LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • L-Anzjani Kif Jgħinu lill-Kongregazzjoni?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 15

      L-​Anzjani Kif Jgħinu lill-​Kongregazzjoni?

      Anzjan qed jitkellem maʼ membri tal-kongregazzjoni

      Il-Finlandja

      Anzjan jgħallem fil-kongregazzjoni

      Tagħlim

      Anzjani jinkuraġġixxu membri tal-kongregazzjoni

      Indokrar

      Anzjan fil-ministeru pubbliku

      Għoti taʼ xhieda

      L-​organizzazzjoni tagħna m’għandhiex kleru li jitħallas. Minflok, bħalma ġara meta bdiet il-​kongregazzjoni Kristjana, indokraturi kwalifikati jiġu maħturin ‘biex jirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28) Dawn l-​anzjani huma rġiel maturi spiritwalment li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni u jirgħu, ‘mhux bilfors, imma minn jeddhom; mhux għall-​imħabba tal-​qligħ diżonest, imma bil-​ħerqa.’ (1 Pietru 5:1-​3) Liema xogħol jagħmlu għall-​ġid tagħna?

      Huma jieħdu ħsiebna u jipproteġuna. L-​anzjani jiggwidaw u jgħinu biex jipproteġu lill-​kongregazzjoni spiritwalment. Minħabba li huma konxji li Alla fdahom b’dan l-​irwol importanti, l-​anzjani ma jiddominawx lin-​nies tiegħu, imma minflok, jgħinuna nkunu kuntenti u ferħanin. (2 Korintin 1:24) Bħalma ragħaj jieħu ħsieb b’mod diliġenti kull waħda min-​nagħaġ tiegħu, l-​anzjani jipprovaw isiru jafu lil kull membru tal-​kongregazzjoni individwalment.—Proverbji 27:23.

      Jgħallmuna kif nagħmlu r-​rieda t’Alla. Kull ġimgħa, l-​anzjani jmexxu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni biex isaħħulna l-​fidi tagħna. (Atti 15:32) Dawn l-​irġiel devoti jieħdu t-​tmexxija wkoll fl-​attività tal-​evanġelizzar, billi jaħdmu magħna u jħarrġuna f’kull aspett tal-​ministeru.

      Jinkuraġġuna personalment. Sabiex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tagħna b’mod individwali, l-​anzjani lokali tagħna jistgħu jżuruna fid-​dar tagħna jew fis-​Sala tas-​Saltna biex joffru għajnuna u faraġ mill-​Iskrittura.—Ġakbu 5:14, 15.

      Apparti x-​xogħol tagħhom fil-​kongregazzjoni, il-​maġġoranza tal-​anzjani għandhom ukoll xogħol sekulari u responsabbiltajiet tal-​familja li jeħtieġu l-​ħin u l-​attenzjoni tagħhom. Dawn l-​aħwa rġiel li jaħdmu tant iebes jistħoqqilhom ir-​rispett tagħna.—1 Tessalonikin 5:12, 13.

      • X’inhu l-​irwol tal-​anzjani tal-​kongregazzjoni?

      • L-​anzjani b’liema modi juru interess personali fina?

      SIR AF IKTAR

      Min jikkwalifika biex jaqdi? Int tistaʼ taqra l-​kwalifiki Skritturali għall-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali fl-​1 Timotju 3:1-​10, 12, u Titu 1:5-​9.

  • X’Inhu l-Irwol tal-Qaddejja Ministerjali?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 16

      X’Inhu l-​Irwol tal-​Qaddejja Ministerjali?

      Qaddej ministerjali qed jgħin fit-tqassim tal-letteratura

      Il-Mjanmar

      Qaddej ministerjali jagħti taħdita spiritwali

      Sehem fil-laqgħa

      Qaddej ministerjali jikkonduċi laqgħa

      Grupp tas-servizz

      Qaddej ministerjali jgħin fil-manutenzjoni taʼ Sala tas-Saltna

      Manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna

      Il-​Bibbja tiddeskrivi żewġ gruppi taʼ rġiel Kristjani li jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni—“l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali.” (Filippin 1:1) Normalment, f’kull kongregazzjoni jkun hemm diversi qaddejja ministerjali u anzjani. Liema xogħol jagħmlu l-​qaddejja ministerjali għall-​ġid tagħna?

      Jgħinu lill-​ġemgħa tal-​anzjani. Il-​qaddejja ministerjali għandhom relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova, u huma rġiel taʼ min joqgħod fuqhom u kuxjenzjużi, xi wħud żgħar u oħrajn kbar. Huma jieħdu ħsieb xogħlijiet importanti imma spiss taʼ rutina li huma relatati mal-​kongregazzjoni u s-​Sala tas-​Saltna iżda li ma jinvolvux tagħlim u indokrar. Dan jippermetti lill-​anzjani biex jiffokaw fuq ir-​responsabbiltajiet taʼ li jgħallmu u jirgħu.

      Jagħmlu xogħol prattiku. Xi qaddejja ministerjali huma inkarigati bħala attendants biex jagħtu merħba lil kull min jiġi l-​laqgħa. Oħrajn jieħdu ħsieb is-​sawnd, it-​tqassim tal-​letteratura, il-​kontijiet tal-​kongregazzjoni, u t-​tqassim tat-​territorju lill-​membri tal-​kongregazzjoni għal għoti taʼ xhieda. Huma jgħinu wkoll fil-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna. L-​anzjani jistgħu jitolbuhom jgħinu lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien. Huma lesti li jagħmlu kull biċċa xogħol mogħtija lilhom, u l-​kongregazzjoni tirrispettahom għax-​xogħol iebes tagħhom u għall-​attitudni xierqa li għandhom.—1 Timotju 3:13.

      Jagħtu eżempju tajjeb bħala rġiel Kristjani. Il-​qaddejja ministerjali jintgħażlu minħabba li jkollhom kwalitajiet spiritwali mill-​aħjar. Meta jkollhom sehem fil-​laqgħat, isaħħulna l-​fidi. Billi jieħdu t-​tmexxija fl-​attività tal-​ippritkar, huma jħeġġuna biex inkunu iktar żelużi. Minħabba l-​ispirtu taʼ kooperazzjoni tagħhom, jippromwovu ferħ u għaqda. (Efesin 4:16) Maż-​żmien, huma wkoll għandhom mnejn jikkwalifikaw biex jaqdu bħala anzjani.

      • X’tip taʼ rġiel huma l-​qaddejja ministerjali?

      • Il-​qaddejja kif jgħinu biex il-​kongregazzjoni timxi ħarir?

      SIR AF IKTAR

      Kull darba li tmur is-​Sala tas-​Saltna, ħu ftit tal-​ħin biex issir taf wieħed mill-​anzjani jew mill-​qaddejja ministerjali sakemm issir tafhom kollha flimkien mal-​familja tagħhom.

  • L-Indokraturi li Jżuru l-Kongregazzjonijiet Kif Jgħinuna?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 17

      L-​Indokraturi li Jżuru l-​Kongregazzjonijiet Kif Jgħinuna?

      Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u martu

      Il-Malawi

      Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jikkonduċi laqgħa tas-servizz

      Grupp tas-servizz

      Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-ministeru pubbliku

      Ministeru tal-għalqa

      Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet f’laqgħa mal-anzjani tal-kongregazzjoni

      Laqgħa tal-anzjani

      L-​Iskrittura Griega Kristjana spiss issemmi lil Barnaba u lill-​appostlu Pawlu. Dawn l-​irġiel qdew bħala indokraturi li jivvjaġġaw. Huma kienu jżuru l-​kongregazzjonijiet tal-​bidu. Għala? B’mod ġenwin kien jinteressahom mill-​benesseri taʼ ħuthom spiritwali. Pawlu qal li ried ‘imur lura u jżur lill-​aħwa’ biex jara kif jinsabu. Hu kien lest li jivvjaġġa mijiet taʼ kilometri sabiex imur isaħħaħhom. (Atti 15:36) Din hi x-​xewqa li għandhom l-​indokraturi li jivvjaġġaw tagħna llum.

      Jiġu biex jinkuraġġuna. Bejn wieħed u ieħor, kull indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet iżur 20 kongregazzjoni. Darbtejn fis-​sena, hu jqattaʼ ġimgħa maʼ kull waħda minnhom. Nistgħu nibbenefikaw bil-​kbir mill-​esperjenza taʼ dawn l-​aħwa u jekk huma miżżewġin, minn tan-​nisa tagħhom. Huma jagħmlu l-​almu tagħhom biex isiru jafu kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar, u huma ħerqanin biex jakkumpanjawna fil-​ministeru tal-​għalqa u waqt l-​istudji tagħna tal-​Bibbja. Dawn l-​indokraturi jagħmlu żjajjar pastorali mal-​anzjani, u biex isaħħuna, jagħtu taħditiet inkuraġġanti matul il-​laqgħat u l-​assembleat.—Atti 15:35.

      Jinteressaw ruħhom f’kulħadd. L-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet huma tassew interessati fil-​kundizzjoni spiritwali tal-​kongregazzjonijiet. Huma jiltaqgħu mal-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali biex jirrivedu l-​progress li jkun sar u biex jagħtuhom pariri prattiċi dwar kif għandhom jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom. Huma jgħinu lill-​pijunieri biex ikollhom suċċess fil-​ministeru tagħhom, u jieħdu pjaċir isiru jafu lil dawk li bdew jassoċjaw magħna u jisimgħu bil-​progress spiritwali tagħhom. Kull wieħed minn dawn l-​irġiel jagħti minnu nnifsu bħala ‘ħaddiem magħna għall-​interessi tagħna.’ (2 Korintin 8:23) Għandna nimitaw il-​fidi tagħhom f’Alla u d-​devozzjoni tagħhom lejh.—Ebrej 13:7.

      • L-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet għala jagħmlu dan ix-​xogħol?

      • Kif tistaʼ tibbenefika miż-​żjajjar tagħhom?

      SIR AF IKTAR

      Immarka fuq il-kalendarju tiegħek id-dati taż-żjara li jmiss tal-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet ħalli ma titlifx it-taħditiet tiegħu fis-Sala tas-Saltna. Tkellem mal-għalliem tiegħek jekk tixtieq li l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jew martu tattendi l-istudju tiegħek tal-Bibbja matul dik il-ġimgħa, biex b’hekk tkun tistaʼ ssir tafhom.

  • Kif Ngħinu lil Ħutna li Qed Ibatu?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 18

      Kif Ngħinu lil Ħutna li Qed Ibatu?

      Xhieda taʼ Ġeħova fir-Repubblika Dominikana jagħtu provvisti bħala għajnuna wara li seħħ diżastru

      Ir-Repubblika Dominikana

      Volontiera fix-xogħol taʼ għajnuna fid-diżastri qed jerġgħu jibnu Sala tas-Saltna fil-Ġappun

      Il-Ġappun

      Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jfarraġ lil xi ħadd wara diżastru fil-Ħaiti

      Il-Ħaiti

      Meta jseħħ diżastru, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova mill-​ewwel jibdew jaħdmu biex jgħinu lil ħuthom li huma effettwati. Sforzi bħal dawn juru kemm hi ġenwina l-​imħabba tagħna għal xulxin. (Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 3:17, 18) B’liema modi ngħinu?

      Nagħtu donazzjonijiet. Meta waqaʼ ġuħ kbir fil-​Lhudija, il-​Kristjani tal-​bidu f’Antjokja bagħtu l-​flus lil ħuthom spiritwali. (Atti 11:27-​30) B’mod simili, meta nsiru nafu li f’xi parti tad-​dinja ħutna qed jiffaċċjaw tbatija, nibagħtu donazzjonijiet permezz tal-​kongregazzjoni lokali tagħna biex tingħata għajnuna materjali lil dawk fi bżonn kbir.—2 Korintin 8:13-​15.

      Nagħtu għajnuna prattika. L-​anzjani li jkunu fil-​post tad-​diżastru jfittxu kull membru tal-​kongregazzjoni biex jagħmlu ċert li kulħadd instab u qiegħed f’post taʼ sigurtà. Kumitat għall-​għajnuna jistaʼ jieħu ħsieb li jkun hemm biżżejjed ikel, ilma tajjeb għax-​xorb, ħwejjeġ, kenn, u għajnuna medika. Ħafna Xhieda bis-​snajjaʼ meħtieġa joffru li jmorru bi spejjeż tagħhom biex jgħinu jew biex isewwu djar u Swali tas-​Saltna li ġarrbu l-​ħsara. L-​għaqda li ngawdu bħala organizzazzjoni u l-​esperjenza li akkwistajna f’li naħdmu flimkien jippermettulna nieħdu azzjoni malajr fi żmien il-​għawġ. Għalkemm ngħinu lil “min jiġi minna fil-​fidi,” meta jkun possibbli nagħtu daqqa t’id ukoll lil oħrajn, tkun xi tkun ir-​reliġjon tagħhom.—Galatin 6:10.

      Noffru appoġġ spiritwali u emozzjonali. Il-​vittmi taʼ diżastru b’mod speċjali jkollhom bżonn il-​faraġ. Fi żminijiet bħal dawn, aħna niksbu s-​saħħa mingħand Ġeħova, “l-​Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3, 4) Aħna nieħdu pjaċir naqsmu l-​wegħda tal-​Bibbja maʼ dawk f’disperazzjoni, billi naċċertawhom li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib fi tmiem it-​traġedji kollha li jġibu wġigħ u tbatija.—Rivelazzjoni 21:4.

      • Ix-​Xhieda għala huma kapaċi jaġixxu minnufih meta jseħħ xi diżastru?

      • X’faraġ spiritwali nistgħu naqsmu maʼ dawk li salvaw?

  • Min Hu l-Ilsir Leali u Għaqli?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 19

      Min Hu l-​Ilsir Leali u Għaqli?

      Ġesù qed ikellem lid-dixxipli tiegħu
      Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova tistudja pubblikazzjoni bbażata fuq il-Bibbja

      Ilkoll nibbenefikaw mill-ikel spiritwali tagħna

      Żewġ membri tal-ġemgħa li tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova

      Ftit qabel mewtu, Ġesù kellu konversazzjoni fil-​privat maʼ erbgħa mid-​dixxipli tiegħu—Pietru, Ġakbu, Ġwanni, u Indrì. Hekk kif Ġesù kien qed ibassar dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu fl-​aħħar jiem, hu qajjem mistoqsija importanti: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-​qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel fiż-​żmien xieraq?” (Mattew 24:3, 45; Marku 13:3, 4) Ġesù kien qed jaċċerta lid-​dixxipli tiegħu li bħala s-​‘sid’ tagħhom kien se jinkariga lil dawk li kienu se jipprovdu ikel spiritwali b’mod kontinwu għas-​segwaċi tiegħu matul iż-​żmien tal-​aħħar. Min kellu jagħmel parti minn dan l-​ilsir?

      Hu grupp żgħir taʼ segwaċi taʼ Ġesù midlukin bl-​ispritu. “L-​ilsir” hu l-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dan jagħti ikel spiritwali fil-​ħin lill-​aduraturi oħrajn taʼ Ġeħova. Aħna niddependu minn dan l-​ilsir leali sabiex ikompli jagħtina ‘s-​sehem tagħna taʼ l-​ikel fiż-​żmien xieraq.’—Luqa 12:42.

      Hu jieħu ħsieb id-​dar t’Alla. (1 Timotju 3:15) Ġesù ta l-​ilsir ir-​responsabbiltà kbira taʼ li jieħu ħsieb ix-​xogħol tal-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art—jimmaniġġa l-​assi materjali, jidderieġi l-​attività tal-​ippritkar, u jgħallimna permezz tal-​kongregazzjonijiet. B’hekk, sabiex jipprovdilna dak li għandna bżonn meta jkollna bżonnu, “l-​ilsir leali u għaqli” qed iqassam ikel spiritwali permezz tal-​pubblikazzjonijiet li nużaw fil-​ministeru tagħna, kif ukoll permezz tal-​programmi li jsiru fil-​laqgħat u fl-​assembleat tagħna.

      L-​ilsir hu leali lejn il-​veritajiet tal-​Bibbja u lejn l-​inkarigu tiegħu biex jipprietka l-​aħbar tajba, u hu għaqli bil-​mod kif jieħu ħsieb l-​interessi taʼ Kristu fuq l-​art. (Atti 10:42) Ġeħova qed ibierek dan ix-​xogħol b’żieda u b’abbundanza taʼ provvedimenti spiritwali.—Isaija 60:22; 65:13.

      • Min kien maħtur minn Ġesù biex jitmaʼ lid-​dixxipli tiegħu spiritwalment?

      • L-​ilsir b’liema modi hu leali u għaqli?

  • Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna Llum?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 20

      Kif Taħdem il-​Ġemgħa li Tiggverna llum?

      Il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu

      Il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu

      Kristjani tal-ewwel seklu qed jaqraw ittra mingħand il-ġemgħa li tiggverna

      Tinqara l-ittra tal-ġemgħa li tiggverna

      Fl-​ewwel seklu, grupp żgħir, “l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm,” qeda bħala ġemgħa li tiggverna biex jieħu deċiżjonijiet importanti f’isem il-​kongregazzjoni Kristjana midluka kollha. (Atti 15:2) Meta ħadu deċiżjoni unanima, kien minħabba li kienu ddiskutew x’tgħid l-​Iskrittura u segwew id-​direzzjoni tal-​ispirtu t’Alla. (Atti 15:25) Dan l-​eżempju qed jiġi użat illum.

      Qed tintuża minn Alla biex tagħmel ir-​rieda tiegħu. L-​irġiel midlukin li jaqdu fil-​Ġemgħa li Tiggverna għandhom interess kbir fil-​Kelma t’Alla u ħafna esperjenza rigward kif jittrattaw kwistjonijiet prattiċi u spiritwali. Kull ġimgħa jiltaqgħu biex jikkunsidraw il-​bżonnijiet tal-​aħwa madwar id-​dinja. Bħal fl-​ewwel seklu, istruzzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja huma provduti kemm permezz taʼ ittri kif ukoll permezz taʼ indokraturi li jivvjaġġaw u oħrajn. Dan jgħin lill-​poplu t’Alla biex jaħseb u jaġixxi bi ħsieb wieħed. (Atti 16:4, 5) Il-​Ġemgħa li Tiggverna tieħu ħsieb il-​preparazzjoni tal-​ikel spiritwali u l-​ħatriet taʼ rġiel għal pożizzjonijiet taʼ responsabbiltajiet. Ukoll, tinkuraġġixxi lil kulħadd biex jagħti prijorità lix-​xogħol tal-​ippritkar.

      Timxi skont id-​direzzjoni tal-​ispirtu t’Alla. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tfittex il-​gwida tas-​Sovran Universali, Ġeħova, u tal-​Kap tal-​kongregazzjoni, Ġesù. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:23) Il-​membri tagħha ma jqisux lilhom infushom bħala l-​mexxejja tal-​poplu t’Alla. Huma, flimkien mal-​Kristjani midlukin kollha, “jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf [Ġesù] kulfejn imur.” (Rivelazzjoni 14:4) Il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna japprezzaw ħafna meta nitolbu għalihom u għax-​xogħol tagħhom.

      • Fl-​ewwel seklu min kien fil-​ġemgħa li tiggverna?

      • Illum il-​Ġemgħa li Tiggverna kif tfittex id-​direzzjoni t’Alla?

      SIR AF IKTAR

      Aqra Atti 15:1-​35, u ara kif il-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu ddiskutiet u solviet dibattitu bl-​għajnuna tal-​Iskrittura u l-​ispirtu qaddis.

  • X’Inhi Betel?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 21

      X’Inhi Betel?

      Tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova jaħdmu fid-Dipartiment tal-Arti f’Betel

      Id-Dipartiment tal-Arti, l-Amerika

      Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jaħdem fl-istamperija taʼ Betel fil-Ġermanja

      Il-Ġermanja

      Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova taħsel il-ħwejjeġ fil-Kenja

      Il-Kenja

      Wejters ilestu l-imwejjed fil-kamra tal-ikel tal-Betel fil-Kolombja

      Il-Kolombja

      Betel huwa isem Ebrew li jfisser “Dar t’Alla.” (Ġenesi 28:17, 19, nota taʼ taħt) Dan l-​isem huwa adattat għall-​bini li x-​Xhieda taʼ Ġeħova għandhom madwar id-​dinja. Minn dan il-​bini jiġi mmexxi u appoġġat ix-​xogħol tal-​ippritkar. Il-​Ġemgħa li Tiggverna taqdi fil-​kwartieri ġenerali fl-​istat taʼ New York, l-​Amerika, u minn hemm tieħu ħsieb l-​attività tal-​uffiċċji tal-​fergħa f’ħafna pajjiżi. Bħala grupp, dawk li jaqdu f’dan il-​bini huma magħrufa bħala l-​familja taʼ Betel. Bħal familja, huma jgħixu u jaħdmu flimkien, jieklu flimkien, u jistudjaw il-​Bibbja flimkien f’unità.—Salm 133:1.

      Post uniku fejn il-​membri tal-​familja jagħtu minnhom infushom. F’kull Betel, hemm irġiel u nisa Kristjani li huma dedikati biex jagħmlu r-​rieda t’Alla u biex jaqdu l-​interessi tas-​Saltna full-​time. (Mattew 6:33) Ħadd minnhom ma jirċievi paga jew salarju, imma lkoll jingħataw kamra u ikel kif ukoll xi ħaġa żgħira tal-​flus biex tgħinhom fl-​ispejjeż li jkollhom. Kull min qiegħed f’Betel għandu inkarigu kemm jekk f’uffiċċju, fi kċina, jew f’kamra tal-​ikel. Xi wħud jaqdu fi stamperija jew f’post fejn jiġu legati l-​kotba, jew jagħmlu xogħol taʼ tindif, taʼ ħasil tal-​ħwejjeġ, taʼ manutenzjoni, jew xogħol ieħor.

      Post fejn isir ħafna xogħol li jappoġġa l-​ippritkar tas-​Saltna. L-​għan primarju taʼ kull Betel hu li l-​verità tal-​Bibbja tintgħamel disponibbli lil kemm jistaʼ jkun nies. Dan il-​browxer huwa eżempju taʼ dan. Inkiteb taħt il-​ħarsien tal-​Ġemgħa li Tiggverna, intbagħat elettronikament lil mijiet taʼ timijiet tat-​traduzzjoni madwar id-​dinja, ġie stampat b’makkinarju taʼ veloċità kbira f’diversi stamperiji taʼ Betel, u ntbagħat f’iktar minn 110,000 kongregazzjoni. Matul kull parti tal-​proċess, il-​familji taʼ Betel jipprovdu appoġġ importanti għall-​iktar xogħol importanti—l-​ippritkar tal-​aħbar tajba.—Marku 13:10.

      • Min jaqdi f’Betel, u x’għajnuna jingħata?

      • Liema xogħol urġenti huwa appoġġat mill-​attività taʼ kull Betel?

  • Xi Jsir f’Uffiċċju tal-Fergħa?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 22

      Xi Jsir f’Uffiċċju tal-​Fergħa?

      Grupp taʼ rġiel jorganizzaw ix-xogħol għall-fergħa tal-Gżejjer Solomon

      Il-Gżejjer Solomon

      Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova qed jaħdem fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Kanada

      Il-Kanada

      Trakkijiet biex tintbagħat il-letteratura

      L-Afrika t’Isfel

      Il-​membri tal-​familja Betel jaqdu f’diversi dipartimenti fejn jieħdu ħsieb l-​attività tal-​ippritkar f’pajjiż jew iktar. Jistgħu jaqdu f’timijiet tat-​traduzzjoni, jistampaw ir-​rivisti, jillegaw il-​kotba, jaħżnu l-​letteratura, jagħmlu r-​rekordings, jew jieħdu ħsieb affarijiet oħrajn għal postijiet taħt il-​ħarsien tagħhom.

      Kumitat tal-​Fergħa jieħu ħsieb ix-​xogħol li jsir. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tafda x-​xogħol taʼ kull uffiċċju tal-​fergħa lil Kumitat tal-​Fergħa magħmul minn tliet anzjani kwalifikati tajjeb jew iktar. Il-​kumitat iżomm lill-​Ġemgħa li Tiggverna informata dwar il-​progress tal-​attività taʼ kull pajjiż taħt il-​ħarsien taʼ dak il-​kumitat u dwar kwalunkwe problema li tistaʼ tinqalaʼ. Rapporti bħal dawn jgħinu lill-​Ġemgħa li Tiggverna biex tiddeċiedi x’suġġetti għandha tikkunsidra f’pubblikazzjonijiet fil-​futur, u fil-​laqgħat u fl-​assembleat. Rappreżentanti tal-​Ġemgħa li Tiggverna jintbagħtu regolarment biex iżuru l-​fergħat u jagħtu gwida lill-​Kumitati tal-​Fergħa dwar kif għandhom jieħdu ħsieb l-​inkarigi tagħhom. (Proverbji 11:14) Isir programm speċjali li jinkludi taħdita mir-​rappreżentant tal-​kwartieri ġenerali biex jinkuraġġixxi lil dawk li jgħixu fit-​territorju tal-​fergħa.

      Jingħata appoġġ lill-​kongregazzjonijiet lokali. Aħwa rġiel responsabbli fl-​uffiċċju tal-​fergħa jagħtu l-​kunsens tagħhom biex jinbdew kongregazzjonijiet ġodda. Ukoll, l-​aħwa rġiel jidderieġu l-​attività tal-​pijunieri, tal-​missjunarji, u tal-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet li jaqdu fit-​territorju tal-​fergħa. Jorganizzaw assembleat u konvenzjonijiet, jikkoordinaw il-​bini taʼ Swali tas-​Saltna ġodda u jieħdu ħsieb li l-​letteratura tintbagħat lill-​kongregazzjonijiet skont il-​bżonnijiet tagħhom. Dak kollu li jsir f’fergħa jgħin biex ix-​xogħol tal-​ippritkar isir bl-​ordni.—1 Korintin 14:33, 40.

      • Il-​Kumitati tal-​Fergħa kif jgħinu lill-​Ġemgħa li Tiggverna?

      • Liema responsabbiltajiet jieħu ħsieb l-​uffiċċju tal-​fergħa?

      SIR AF IKTAR

      Il-​viżitaturi huma mistidnin iżuru kwalunkwe uffiċċju tal-​fergħa, mit-​Tnejn sal-​Ġimgħa. Nistidnuk biex tagħmel dan. Hemmhekk issib min jagħmillek tur. Meta żżur xi uffiċċju, ilbes bħallikieku sejjer il-​laqgħa. Se tibbenefika spiritwalment billi tara l-​post imsemmi Betel.

  • Il-Letteratura Tagħna Kif Tinkiteb u Tiġi Tradotta?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 23

      Il-​Letteratura Tagħna Kif Tinkiteb u Tiġi Tradotta?

      Xi ħadd jaħdem fid-Dipartiment tal-Kitba, l-Amerika

      Id-Dipartiment tal-Kitba, l-Amerika

      Grupp taʼ tradutturi fil-Korea t’Isfel

      Il-Korea t’Isfel

      Raġel fl-Armenja jżomm ktieb tradott mix-Xhieda taʼ Ġeħova

      L-Armenja

      Tifla fil-Burundi żżomm ktieb tradott mix-Xhieda taʼ Ġeħova

      Il-Burundi

      Mara fi Sri Lanka żżomm rivisti tradotti mix-Xhieda taʼ Ġeħova

      Sri Lanka

      Sabiex nagħmlu l-​aħjar tagħna biex inxandru l-​“aħbar tajba . . . lil kull ġens u tribù u lsien u poplu,” nipproduċu letteratura b’madwar 750 lingwa. (Rivelazzjoni 14:6) Kif jirnexxilna nwettqu dan ix-​xogħol taʼ sfida? Nagħmluh bl-​għajnuna taʼ kittieba internazzjonali u grupp taʼ tradutturi dedikati—ilkoll Xhieda taʼ Ġeħova.

      Il-​kitba oriġinali tiġi preparata bl-​Ingliż. L-​attività tad-​Dipartiment tal-​Kitba fil-​kwartieri ġenerali tagħna qiegħda taħt il-​ħarsien tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Dan id-​dipartiment jikkoordina l-​inkarigi tal-​kittieba li jaqdu fil-​kwartieri ġenerali u f’ċerti uffiċċji tal-​fergħa. Minħabba li għandna varjetà taʼ kittieba, dan jippermettilna niktbu dwar suġġetti li jeffettwaw lin-​nies minn kulturi differenti, u b’hekk il-​pubblikazzjonijiet tagħna jingħoġbu min-​nies taʼ diversi nazzjonijiet.

      Il-​kitba tintbagħat lit-​tradutturi. Wara li l-​kitba tkun ġiet editjata u approvata, din tintbagħat elettronikament lil timijiet taʼ tradutturi madwar id-​dinja biex jittraduċu, jiċċekkjaw, u jagħmlu l-​qari tal-​provi. Jagħmlu sforz biex jagħżlu l-​“kliem korrett u veru” ħalli bil-​lingwa tagħhom joħroġ it-​tifsir kollu tal-​Ingliż.—Ekkleżjasti 12:10.

      Il-​kompjuters iħaffu l-​proċess. Kompjuter ma jistax jagħmel ix-​xogħol taʼ kittieba u tradutturi umani. Madankollu, ix-​xogħol tagħhom jistaʼ jitħaffef billi jużaw dizzjunarji u programmi tal-​lingwa u tar-​riċerka fuq il-​kompjuter. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ħalqu programm li jismu Multilanguage Electronic Publishing System (MEPS) (sistema elettronika għall-​pubblikazzjonijiet b’ħafna lingwi). Dan jippermettilhom idaħħlu l-​kitba b’mijiet taʼ lingwi, ipoġġu l-​kitba mal-​istampi, u jħejju d-​dokument għall-​istampar.

      Għala nagħmlu dan l-​isforz kollu, anki għal lingwi li huma mitkellma minn ftit eluf taʼ nies biss? Għax hija r-​rieda taʼ Ġeħova “li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.”—1 Timotju 2:3, 4.

      • Kif issir il-​kitba għall-​pubblikazzjonijiet tagħna?

      • Għala nittraduċu l-​letteratura tagħna b’daqstant lingwi?

  • Kif Inhu Finanzjat ix-Xogħol Tagħna ta’ Madwar id-Dinja?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 24

      Kif Inhu Finanzjat ix-​Xogħol Tagħna taʼ Madwar id-​Dinja?

      Xi ħadd qed jagħti kontribuzzjoni volontarja
      Xhieda taʼ Ġeħova fix-xogħol tal-ippritkar

      In-Nepal

      Uħud volontieri jgħinu biex tinbena Sala tas-Saltna fit-Togo

      It-Togo

      Ħaddiema volontieri fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Brittanja

      Il-Britannja

      L-​organizzazzjoni tagħna tippubblika u tqassam mijiet taʼ miljuni taʼ Bibbji u pubblikazzjonijiet oħra kull sena bla ħlas. Aħna nibnu u nżommu f’kundizzjoni tajba s-​Swali tas-​Saltna u l-​uffiċċji tal-​fergħa. Nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet fiżiċi taʼ eluf taʼ Beteliti u missjunarji, u nipprovdu provvisti t’għajnuna meta jinqalaʼ xi diżastru. Allura għandek mnejn tistaqsi, ‘Dan kollu kif inhu finanzjat?’

      Ma nitolbux flus u ma jsir ebda ġbir. Għalkemm ix-​xogħol tagħna tal-​evanġelizzar jirrikjedi ħafna spejjeż, ma niġbrux flus. Iktar minn seklu ilu, it-​tieni ħarġa tar-​rivista It-​Torri tal-​Għassa stqarret li aħna nemmnu li Ġeħova hu l-​wieħed li jappoġġana u li aħna “qatt mhu se nittallbu jew nitolbu lin-​nies għall-​appoġġ”—u dan qatt ma ġara!—Mattew 10:8.

      L-​attivitajiet tagħna huma appoġġati minn donazzjonijiet volontarji. Ħafna nies japprezzaw ix-​xogħol tagħna taʼ tagħlim minn fuq il-​Bibbja u jagħtu donazzjonijiet għal dan. Ix-​Xhieda nfushom b’ferħ jagħtu mill-​ħin, l-​enerġija, il-​flus, u riżorsi oħrajn tagħhom biex issir ir-​rieda t’Alla madwar id-​dinja. (1 Kronaki 29:9) Fis-​Sala tas-​Saltna u fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna hemm kaxxi għall-​kontribuzzjonijiet għal dawk li jixtiequ jagħtu. Id-​donazzjonijiet jistgħu jingħataw ukoll permezz tal-​websajt tagħna, jw.org. Fil-​maġġorparti, il-​flus li nirċievu jiġu mingħand nies li mhumiex sinjuri, simili ħafna għal dik l-​armla fil-​bżonn li Ġesù tkellem tant tajjeb dwarha minħabba li kienet tefgħet żewġ muniti żgħar fil-​kaxxa tat-​teżor tat-​tempju. (Luqa 21:1-​4) Għalhekk, b’mod regulari kulħadd jistaʼ “jwarrab xi ħaġa” biex jagħti “bħalma jkun iddeċieda f’qalbu.” —1 Korintin 16:2; 2 Korintin 9:7.

      Aħna konvinti li Ġeħova se jkompli jqanqal qalb dawk li jridu ‘jonorawh bl-​affarijiet prezzjużi tagħhom’ biex jappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna ħalli r-​rieda tiegħu titwettaq.—Proverbji 3:9.

      • X’jagħmel lill-​organizzazzjoni tagħna differenti minn reliġjonijiet oħrajn?

      • Il-​kontribuzzjonijiet volontarji kif jintużaw?

  • Is-Swali tas-Saltna—Għala u Kif Jinbnew?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 25

      Is-​Swali tas-​Saltna—Għala u Kif Jinbnew?

      Uħud volontieri jgħinu biex tinbena Sala tas-Saltna fil-Bolivja

      Il-Bolivja

      Sala tas-Saltna fin-Niġerja qabel ġiet irranġata
      Sala tas-Saltna fin-Niġerja wara li ġiet irranġata

      In-Niġerja, qabel u wara

      Sit taʼ kostruzzjoni taʼ Sala tas-Saltna f’Taħiti

      Taħiti

      Bħalma juri l-​isem Sala tas-​Saltna, it-​tagħlim prinċipali tal-​Bibbja li jiġi diskuss hemm jiffoka fuq is-​Saltna t’Alla—it-​tema tal-​ministeru taʼ Ġesù.—Luqa 8:1.

      Huma postijiet taʼ qima vera fil-​komunità. Minn dan il-​post jiġi organizzat l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna fit-​territorju lokali. (Mattew 24:14) Is-​Swali tas-​Saltna jvarjaw fil-​kobor u fl-​istruttura tagħhom, imma lkoll mibnijin b’mod sempliċi, u ħafna huma użati minn iktar minn kongregazzjoni waħda. Fis-​snin reċenti, bnejna għaxriet taʼ eluf taʼ Swali tas-​Saltna ġodda (bejn wieħed u ieħor ħamsa kuljum) sabiex illaħħqu maż-​żieda fil-​kongregazzjonijiet tagħna. Dan kif inhu possibbli?—Mattew 19:26.

      Jinbnew permezz taʼ donazzjonijiet lill-​arranġament għall-​bini taʼ Swali tas-​Saltna. Dawn id-​donazzjonijiet jintbagħtu lill-​uffiċċju tal-​fergħa ħalli l-​flus ikunu disponibbli għall-​kongregazzjonijiet li jeħtieġu jibnu jew jirranġaw xi Sala tas-​Saltna.

      Jinbnew minn volontieri li ma jitħallsux u li jiġu minn sfondi differenti. F’ħafna pajjiżi ġew organizzati Gruppi għall-​Bini taʼ Swali tas-​Saltna. Timijiet taʼ qaddejja u volontieri taʼ kostruzzjoni jmorru minn kongregazzjoni għal oħra fl-​istess pajjiż, saħansitra fi nħawi iżolati, biex jgħinu lill-​kongregazzjonijiet lokali biex jibnu s-​Swali tas-​Saltna tagħhom. F’postijiet oħra, Xhieda kwalifikati ġew maħturin biex jieħdu ħsieb il-​bini u jirrinnovaw Swali tas-​Saltna f’reġjun partikulari. Għalkemm ħafna ħaddiema tas-​sengħa mir-​reġjun b’mod volontarju jagħtu s-​sehem tagħhom f’kull post fejn isir il-​bini, il-​biċċa l-​kbira tal-​ħaddiema volontarji jkunu membri tal-​kongregazzjoni lokali. L-​ispirtu taʼ Ġeħova u l-​isforzi ħabrieka tan-​nies tiegħu qed jagħmlu dan kollu possibbli.—Salm 127:1; Kolossin 3:23.

      • Il-​postijiet taʼ qima tagħna għala jissejħu Swali tas-​Saltna?

      • Kif inhu possibbli li jinbnew Swali tas-​Saltna madwar id-​dinja kollha?

  • Kif Nistgħu Ngħinu Biex Inżommu s-Sala tas-Saltna Tagħna f’Kundizzjoni Tajba?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 26

      Kif Nistgħu Ngħinu Biex Inżommu s-​Sala tas-​Saltna Tagħna f’Kundizzjoni Tajba?

      Xhieda taʼ Ġeħova jnaddfu s-Sala tas-Saltna tagħhom fl-Estonja

      L-Estonja

      Xhieda taʼ Ġeħova qed inaddfu s-Sala tas-Saltna tagħhom fiż-Żimbabwe

      Żimbabwe

      Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jirranġa xi affarijiet f’Sala tas-Saltna fil-Mongolja

      Il-Mongolja

      Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova jiżbogħ Sala tas-Saltna fi Puerto Rico

      Puerto Rico

      L-​isem qaddis t’Alla hu miktub fuq kull Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għalhekk, aħna nħossu li s-​sehem tagħna f’li nżommu l-​bini nadif, preżentabbli, u fi stat tajjeb hu privileġġ u parti importanti mill-​qima sagra tagħna. Kulħadd jistaʼ jipparteċipa.

      Wara l-​laqgħa offri biex tagħmel xi tindif. Wara kull laqgħa, l-​aħwa rġiel u nisa jkunu ferħanin f’li jagħmlu tindif ħafif tas-​Sala tas-​Saltna. Darba fil-​ġimgħa jsir tindif iktar bir-​reqqa. Anzjan jew qaddej ministerjali jikkoordina x-​xogħol, normalment billi jsegwi xi lista taʼ x’għandu jsir. Skont il-​bżonn, individwi joffru li jikinsu, jaħslu, ifarfru, jirranġaw is-​siġġijiet, inaddfu u jiddiżinfettaw il-​kmamar tal-​banju, jaħslu t-​twieqi u l-​mirja, jarmu l-​iskart, jew inaddfu l-​btieħi u madwar il-​bini. Minn tal-​inqas darba fis-​sena tiġi mwarrba ġurnata għal xogħol taʼ tindif li ma jsirx b’mod regulari. Billi ninkludu lit-​tfal tagħna f’xi xogħlijiet, inkunu qed ngħallmuhom jirrispettaw il-​post taʼ qima tagħna.—Ekkleżjasti 5:1.

      Agħti daqqa t’id meta jkun hemm bżonn xi tiswijiet. Kull sena ssir spezzjoni dettaljata tas-​Sala tas-​Saltna, ġewwa u barra. Skont din l-​ispezzjoni jsir ix-​xogħol taʼ manutenzjoni b’mod regulari biex is-​sala tinżamm f’kundizzjoni tajba u jiġu evitati spejjeż bla bżonn. (2 Kronaki 24:13; 34:10) Sala tas-​Saltna nadifa u miżmuma tajjeb hija post adattat fejn inqimu lil Alla tagħna. Billi jkollna sehem f’dan ix-​xogħol, aħna nuru kemm inħobbu lil Ġeħova u ngħożżu l-​post fejn inqimuh. (Salm 122:1) Barra minn hekk, dan jagħti impressjoni tajba fil-​komunità.—2 Korintin 6:3.

      • Għala m’għandniex nittraskuraw il-​post taʼ qima tagħna?

      • Liema arranġamenti jsiru biex is-​Sala tas-​Saltna tinżamm nadifa?

  • Kif Tista’ Tkun ta’ Benefiċċju Għalina l-Librerija fis-Sala tas-Saltna?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 27

      Kif Tistaʼ Tkun taʼ Benefiċċju Għalina l-​Librerija fis-​Sala tas-​Saltna?

      Raġel ju¿a l-librerija tas-Sala tas-Saltna

      L-Iżrael

      Xhud taʼ Ġeħova qed jgħin żagħżugħ jagħmel riċerka

      Ir-Repubblika Ċeka

      Tifla tikteb isimha fil-ktieb tal-għanjiet tagħha

      Il-Benin

      Raġel qed juża l-Librerija Onlajn

      Il-Gżejjer Cayman

      Tixtieq tagħmel xi riċerka biex iżżid l-​għarfien tiegħek tal-​Bibbja? Kurjuż int dwar xi skrittura partikulari jew persuna, post, jew xi ħaġ’oħra msemmija fil-​Bibbja? Jew ġieli ħsibt jekk il-​Kelma t’Alla tistax tgħinek f’xi tħassib personali li għandek? Jekk fil-​każ, tistaʼ tuża l-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna.

      Fiha għodda għar-​riċerka li hi t’għajnuna. Probabbilment, m’għandekx il-​pubblikazzjonijiet kollha bbażati fuq il-​Bibbja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li huma disponibbli bil-​lingwa tiegħek. Imma l-​librerija fis-​Sala tas-​Saltna għandha l-​biċċa l-​kbira mill-​pubblikazzjonijiet reċenti. Għandu mnejn ikollha wkoll diversi traduzzjonijiet tal-​Bibbja, dizzjunarju tajjeb, u xogħlijiet taʼ referenza oħra li huma t’għajnuna. Int tistaʼ tuża l-​librerija qabel u wara l-​laqgħat. Jekk hemm kompjuter, għandu mnejn li fih il-​Watchtower Library. Dan hu programm elettroniku li fih kollezzjoni kbira tal-​pubblikazzjonijiet tagħna u għandu funzjoni faċli biex tużaha għal riċerka biex dak li jkun ifittex suġġett, kelma, jew skrittura.

      Hi utli għall-​Istudenti tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Tistaʼ tagħmel użu tajjeb mil-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna meta tkun qed tipprepara l-​inkarigi tiegħek. L-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jieħu ħsieb il-​librerija. Hu responsabbli biex jagħmel ċert li l-​pubblikazzjonijiet reċenti qegħdin hemm u li huma fl-​ordni. Hu jew l-​għalliem tiegħek tal-​Bibbja jistaʼ jurik kif issib l-​informazzjoni li għandek bżonn. Madankollu, l-​ebda ktieb tal-​librerija m’għandu jinħareġ barra mis-​Sala tas-​Saltna. U, m’għandniex xi ngħidu, irridu nżommu l-​kotba f’kundizzjoni tajba u ma nagħmlulhom ebda marka fuqhom.

      Il-​Bibbja tispjega li biex insibu “l-​għarfien t’Alla,” jeħtieġ li nkunu lesti biex infittxuh “bħal teżori moħbijin.” (Proverbji 2:1-​5) Il-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna tistaʼ tgħinek tibda t-​tfittxija tiegħek.

      • Liema għodda għar-​riċerka hi disponibbli fil-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna?

      • Min jistaʼ jgħinek tagħmel l-​aħjar użu mil-​librerija?

      SIR AF IKTAR

      Jekk trid tibda librerija personali, ara x’inhu disponibbli fil-​bank tal-​letteratura. L-​għalliem tiegħek tal-​Bibbja jistaʼ jirrikkmandalek liema pubblikazzjonijiet għandek mnejn tkun trid takkwista l-​ewwel.

  • X’Tista’ Ssib fuq il-Websajt Tagħna?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
    • LEZZJONI 28

      X’Tistaʼ Ssib fuq il-​Websajt Tagħna?

      Mara qed tagħmel riċerka minn fuq il-laptop tagħha

      Franza

      Familja tuża kompjuter

      Il-Polonja

      Mara qed tara vidjow bil-lingwa tas-sinjali onlajn

      Ir-Russja

      Ġesù Kristu qal lis-​segwaċi tiegħu: “Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 5:16) Għal din ir-​raġuni, aħna qegħdin nagħmlu użu tajjeb mit-​teknoloġija moderna, inkluż l-​Internet. Il-​websajt tagħna, jw.org, hija s-​sors t’informazzjoni uffiċjali fuq l-​Internet dwar it-​twemmin u l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fiex tikkonsisti?

      It-​tweġibiet mill-​Bibbja għal mistoqsijiet li jqumu spiss. Tistaʼ ssib it-​tweġibiet għal ftit mill-​iktar mistoqsijiet importanti li n-​nies qatt staqsew. Pereżempju, il-​fuljetti It-​tbatija qatt se tintemm? u Jistgħu l-​mejtin verament jerġgħu jgħixu? huma disponibbli fuq l-​Internet b’iktar minn 600 lingwa. Tistaʼ ssib ukoll it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida b’iktar minn 130 lingwa u għadd t’għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, fosthom il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? u l-​ħarġiet tal-​aħħar tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! Ħafna minn dawn il-​pubblikazzjonijiet tistaʼ taqrahom jew tismagħhom minn fuq l-​Internet jew tniżżilhom f’formats popolari bħall-​MP3, PDF, jew EPUB. Tistaʼ saħansitra tipprintja xi ftit paġni biex tagħtihom lil xi ħadd interessat bil-​lingwa tiegħu stess! Pubblikazzjonijiet fuq vidjow huma disponibbli b’ħafna lingwi tas-​sinjali. Tistaʼ tniżżel qari drammatiku mill-​Bibbja, drammi tal-​Bibbja, u mużika tal-​widna li tistaʼ titpaxxa tismagħha waqt il-​ħin liberu tiegħek.

      Informazzjoni vera dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Issib ukoll l-​aħħar aħbarijiet u vidjows qosra dwar ix-​xogħol tagħna taʼ madwar id-​dinja, ġrajjiet li jeffettwaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​isforzi tagħna biex ngħinu lil oħrajn. Tistaʼ ssib avviżi dwar konvenzjonijiet li se jsiru u informazzjoni taʼ kif tistaʼ tikkuntattja lill-​uffiċċji tal-​fergħa tagħna.

      Permezz taʼ dawn il-​mezzi, aħna qed niddu d-​dawl tal-​verità fl-​iktar partijiet iżolati tad-​dinja. Qed jibbenefikaw nies minn kull kontinent, fosthom l-​Antartika. Aħna nitolbu li “l-​kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ tixtered bil-​ħeffa” fl-​art kollha, għall-​glorja t’Alla.—2 Tessalonikin 3:1.

      • Il-​websajt jw.org kif qed tgħin lil iktar nies biex jitgħallmu l-​verità tal-​Bibbja?

      • X’tixtieq tfittex fuq il-​websajt tagħna?

      NOTA TAʼ TWISSIJA:

      Xi siti tal-​Internet intgħamlu minn opponenti biex ixerrdu informazzjoni żbaljata dwar l-​organizzazzjoni tagħna. L-​intenzjoni tagħhom hi li jbiegħdu lin-​nies milli jaqdu lil Ġeħova. Aħna għandna nevitaw dawn is-​siti.—Salm 1:1; 26:4; Rumani 16:17.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja