-
X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
-
-
KAPITLU 13
X’Nistaʼ Nagħmel Biex Ma Nibqax Inħoss Dawn id-Dwejjaq Kollha?
“Kull meta sħabi ma jkunux jistgħu jkampaw mal-problemi tagħhom, inkun hemm għalihom biex ngħinhom isolvuhom u jħossuhom aħjar. Iżda mbagħad—u din ftit nies jafu biha—immur id-dar f’kamarti u ninfexx nibki.”—Kellie.
“Meta jkolli d-dwejjaq, ninqata’ għalija waħdi. Jekk niġi mistieden xi mkien, nivvinta xi skuża biex ma mmurx. Lill-membri tal-familja tiegħi jirnexxili naħbilhom id-dwejjaq li jkolli. Huma jaħsbu li nkun qed inħossni tajjeb.”—Rick.
QATT ħassejtek bħal Kellie jew bħal Rick? Jekk iva, taqbadx u tikkonkludi li hemm xi ħaġa ħażina fik. Il-fatt hu li kulħadd iħossu mdejjaq xi darba jew oħra. Anki rġiel u nisa leali tal-Bibbja ħassewhom hekk.—1 Samwel 1:6-8; Salm 35:14.
F’xi każi, għandek mnejn tkun taf għala qed tħossok imdejjaq; f’każi oħrajn, forsi ma tkunx taf. “M’hemmx għalfejn tkun f’xi sitwazzjoni kerha biex tħossok imdejjaq,” tgħid Anna, li għandha 19-il sena. “Jistgħu jaqbduk id-dwejjaq fi kwalunkwe ħin, anke jekk ħajtek tkun ħielsa mill-problemi. Tinstemaʼ stramba, imma dik hi r-realtà!”
Ikun xi jkun il-kaġun—jew anki jekk ikun jidher li m’hemmx kaġun—x’tistaʼ tagħmel int meta jaħkmuk id-dwejjaq? Ipprova dan li ġej:
1. Tkellem. Meta Ġob kien għaddej minn ħafna inkwiet, hu qal: “Nitkellem fl-imrar taʼ ruħi!”—Ġob 10:1.
Kellie: “Is-serħan li nħoss wara li nkun tkellimt maʼ xi ħadd huwa tal-għaġeb. Fl-aħħar, xi ħadd ikun jaf minn xiex għaddejja. Ikun bħallikieku qed iwaddbuli ħabel biex nitlaʼ minn ġo ħofra u fl-aħħar inkun ħielsa!”
Suġġeriment: Hawn taħt, ikteb l-isem taʼ ħabib jew ħabiba maʼ min tistaʼ tiftaħ qalbek meta jaħkmuk id-dwejjaq.
․․․․․
2. Ikteb. Meta d-dwejjaq iċajprulek il-ħarsa tiegħek lejn il-ħajja, għandek mnejn tkun trid tniżżel il-ħsibijiet tiegħek bil-miktub. Fis-salmi ispirati tiegħu, David xi drabi esprima dwejjaq kbar. (Salm 6:6) Meta tikteb dwar dawn is-sentimenti tistaʼ tiġi megħjun biex ‘tħares l-għaqal u l-abbiltà li taħseb.’—Proverbji 3:21.
Heather: “Meta nikteb inkun qed niġi megħjuna nirranġa l-ħsibijiet kollha li jkolli fuq moħħi u li jiġu minħabba d-dwejjaq. Meta tkun tistaʼ tesprimi s-sentimenti tiegħek u tifhem għala tkun qed tħossok hekk, id-dwejjaq ma jkunux daqshekk kbar.”
Suġġeriment: Uża ċ-ċart f’paġna 93 biex tgħinek taħseb f’modi aħjar kif tkampa f’sitwazzjonijiet taʼ prova. Dan se jgħinek ittaffi d-dwejjaq tiegħek.
3. Itlob. Il-Bibbja tgħid li jekk titlob dwar dak li jinkwetak, ‘il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali tiegħek.’—Filippin 4:6, 7.
Esther: “Kont qed nipprova nifhem għala kont inħossni daqshekk imdejqa, iżda ma stajtx nifhem. Tlabt lil Ġeħova jgħinni biex inkun ferħana. Kont xbajt inħossni mdejqa meta ma kellix raġuni għal xiex nagħmel id-dwejjaq. Fl-aħħar ma bqajtx inħossni mdejqa. Qatt taħseb li t-talb m’għandux biżżejjed qawwa!”
Suġġeriment: Uża Salm 139:23, 24 bħala mudell għat-talb persunali tiegħek lil Ġeħova. Iftaħ qalbek miegħu u itolbu jgħinek tagħraf x’inhu l-kaġun tad-dwejjaq li tkun qed tħoss.
Flimkien mas-suġġerimenti t’hawn fuq, int għandek sors taʼ valur fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Imla moħħok bi ħsibijiet li jibnu u li jistgħu jinstabu fir-rakkonti tal-Bibbja. Dan jistaʼ jirriżulta f’effett pożittiv fuq is-sentimenti tiegħek. (Salm 1:1-3) F’kull volum taʼ dan il-ktieb, fil-paġni bit-titlu “Eżempju taʼ Min Jimitah,” tistaʼ ssib suġġerimenti biex taqra l-Bibbja b’mod li jibnik. F’paġna 227 taʼ Volume 2 se tara wkoll kif l-appostlu Pawlu rnexxielu jkampa maʼ sentimenti negattivi li kultant kien jesperjenza minħabba l-imperfezzjonijiet tiegħu.
Meta Tibqaʼ Tħoss id-Dwejjaq
Ryan jgħid: “Xi drabi filgħodu nħoss li jkun iktar faċli kieku sempliċement nibqaʼ fis-sodda u nevita li jkolli nqum u niffaċċja ġurnata oħra bla sens.” Ryan ibati minn dipressjoni klinika, u hemm ħafna nies bħalu. L-istudji juru li bejn wieħed u ieħor, żagħżugħ minn kull erbgħa jbati minn xi forma taʼ dipressjoni qabel ma jsir adult.
Kif tistaʼ ssir taf jekk int tbatix mid-dipressjoni? Xi sintomi jinkludu tibdil sinifikanti fil-burdata u fil-kondotta, iżolament min-nies, inqas interess fi kważi kull attività, bidla sinifikanti fid-drawwiet tal-ikel u tal-irqad, u sentimenti qawwijin taʼ ħtija żejda jew tħossok li ma tiswa għal xejn.
M’għandniex xi ngħidu, xi darba jew oħra kważi kulħadd iħoss xi waħda jew iktar minn dawn is-sintomi. Iżda jekk is-sintomi jippersistu għal iktar minn ftit ġimgħat, għala ma titkellimx mal-ġenituri tiegħek dwar li tagħmel vista għand tabib? Tabib jistaʼ jara jekk id-dwejjaq tiegħek ikunux kaġunati minn xi ħaġa medika.a
Jekk tbati minn dipressjoni klinika, m’għandekx għalfejn tistħi. Permezz tal-kura, ħafna wħud li jbatu bid-dipressjoni bdew iħossuhom aħjar—u forsi kien ilhom żmien twil ma jħossuhom daqshekk tajjeb! Sew jekk id-dwejjaq tiegħek ikunu kaġunati mid-dipressjoni, u sew jekk le, ftakar fil-kliem taʼ faraġ li nsibu f’Salm 34:18 li jgħid: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”
Xi ngħidu jekk id-dwejjaq li tħoss ikunu tant kbar li kkunsidrajt li ttemm ħajtek b’idejk?
[Nota ta’ taħt]
a Meta jibqgħu jħossuhom imdejqin għal żmien twil, xi żgħażagħ jibdew jikkunsidraw li jtemmu ħajjithom b’idejhom. Jekk għaddielek dan il-ħsieb minn moħħok, tkellem minnufih maʼ xi adult li tistaʼ tafdah.—Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 14 taʼ dan il-ktieb.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.”—Salm 34:18.
SUĠĠERIMENT
Iddeskrivi kif tħossok meta jkollok id-dwejjaq u x’taħseb li jkun il-kaġun tad-dwejjaq tiegħek. Xahar wara, aqra dak li tkun ktibt. Is-sentimenti tiegħek fuq din il-kwistjoni nbidlu? Jekk iva, ikteb x’kien t’għajnuna għalik.
KONT TAf . . . ?
Mhijiex xi ħaġa tal-mistħija li tibki, anke jekk int ġuvni. Darba minnhom, is-Sultan David ammetta: “Friexi mxarrab għasra l-lejl kollu; soddti tegħreq fid-dmugħ.”—Salm 6:6.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Sabiex inħossni aħjar, jien nistaʼ nieħu sehem f’dawn l-attivitajiet: ․․․․․
Is-sħubija maʼ dawn il-ħbieb se tgħinni ntaffi d-dwejjaq: ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● X’benefiċċji hemm meta tibki?
● Is-sħubija man-nies, kif tistaʼ tgħinek tkampa mad-dwejjaq?
[Kumment f’paġna 96]
Meta nħossni mdejqa, ikolli bżonn nevita li ninqata’ għalija waħdi. Jistaʼ jkun li jkolli bżonn noqgħod waħdi biex nipprova nifhem is-sentimenti tiegħi u nimmedita fuqhom, u forsi nibki xi bikja tajba. Iżda wara li nagħmel hekk, inkun naf li jkolli bżonn nassoċja man-nies biex naljena rasi minn kulma jkun qed jagħmilli d-dwejjaq.’’—Christine
[Tabella/Stampi f’paġna 93]
Eżerċizzju
Sabiex Ittaffi d-Dwejjaq Tiegħek
Imla ċ-ċart
Sitwazzjoni
Għalliem(a) jġegħelni nħossni li ma niswa għal xejn
Reazzjoni ħażina
Naqtaʼ qalbi nipprova ngħaddi minn dan is-suġġett
Reazzjoni aħjar
Ħjiel: Ara Kapitlu 20 taʼ dan il-ktieb
Sitwazzjoni
Ħabib(a) qed jinjorani
Reazzjoni ħażina
Inxerred qlajjiet koroh dwar il-persuna
Reazzjoni aħjar
Ħjiel: Ara Kapitlu 10 taʼ Volume 2
Sitwazzjoni
Il-ġenituri tiegħi se jiddivorzjaw
Reazzjoni ħażina
Niħodha kontra ommi jew missieri jew it-tnejn li huma
Reazzjoni aħjar
Ħjiel: Ara Kapitlu 4 taʼ dan il-ktieb
Sitwazzjoni
․․․․․
Reazzjoni ħażina
․․․․․
Reazzjoni aħjar
․․․․․
Sitwazzjoni
․․․․․
Reazzjoni ħażina
․․․․․
Reazzjoni aħjar
․․․․․
[Stampa f’paġna 95]
Bl-għajnuna u bi sforz, int tistaʼ toħroġ minn ħofra fonda u mudlama taʼ dwejjaq
-
-
Għala M’Għandix Naqbad u Ntemm Ħajti b’Idejja?Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
-
-
KAPITLU 14
Għala M’Għandix Naqbad u Ntemm Ħajti b’Idejja?
“AĦJAR immut milli ngħix.” Min qalu dan il-kliem? Xi ħadd li ma kienx jemmen b’Alla? Xi ħadd li kien telaq lil Alla? Xi ħadd li kien telqu Alla? L-ebda wieħed minn dawn. Dan il-kliem intqal minn Ġona, raġel devot imma inkwetat għall-aħħar.—Ġona 4:3.
Il-Bibbja ma tgħidx li Ġona kien se jtemm ħajtu b’idejh. Minkejja dan, it-talb tiegħu taʼ disprament juri fatt li fih x’tomgħod—kultant anki qaddej t’Alla jistaʼ jinħakem minn ħsibijiet inkwetanti.—Salm 34:19.
Xi żgħażagħ tant iħossuhom iddisprati li ma jaraw ebda raġuni għala għandhom jibqgħu jgħixu. Jistaʼ jkun li jħossuhom bħalma ħassitha Laura, li għandha 16-il sena. Hi tgħid: “Ilni snin sħaħ għaddejja minn perijodu taʼ dipressjoni wara ieħor. Spiss jgħaddili minn moħħi li ntemm ħajti b’idejja.” Jekk taf lil xi ħadd li jixtieq itemm ħajtu—jew jekk int stess għaddielek dan il-ħsieb minn moħħok—x’tistaʼ tagħmel? Ejja neżaminaw iktar fid-dettall għala jistaʼ jgħaddilek ħsieb bħal dan minn moħħok.
Dak li Hemm Wara d-Disperazzjoni
Individwu għala għandu mnejn jikkunsidra li jtemm ħajtu b’idejh? Jistgħu jkunu involuti bosta fatturi. L-ewwel nett, aħna ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u ħafna adoloxxenti jħossuhom effettwati ferm mill-pressjonijiet u mill-istress tal-ħajja. (2 Timotju 3:1) Imbagħad, hemm ukoll l-imperfezzjoni tal-bniedem li tistaʼ ġġiegħel lil xi wħud joqogħdu jberrnu fuq ħsibijiet negattivi ferm dwarhom infushom u dwar id-dinja taʼ madwarhom. (Rumani 7:22-24) Xi drabi dan jiġri minħabba li jkunu ġew trattati ħażin. F’każi oħrajn, jistaʼ jkun hemm problema medika involuta. Taʼ min jinnota li f’pajjiż wieħed ġie kalkulat li iktar minn 90 fil-mija minn dawk li temmew ħajjithom b’idejhom kienu qed isofru minn xi tip taʼ mard mentali.a
M’għandniex xi ngħidu, ħadd mhu ħieles għalkollox mill-problemi. Tabilħaqq, il-Bibbja tgħid li “l-ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-uġigħ flimkien.” (Rumani 8:22) Dan jinkludi liż-żgħażagħ. Infatti, iż-żgħażagħ jistgħu jiġu effettwati immens minħabba ġrajjiet negattivi, bħalma huma dawn:
● Il-mewt taʼ xi qarib jew ħabib
● In-nuqqas taʼ ftehim fil-familja
● Il-falliment fl-iskola
● Il-tmiem taʼ relazzjoni romantika
● It-trattament ħażin (inkluż abbuż fiżiku jew sesswali)
Huwa minnu li xi darba jew oħra kważi ż-żgħażagħ kollha jiltaqgħu maʼ waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet li għadna kif semmejna. Xi wħud għala jkunu kapaċi jkampaw iktar minn oħrajn f’dawn is-sitwazzjonijiet? Xi esperti jgħidu li ż-żgħażagħ li jkunu jridu jieqfu jissieltu mal-ħajja jħossu li m’hemm ħadd li jistaʼ jgħinhom u li m’hemm l-ebda soluzzjoni għall-problemi tagħhom. Fi kliem ieħor, żgħażagħ bħal dawn ma jaraw ebda xaqq taʼ dawl. Fir-realtà, huma ma jkunux iridu jmutu. Huma sempliċement ikunu jridu li jsibu serħan mill-uġigħ taʼ qalb.
Bla Tama?
Forsi taf b’xi individwu li jrid itemm l-uġigħ taʼ qalb—tant li esprima x-xewqa li jmut. F’każ bħal dan, int x’tistaʼ tagħmel?
Jekk għandek xi ħabib jew ħabiba li tant hi mnikkta li tkun trid tmut, ħeġġiġha biex tikseb l-għajnuna. Imbagħad, kellem lil xi adult responsabbli, avolja l-ħabib jew ħabiba tiegħek ma tħossx li int għandek tagħmel dan. Toqgħodx tinkwieta li se tkisser il-ħbiberija tagħkom. Jekk tirrapporta l-kwistjoni, tistaʼ ssalva l-ħajja taʼ dan il-ħabib jew ħabiba tiegħek!
Imma xi ngħidu jekk int stess kellek il-ħsieb li ttemm ħajtek b’idejk? Tiġmax kollox ġo fik. Tkellem maʼ xi ħadd—xi ħadd mill-ġenituri tiegħek, xi ħabib, jew xi ħadd ieħor li juri interess fik u li se jagħtik widen u jieħdok bis-serjetà meta tiftaħ qalbek miegħu. Se jiswielek taʼ ġid, u mhux taʼ deni, li titkellem maʼ xi ħadd ieħor dwar il-problemi tiegħek.b
M’għandniex xi ngħidu, li titkellem dwar il-problemi tiegħek ma jfissirx li se jisparixxu. Imma l-appoġġ taʼ xi ħadd li tistaʼ tafdah jistaʼ jkun proprju dak li jkollok bżonn sabiex ikollok ħarsa realistika lejn is-sitwazzjoni. Dan l-appoġġ jistaʼ jgħinek ukoll issib xi soluzzjonijiet prattiċi.
Iċ-Ċirkustanzi Jinbidlu
Meta tkun għaddej minn xi tbatija, ftakar dan: Tkun kemm tkun tidher li hi bla tama s-sitwazzjoni, maż-żmien l-affarijiet jinbidlu. Darba minnhom, is-salmista David, li għadda minn ħafna żminijiet ebsin, setaʼ jgħid lil Alla fit-talb: “Int biddiltli n-niket tiegħi fi żfin.”—Salm 30:11.
David żgur ma kienx qed jistenna li ż-żfin, jew iż-żmien favorevoli, se jibqaʼ għal dejjem. Mill-esperjenza, David kien jaf li l-problemi tal-ħajja jiġu u jmorru. Innotajt jekk dan huwiex minnu fil-ħajja tiegħek? Ftit mill-problemi li jkollok jistgħu jidhru kbar wisq—għall-inqas għalissa. Imma ħu paċenzja. L-affarijiet jinbidlu, u spiss għall-aħjar. F’ċerti każi, il-problemi jittaffew b’modi li lanqas biss timmaġina. F’każi oħrajn, għandek mnejn tiskopri mod kif tkampa li lanqas biss tkun ħsibt dwaru. Il-punt hu li l-problemi inkwetanti mhumiex se jibqgħu l-istess għal dejjem.—2 Korintin 4:17.
Il-Valur tat-Talb
L-iktar mezz importanti taʼ komunikazzjoni li jistaʼ jkollok hu t-talb. Int tistaʼ titlob bħalma talab David: “Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi. Eżaminani, u sir af il-ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija triq mimlija wġigħ, u mexxini fit-triq dejjiema.”—Salm 139:23, 24.
It-talb mhuwiex sempliċement mezz kif inkampaw mal-problemi. Huwa komunikazzjoni reali maʼ Missierek tas-sema li jridek ‘tferraʼ qalbek quddiemu.’ (Salm 62:8) Ikkunsidra dawn il-veritajiet bażiċi dwar Alla:
● Hu jaf tajjeb iċ-ċirkustanzi li jkunu parti mill-kaġun tal-inkwiet tiegħek.—Salm 103:14.
● Hu jafek iktar milli taf lilek innifsek.—1 Ġwanni 3:20.
● ‘Hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.
● Fid-dinja l-ġdida tiegħu, Alla se ‘jixxottalek kull demgħa minn għajnejk.’—Rivelazzjoni 21:4.
Meta l-Problema Tkun Konnessa mas-Saħħa
Bħalma ssemma qabel, meta individwu jħoss li jkun irid jikkommetti suwiċidju, spiss dan jiġri minħabba li jkollu xi tip taʼ mard. Jekk dan hu minnu fil-każ tiegħek, toqgħodx tistħi tfittex l-għajnuna. Ġesù rrikonoxxa l-fatt li l-morda għandhom bżonn tabib. (Mattew 9:12) L-aħbar tajba hi li teżisti kura għal ħafna mard. U l-kura tistaʼ tgħinek tħossok ħafna aħjar!c
Il-Bibbja toffri wegħda verament taʼ faraġ—li fid-dinja l-ġdida t’Alla, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Alla jgħid li f’dak iż-żmien, “l-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.” (Isaija 65:17) Sadanittant, agħmel l-almu tiegħek biex tkampa mal-isfidi tal-ħajja, b’fiduċja li fiż-żmien imwaqqat t’Alla se tintemm id-dipressjoni, u b’hekk tkun xi ħaġa tal-passat.—Rivelazzjoni 21:1-4.
AQRA IKTAR DWAR DAN IS-SUĠĠETT F’KAPITLU 9 TAʼ VOLUME 2
Il-ġenituri tiegħek iridu jkunu jafu kollox dwar ħajtek—saħansitra xi affarijiet li tkun tixtieq iżżomm għalik innifsek. Tistaʼ qatt tirbaħ il-battalja għal ftit privatezza?
[Noti ta’ taħt]
a Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li l-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ li jkollhom mard mentali ma jikkommettux suwiċidju.
b Kristjani li jkunu mnikktin għandhom għajnuna oħra—l-anzjani tal-kongregazzjoni.—Ġakbu 5:14, 15.
c Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 13 taʼ dan il-ktieb.
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.”—Filippin 4:6, 7.
SUĠĠERIMENT
Meta tħossok dipress, mur imxi mixja. L-arja taʼ barra u l-eżerċizzju jistgħu jikkalmawk u jġegħluk tħossok tajjeb.
KONT TAF . . . ?
Il-vittmi tas-suwiċidju mhumiex biss dawk li jtemmu ħajjithom b’idejhom iżda wkoll l-uħud għeżież li jħallu warajhom.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Jekk inħossni ma niswa għal xejn u mhux maħbub(a), jien se nfittex l-għajnuna taʼ (ikteb l-isem tal-persuna f’min tistaʼ tafda) ․․․․․
Barka waħda f’ħajti li tiġini f’moħħi u li napprezza hi ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Anki problemi li jkunu kbar huma biss temporanji. Kif tistaʼ tiġi megħjun meta toqgħod taħseb fuq dan il-fatt?
● Is-suwiċidju b’liema mod jitfaʼ l-problemi taʼ persuna fuq xi ħadd ieħor?
[Kumment f’paġna 104]
“Kultant, id-dipressjoni li kelli tant kienet tkun qawwija li kulma xtaqt kien li mmut, imma issa qed nerġaʼ ngħix ħajja normali, grazzi għat-talb bla heda u għall-kura li ngħatajt.”—Heidi
[Kaxxa f’paġna 100]
Jekk Tħossok Imnikket għall-Aħħar
Anki xi rġiel u nisa leali fil-Bibbja kultant kienu jħossuhom imnikktin għall-aħħar minħabba l-ansjetajiet tal-ħajja. Ikkunsidra xi eżempji.
Rebekka: “Jekk inhu hekk, għalfejn qed ngħix?”—Ġenesi 25:22.
Mosè: “Jekk jogħġbok, oqtolni għalkollox, . . . u tħallinix nara l-gwaj tiegħi.”—Numri 11:15.
Elija: “O Ġeħova, ħudli ruħi, għax m’iniex aħjar minn missirijieti.”—1 Slaten 19:4.
Ġob: “O li fil-Qabar kont taħbini, . . . li kont tistabbilixxi limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!”—Ġob 14:13.
F’kull wieħed minn dawn il-każi, is-sitwazzjoni fl-aħħar inbidlet għall-aħjar—u b’mod li l-individwu li kien qed ibati ma kienx qed jistenna. Kun żgur li dan jistaʼ jkun minnu anki fil-każ tiegħek!
[Stampa f’paġna 102]
Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi—is-sentimenti taʼ disperazzjoni maż-żmien jgħaddu
-