankollu, hekk kif it-​tnejn jibdew telgħin iktar u iktar fl-​għoli lejn il-​quċċata, id-​distanza bejniethom dejjem tonqos. Qed tara l-​lezzjoni rassiguranti f’din it-​tixbiha?

      4 L-​isforzi li tagħmel biex taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ jistgħu jitqabblu maʼ l-​isforzi meħtiġin biex titlaʼ muntanja. Ladarba tħobb lil Ġeħova, diġà qed tagħmel ħiltek biex titlaʼ, biex ngħidu hekk. Madankollu, jekk int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek m’għadkomx daqshekk qrib taʼ xulxin, jistaʼ jkun li qed titilgħu n-​naħat opposti taʼ dik il-​muntanja. Però, x’jiġri meta tkomplu telgħin? M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li għall-​ewwel ikun hemm distanza mhux ħażin bejnietkom. Minkejja dan, iktar ma tagħmel sforz biex tersaq eqreb lejn Alla—biex titlaʼ iktar fl-​għoli—int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek iktar se ssiru qrib taʼ xulxin. Tabilħaqq, il-​fatt li tersaq eqreb lejn Alla huwa ċ-​ċavetta biex tersaq eqreb lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Imma fir-​realtà kif tistaʼ tagħmel dan?

      5. (a) Liema hu mod wieħed kif nersqu eqreb lejn Ġeħova u lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba fiż-​żwieġ? (b) Ġeħova kif iħares lejn iż-​żwieġ?

      5 Mod importanti kif titlaʼ, biex ngħidu hekk, hu li int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tagħtu kas il-​pariri dwar iż-​żwieġ misjubin fil-​Kelma t’Alla. (Salm 25:4; Isaija 48:17, 18) Għalhekk, ikkunsidra punt speċifiku li qal l-​appostlu Pawlu. Hu qal: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Ebrej 13:4) Dan xi jfisser? Il-​kelma “onorabbli” tindika li xi ħaġa hija meqjusa bħala taʼ valur u prezzjuża. U dan hu eżatt kif Ġeħova jħares lejn iż-​żwieġ—hu jqisu bħala prezzjuż.

      IL-​MOTIVAZZJONI TIEGĦEK —IMĦABBA MILL-​QALB GĦAL ĠEĦOVA

      6. X’juri l-​kuntest tal-​parir li Pawlu ta dwar iż-​żwieġ, u għala huwa importanti li dan inżommuh f’moħħna?

      6 M’għandniex xi ngħidu, bħala qaddejja t’Alla, int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek diġà tafu li ż-​żwieġ huwa prezzjuż, saħansitra sagru. Ġeħova nnifsu stabbilixxa l-​arranġament taż-​żwieġ. (Mattew 19:4-6) Madankollu, jekk bħalissa qed tesperjenza problemi fiż-​żwieġ, il-​fatt li taf li ż-​żwieġ huwa onorabbli jistaʼ ma jkunx biżżejjed biex jimmotiva lilek u lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek biex tittrattaw lil xulxin bl-​imħabba u bir-​rispett. Allura, x’se jqanqlek tagħmel dan? Innota kif Pawlu ttratta s-​suġġett taʼ kif jintwera l-​unur. Hu ma qalx, “iż-​żwieġ hu onorabbli”; minflok, hu qal, “ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli.” Pawlu ma kienx sempliċement qed jagħmel osservazzjoni; kien qed jagħti twissija.a Il-​fatt li żżomm din id-​differenza f’moħħok jistaʼ jgħinek iżżid il-​motivazzjoni biex terġaʼ tkebbes ir-​rispett lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Dan għala hu minnu?

      7. (a) Liema kmandi Skritturali nwettqu, u għala? (b) Liema riżultati tajbin jiġu mill-​ubbidjenza?

      7 Ikkunsidra għal mument kif tqis kmandi Skritturali oħrajn, bħall-​inkarigu biex nagħmlu dixxipli jew it-​twissija biex niltaqgħu flimkien għall-​qima. (Mattew 28:19; Ebrej 10:24, 25) Huwa minnu li kultant jistaʼ jkun taʼ sfida li nwettqu dawn il-​kmandi. In-​nies li tippridkalhom jistgħu jwieġbu b’mod negattiv, jew ix-​xogħol sekulari li tagħmel jistaʼ jħallik tant eżawrit li jistaʼ jkun diffiċli li tattendi l-​laqgħat Kristjani. Minkejja dan, int tkompli tippriedka l-​messaġġ tas-​Saltna, u tibqaʼ tattendi l-​laqgħat Kristjani. Ħadd ma jistaʼ jwaqqfek—lanqas Satana! Għala le? Għaliex l-​imħabba mill-​qalb li għandek għal Ġeħova tqanqlek biex tobdi l-​kmandamenti tiegħu. (1 Ġwanni 5:3) B’liema riżultati tajbin? Is-​sehem tiegħek fix-​xogħol tax-​xandir u l-​attendenza għal-​laqgħat jagħtuk paċi ġewwinija u ferħ fil-​qalb għax taf li qed tagħmel ir-​rieda t’Alla. U dawn is-​sentimenti, min-​naħa l-​oħra, iġeddulek saħħtek. (Neħemija 8:10) X’nitgħallmu minn dan?

      8, 9. (a) X’jistaʼ jqanqalna nobdu t-​twissija biex nonoraw iż-​żwieġ, u għala? (b) Liema żewġ punti se nikkunsidraw issa?

      8 Bħalma l-​imħabba profonda tiegħek għal Alla tqanqlek tobdi l-​kmandi biex tippriedka u biex tattendi l-​laqgħat minkejja l-​ostakli, hekk ukoll l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova tistaʼ tqanqlek tobdi t-​twissija Skritturali biex ‘tħalli ż-​żwieġ [tiegħek] ikun onorabbli,’ anki meta dan jidher diffiċli. (Ebrej 13:4; Salm 18:29; Ekkleżjasti 5:4) Iżjed minn hekk, sewwasew bħalma l-​isforzi tiegħek biex tieħu sehem fl-​ippridkar u tattendi l-​laqgħat iġibu barkiet għonja mingħand Alla, hekk ukoll l-​isforzi tiegħek biex tonora ż-​żwieġ tiegħek se jiġu notati u mberkin minn Ġeħova.—1 Tessalonikin 1:3; Ebrej 6:10.

      9 Allura, kif tistaʼ tagħmel iż-​żwieġ tiegħek onorabbli? Trid tevita mġiba li tipperikola l-​arranġament taż-​żwieġ. Barra minn hekk, hemm bżonn tieħu passi li jsaħħu l-​għaqda taż-​żwieġ.

      EVITA DISKORS U KONDOTTA LI JIDDIŻONORAW IŻ-​ŻWIEĠ

      10, 11. (a) Liema mġiba tiddiżonora ż-​żwieġ? (b) Liema mistoqsija għandna nikkunsidraw mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna?

      10 Ftit taż-​żmien ilu, mara Kristjana qalet: “Nitlob lil Ġeħova għas-​saħħa biex jgħinni nissaporti.” Tissaporti xiex? Hi tispjega: “Żewġi jweġġgħani bi kliemu. Tbenġil li jidher jistaʼ ma jkollix, imma r-​rimarki sarkastiċi u kontinwi tiegħu, bħal ‘Ma nifilħekx!’ u ‘Ma tiswa għal xejn!’ tassew weġġgħuli qalbi.” Din il-​mara ssemmi kwistjoni serja ħafna—kliem abbużiv fiż-​żwieġ.

      11 Kemm hu taʼ niket meta l-​miżżewġin f’familji Kristjani joqogħdu jitgħajru, u b’hekk jikkaġunaw feriti emozzjonali li ma jfiqux malajr! Ovvjament, żwieġ li fih jintuża kliem li jweġġaʼ m’huwiex onorabbli. Iż-​żwieġ tiegħek kif inhu sejjer f’dan ir-​rigward? Mod wieħed kif issir taf hu billi bl-​umiltà tistaqsi lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek, “X’effett għandu kliemi fuqek?” Jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tħoss li darba wara l-​oħra kliemek ikkaġuna feriti emozzjonali, għandek tkun lest li tbiddel is-​sitwazzjoni għall-​aħjar.—Galatin 5:15; Efesin 4:31.

      12. Il-​qima taʼ dak li jkun kif tistaʼ ssir fiergħa mill-​ħarsa t’Alla?

      12 Żomm ċar f’moħħok li l-​mod kif tuża lsienek fl-​arranġament taż-​żwieġ jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa.” (Ġakbu 1:26) Kliemek ma jistax ikun separat mill-​qima tiegħek. Il-​Bibbja ma tappoġġax l-​idea li jiġri x’jiġri fid-​dar m’huwiex importanti dment li wieħed jistqarr li qed jaqdi lil Alla. Jekk jogħġbok tqarraqx bik innifsek. Din hija kwistjoni serja. (1 Pietru 3:7) Jistaʼ jkun li għandek abbiltajiet u żelu, imma jekk tweġġaʼ lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek apposta bi kliem iebes, tkun qed tiddiżonora l-​arranġament taż-​żwieġ u l-​qima tiegħek għandha mnejn titqies minn Alla bħala li hi fiergħa.

      13. L-​imseħbin fiż-​żwieġ kif jistgħu jikkaġunaw uġigħ emozzjonali lil xulxin?

      13 Ukoll, il-​miżżewġin iridu joqogħdu attenti li ma jikkaġunawx uġigħ emozzjonali b’modi inqas diretti. Ikkunsidra żewġ eżempji: Omm li qed trabbi t-​tfal waħedha spiss iċċempel lil raġel Kristjan miżżewweġ fil-​kongregazzjoni biex titolbu xi parir, u jitkellmu fit-​tul; ħu Kristjan mhux miżżewweġ iqattaʼ ħafna ħin kull ġimgħa jaħdem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa m’oħt Kristjana miżżewġa. L-​individwi miżżewġin f’dawn iż-​żewġ eżempji forsi għandhom intenzjonijiet tajbin; però, il-​kondotta tagħhom kif teffettwa lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom? Mara li ffaċċjat sitwazzjoni bħal din qalet: “Il-​fatt li żewġi qed jagħti ħafna ħin u attenzjoni lil oħt oħra fil-​kongregazzjoni jweġġagħni. Inħossni inferjuri.”

      14. (a) Liema obbligu fiż-​żwieġ hu enfasizzat f’Ġenesi 2:24? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?

      14 Nistgħu nifhmu għala din il-​mara u oħrajn li jiffaċċjaw sitwazzjoni simili fiż-​żwieġ iħossuhom imweġġgħin. L-​imseħbin tagħhom fiż-​żwieġ jinjoraw l-​istruzzjoni bażika t’Alla għaż-​żwieġ: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu.” (Ġenesi 2:24) M’għandniex xi ngħidu, dawk li jiżżewġu xorta jirrispettaw lill-​ġenituri tagħhom; madankollu, huwa l-​arranġament t’Alla li l-​obbligu ewlieni tagħhom hu lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. B’mod simili, il-​Kristjani jħobbuhom ħafna lil sħabhom fit-​twemmin; madankollu, ir-​responsabbiltà primarja tagħhom hi lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. B’hekk, meta l-​Kristjani miżżewġin iqattgħu ammont taʼ ħin mhux xieraq maʼ sħabhom fit-​twemmin, speċjalment maʼ dawk tas-​sess oppost, jew isiru familjari żżejjed magħhom, jipperikolaw ir-​rabta taż-​żwieġ. Jistaʼ jkun li għalhekk hemm pressjoni fiż-​żwieġ tiegħek? Staqsi lilek innifsek, ‘Verament nagħti lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi l-​ħin, l-​attenzjoni, u l-​affezzjoni li bi dritt huma tagħha?’

      15. Skond Mattew 5:28, il-​Kristjani miżżewġin għala għandhom jevitaw li jagħtu attenzjoni mhix xierqa lil xi ħadd tas-​sess oppost?

      15 Iżjed minn hekk, il-​Kristjani miżżewġin li jagħtu attenzjoni mhix xierqa lil dawk tas-​sess oppost u li m’humiex miżżewġin lilhom, b’nuqqas t’għaqal ikunu qed jipperikolaw lilhom infushom. B’sogħba, xi Kristjani miżżewġin żviluppaw sentimenti romantiċi lejn dawk li saru familjari żżejjed magħhom. (Mattew 5:28) Mill-​banda l-​oħra, rabtiet emozzjonali bħal dawn wasslu għal kondotta li ġġib saħansitra iktar diżunur liż-​żwieġ. Ikkunsidra x’qal l-​appostlu Pawlu dwar dan is-​suġġett.

      “IS-​SODDA TAŻ-​ŻWIEĠ BLA TINĠIS”

      16. Liema kmand jagħti Pawlu dwar iż-​żwieġ?

      16 Eżatt wara li Pawlu ta t-​twiddiba, “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli,” hu żied it-​twissija: “Ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 13:4) Pawlu uża t-​terminu “sodda taż-​żwieġ” biex jirreferi għal relazzjonijiet sesswali. Relazzjonijiet bħal dawn huma “bla tinġis,” jew nodfa moralment, jekk jitgawdew biss fl-​arranġament taż-​żwieġ. Għalhekk, il-​Kristjani jagħtu kas il-​kliem ispirat: “Ifraħ b’mart żgħożitek.”—Proverbji 5:18.

      17. (a) Il-​ħarsa tad-​dinja lejn l-​adulterju għala hija irrilevanti għall-​Kristjani? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju li ħalla Ġob?

      17 Dawk li jkollhom relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd barra miż-​żwieġ ikunu qed juru nuqqas taʼ rispett kbir għal-​liġijiet morali t’Alla. Veru, ħafna llum iqisu l-​adulterju bħala mġiba normali. Madankollu, dak li jaħsbu bnedmin oħrajn dwar l-​adulterju m’għandux jinfluwenza l-​mod kif iqisuh il-​Kristjani. Huma jafu li fl-​aħħar, mhux il-​bniedem, imma “Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 10:31; 12:29) Għalhekk, il-​Kristjani veri jżommu sew mal-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn dan is-​suġġett. (Rumani 12:9) Ftakar li l-​patrijarka Ġob qal: “Patt m’għajnejja għamilt.” (Ġob 31:1) Iva, biex jevitaw saħansitra pass wieħed fit-​triq li tistaʼ twassal għall-​adulterju, il-​Kristjani veri jikkontrollaw għajnejhom u qatt ma jħarsu b’xenqa lejn persuna tas-​sess oppost li m’huwiex is-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom.—Ara l-​Appendiċi, paġni 219-21.

      18. (a) F’għajnejn Ġeħova, kemm hu serju l-​adulterju? (b) Liema similarità hemm bejn l-​adulterju u l-​idolatrija?

      18 F’għajnejn Ġeħova, kemm hu serju l-​adulterju? Il-​Liġi Mosajka tgħinna napprezzaw kif iħossu Ġeħova dwar il-​kwistjoni. F’Israel, l-​adulterju u l-​idolatrija kienu fost l-​offiżi li kienu jġorru l-​piena tal-​mewt. (Levitiku 20:2, 10) Tistaʼ tara similarità bejn it-​tnejn? Israeli li jqim idolu jkun kiser il-​patt tiegħu maʼ Ġeħova. B’mod simili, Israeli li jikkommetti adulterju jkun kiser il-​patt tiegħu mas-​sieħba tiegħu. It-​tnejn aġixxew bi tradiment. (Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 5:9; Malakija 2:14) Għalhekk, it-​tnejn kienu ħatjin quddiem Ġeħova, l-​Alla leali u taʼ min jafdah.—Salm 33:4.

      19. X’jistaʼ jsaħħaħ id-​determinazzjoni taʼ dak li jkun biex ma jikkommettix adulterju, u għala?

      19 M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka. Madankollu, il-​fatt li jiftakru li f’Israel tal-​qedem l-​adulterju kien dnub serju jistaʼ jsaħħaħ lill-​Kristjani fid-​determinazzjoni tagħhom biex ma jikkommettux att bħal dan. Għala? Ikkunsidra dan ix-​xebh: Sejjer int tidħol fi knisja, tinżel għarkopptejk, u titlob quddiem xi xbieha? ‘Lanqas qatt!’ tgħid int. Imma taħsibha darbtejn jekk joffrulek somma kbira taʼ flus? ‘Żgur li le!’ twieġeb int. Tabilħaqq, Kristjan veru jistmerr saħansitra l-​ħsieb li jittradixxi lil Ġeħova billi jqim lil xi idolu. B’mod simili, il-​Kristjani għandhom jistmerru l-​ħsieb li jittradixxu lil Alla tagħhom, Ġeħova, kif ukoll lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tagħhom billi jikkommettu l-​adulterju—tkun xi tkun il-​ħajra għad-​dnub. (Salm 51:1, 4; Kolossin 3:5) Qatt ma rridu nagħmlu xi ħaġa li tferraħ lil Satana imma li ġġib diżunur kbir lil Ġeħova u lill-​arranġament sagru taż-​żwieġ.

      KIF ISSAĦĦAĦ IR-​RABTA TAŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK

      20. X’ġara f’xi żwiġijiet? Agħti tixbiha.

      20 Minbarra li tevita kondotta li tiddiżonora ż-​żwieġ, liema passi tistaʼ tieħu biex tkebbes ir-​rispett tiegħek lejn is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ? Biex twieġeb, aħseb dwar l-​arranġament taż-​żwieġ bħala li hu dar. Imbagħad, aħseb dwar il-​kliem ħelu, l-​aġir magħmul bil-​ħsieb, u l-​espressjonijiet oħrajn t’unur li l-​miżżewġin jagħmlu lil xulxin bħala t-​tiżjin li jżid mas-​sbuħija tad-​dar. Jekk tħossukom qrib taʼ xulxin, iż-​żwieġ tagħkom ikun bħal dar imżejna b’tiżjin li jagħtiha kulur u jagħmilha post li jilqgħek. Jekk l-​affezzjoni tagħkom tmajna, dan it-​tiżjin ftit ftit se jisparixxi, u jħalli ż-​żwieġ tagħkom bla ħajja bħal dar mingħajr tiżjin. Ladarba tixtieq tobdi l-​kmand t’Alla biex ‘iż-​żwieġ ikun onorabbli,’ żgur li se titqanqal biex ittejjeb is-​sitwazzjoni. Wara kollox, xi ħaġa prezzjuża u onorabbli hi taʼ min isewwiha, jew jirrestawraha. Kif tistaʼ tagħmel dan? Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Dar tinbena bl-​għerf, u bid-​dixxerniment tkun stabbilita fis-​sod. U bl-​għarfien il-​kmamar taʼ ġewwa jimtlew b’kull ġid prezzjuż u sabiħ.” (Proverbji 24:3, 4) Ikkunsidra kif dan il-​kliem jistaʼ jiġi applikat għaż-​żwieġ.

      21. Kif nistgħu nsaħħu ż-​żwieġ tagħna pass pass? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 131.)

      21 Fost l-​affarijiet ‘prezzjużi’ li jimlew dar ferħana hemm kwalitajiet bħall-​imħabba vera, il-​biżaʼ minn Alla, u l-​fidi soda. (Proverbji 15:16, 17; 1 Pietru 1:7) Dawn joħolqu żwieġ b’saħħtu. Imma nnotajt kif il-​kmamar fil-​proverbju msemmi hawn fuq huma mimlijin b’affarijiet prezzjużi? “Bl-​għarfien.” Iva, meta jiġi applikat, l-​għarfien Bibliku għandu l-​qawwa li jbiddel il-​mod kif jaħsbu n-​nies u jqanqalhom ikebbsu l-​imħabba tagħhom għal xulxin. (Rumani 12:2; Filippin 1:9) Għalhekk, kulmeta int u s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tpoġġu flimkien u bil-​kalma tikkunsidraw xi versi Bibliċi, bħall-​iskrittura tal-​jum, jew artiklu bbażat fuq il-​Bibbja fit-​Torri taʼ l-​Għassa jew Stenbaħ! li għandu x’jaqsam maż-​żwieġ, qisuh bħallikieku qed teżaminaw tiżjin mill-​isbaħ li jistaʼ jsebbaħ lil darkom. Meta l-​imħabba għal Ġeħova tqanqalkom biex tapplikaw fiż-​żwieġ tagħkom il-​parir li tkunu għadkom kif eżaminajtu, tkunu qed iġġibu dak it-​tiżjin fil-​“kmamar taʼ ġewwa,” biex ngħidu hekk. Minħabba f’hekk, ftit mill-​kulur u l-​imħabba li darba gawdejtu fiż-​żwieġ tagħkom jistaʼ jerġaʼ jinkiseb.

      22. Liema sodisfazzjon jistaʼ jkollna jekk nistinkaw biex nagħtu sehemna biex insaħħu ż-​żwieġ tagħna?

      22 Huwa minnu li jistaʼ jieħu ammont taʼ ħin u sforz biex tpoġġu dak it-​tiżjin lura f’postu wieħed wara l-​ieħor. Però, jekk tistinka biex tagħti sehmek, se jkollok is-​sodisfazzjon profond taʼ li tkun taf li qed tobdi l-​kmand Bibliku: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rumani 12:10; Salm 147:11) Fuq kollox, l-​isforzi ħerqanin li tagħmel biex tonora ż-​żwieġ tiegħek se jżommuk fl-​imħabba t’Alla.

      [Nota taʼ taħt]

      a Il-kuntest juri li t-​twissija taʼ Pawlu dwar iż-​żwieġ hija parti minn sensiela taʼ twissijiet.—Ebrej 13:1-5.

      [Kaxxa/Stampa f’paġna 131]

      KIF NISTAʼ NTEJJEB IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦI?

      Prinċipju: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; mill-​banda l-​oħra, il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”—Efesin 5:33.

      Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

      ▪ X’inhuma l-​kwalitajiet tajbin tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tiegħi, u kif nistaʼ nesprimi apprezzament għalih jew għaliha?—Proverbji 14:1; 31:29; 1 Pietru 3:1, 6; 4:8.

      ▪ Nonora lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi billi nipprova nifhem il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħha?—Filippin 2:4.

      ▪ Lest li ma niffokax fuq in-​nuqqasijiet tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tiegħi?—Mattew 6:14, 15.

      ▪ Ilni ma nesprimi l-​affezzjoni tiegħi għas-​sieħeb jew għas-​sieħba tiegħi?—L-​Għanja taʼ Salamun 2:9-14.

      ▪ Lejn liema miri spiritwali qed naħdmu?—Mattew 6:33, 34; 1 Korintin 9:24-27.

      ▪ X’nistaʼ nagħmel biex ninkuraġġixxi lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħi biex naqraw il-​Bibbja u nikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum flimkien?

      [Stampa f’paġna 122]

      Ladarba jiġi applikat, l-​għarfien Bibliku għandu l-​qawwa li jsaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja