-
L-ewwel parti: Twemmin KristjanOrganizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
-
-
MISTOQSIJIET GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JITGĦAMMDU
L-ewwel parti: Twemmin Kristjan
L-istudju tiegħek tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova għenek issir midħla tal-verità. Bla dubju, dak li tgħallimt għenek biex ikollok relazzjoni tajba m’Alla u tak tama taʼ ħajja u barkiet futuri fuq art magħmula ġenna taħt is-Saltna t’Alla. Il-fidi tiegħek fil-Kelma t’Alla ssaħħet, u billi assoċjajt mal-kongregazzjoni Kristjana, diġà esperjenzajt ħafna barkiet. Sirt tifhem kif Ġeħova qed jittratta mal-poplu tiegħu llum.—Żak. 8:23.
Hekk kif issa tħejji ruħek għall-magħmudija, se tibbenefika minn reviżjoni taʼ twemmin Kristjan bażiku, immexxija mill-anzjani tal-kongregazzjoni. (Ebr. 6:1-3) Jalla Ġeħova jkompli jbierek l-isforzi kollha tiegħek biex issir tafu, u jalla jagħtik il-premju mwiegħed.—Ġw. 17:3.
1. Għala tixtieq titgħammed?
2. Min hu Ġeħova?
• “Ġeħova hu l-Alla l-veru fis-smewwiet hemm fuq u fuq l-art hawn taħt. M’hemmx ħliefu.”—Dt. 4:39.
• “Int, li ismek hu Ġeħova, Int waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18.
3. Għala hu importanti għalik li tuża l-isem personali t’Alla?
• “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.’”—Mt. 6:9.
• “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.”—Rum. 10:13.
4. Liema huma xi ftit termini li jiddeskrivu lil Ġeħova fil-Bibbja?
• “Ġeħova, il-Ħallieq taʼ truf l-art, huwa Alla għal dejjem.”—Is. 40:28.
• “Missierna fis-smewwiet.”—Mt. 6:9.
• “Alla hu mħabba.”—1 Ġw. 4:8.
5. X’tistaʼ tagħtih lil Alla Ġeħova?
• “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.”—Mk. 12:30.
• “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.”—Lq. 4:8.
6. Għala tixtieq tkun leali lejn Ġeħova?
• “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Prov. 27:11.
7. Lil min titlob, u f’isem min titlob?
• “Tassew, tassew, [jien, Ġesù] ngħidilkom, jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, jagħtihielkom.”—Ġw. 16:23.
8. X’inhuma xi ftit affarijiet li tistaʼ titlob dwarhom?
• “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art. Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum; u aħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna. U ddaħħalniex fit-tentazzjoni, imma eħlisna mill-Ħażin.’”—Mt. 6:9-13.
• “Din hi l-fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġw. 5:14.
9. Ġeħova għala jistaʼ ma jismax talba taʼ xi ħadd?
• “Huma jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, imma ma jwiġibhomx . . . skond il-ħażen li wettqu f’għemilhom.”—Mik. 3:4.
• “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom; imma Ġeħova jdawwar wiċċu lil hinn minn dawk li qed jagħmlu l-ħażen.”—1 Pt. 3:12.
10. Min hu Ġesù Kristu?
• “Wieġeb Xmun Pietru u qal: ‘Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.’”—Mt. 16:16.
11. Ġesù għala ġie fuq l-art?
• “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”—Mt. 20:28.
• “Irrid [Ġesù] inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Lq. 4:43.
12. Kif tistaʼ turi li int grat għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù?
• “Miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.”—2 Kor. 5:15.
13. Liema awtorità għandu Ġesù?
• “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.”—Mt. 28:18.
• “Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor.”—Flp. 2:9.
14. Temmen li l-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova hi “l-ilsir leali u għaqli” li ġie maħtur minn Ġesù?
• “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli li sidu ħatru fuq il-qaddejja taʼ daru, biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq?”—Mt. 24:45.
15. L-ispirtu qaddis hu persuna?
• “L-anġlu wieġeb u qalilha: ‘L-ispirtu qaddis jiġi fuqek, u l-qawwa mingħand l-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha. Għal din ir-raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.’”—Lq. 1:35.
• “Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”—Lq. 11:13.
16. Ġeħova kif uża l-ispirtu qaddis tiegħu?
• “Bil-kelma taʼ Ġeħova ntgħamlu s-smewwiet, u bl-ispirtu taʼ fommu l-armata kollha tagħhom.”—Salm 33:6.
• “Meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.”—Atti 1:8.
• “Ebda profezija taʼ l-Iskrittura ma tiġi minn xi interpretazzjoni persunali. Għax il-profezija qatt ma ġiet bir-rieda tal-bniedem, imma xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.”—2 Pt. 1:20, 21.
17. X’inhi s-Saltna t’Alla?
• “L-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Dan. 2:44.
18. Int kif se tibbenefika mis-Saltna t’Alla?
• “Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Riv. 21:4.
19. Kif taf li dalwaqt se nirċievu l-barkiet tas-Saltna?
• “Id-dixxipli resqu lejh kif kien waħdu u qalulu: ‘Għidilna, dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?’ U Ġesù wieġeb u qalilhom: ‘. . . Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor. U din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.’”—Mt. 24:3, 4, 7, 14.
• “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla, ikollhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha.”—2 Tim. 3:1-5.
20. Int kif turi li s-Saltna hi importanti għalik?
• “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu.”—Mt. 6:33.
• “Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.’”—Mt. 16:24.
21. Min huma Satana u d-demonji?
• “Intom minn missierkom ix-Xitan . . . Dan kien qattiel meta beda.”—Ġw. 8:44.
• “Twaddab għal isfel id-dragun il-kbir, is-serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art abitata kollha; twaddab ’l isfel lejn l-art, u l-anġli tiegħu twaddbu għal isfel miegħu.”—Riv. 12:9.
22. Satana fuq xiex akkuża lil Ġeħova u lil dawk li jqimuh?
• “Il-mara qalet lis-serp: ‘Mill-frott tas-siġar tal-ġnien nistgħu nieklu. Imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, “Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh, inkella tmutu.”’ Għal dan, is-serp qal lill-mara: ‘Żgur li ma tmutux. Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.’”—Ġen. 3:2-5.
• “Satana wieġeb lil Ġeħova u qallu: ‘Ġild għal ġild, u raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.’”—Ġob 2:4.
23. Int kif tistaʼ tagħti prova li l-akkużi taʼ Satana mhumiex veri?
• “Aqdih [lil Alla] b’qalb sħiħa.”—1 Kron. 28:9.
• “Sakemm nieħu l-aħħar nifs ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!”—Ġob 27:5.
24. In-nies għala jmutu?
• “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.”—Rum. 5:12.
25. X’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin?
• “Il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn.”—Ekk. 9:5.
26. X’tama hemm għal dawk li mietu?
• “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15.
27. Kemm se jkun hemm nies li jmorru fis-sema biex isaltnu maʼ Ġesù?
• “Ara, il-Ħaruf wieqaf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.”—Riv. 14:1.
-
-
It-tieni parti: Il-mod kif jgħixu l-KristjaniOrganizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
-
-
MISTOQSIJIET GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JITGĦAMMDU
It-tieni parti: Il-mod kif jgħixu l-Kristjani
Fl-istudju tiegħek tal-Bibbja, ksibt għarfien dwar x’jitlob minnek Ġeħova u dwar kif tistaʼ tgħix fi qbil mal-livelli ġusti tiegħu. Biex taġixxi fuq dak li tgħallimt, forsi kellek tagħmel għadd taʼ bidliet fil-kondotta persunali tiegħek u fl-attitudni tiegħek lejn il-ħajja nfisha. Issa li ddeċidejt li tgħix fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, int ikkwalifikajt biex tkun ministru tal-aħbar tajba.
Reviżjoni tal-mistoqsijiet li ġejjin se tgħinek iżżomm ċar f’moħħok il-ħtiġijiet ġusti taʼ Ġeħova u se tfakkrek dwar ftit mill-affarijiet li tistaʼ tagħmel sabiex tkun wieħed mill-qaddejja approvati tiegħu. Din l-informazzjoni se tgħinek tifhem kemm hu importanti li tagħmel kollox b’kuxjenza nadifa u għall-unur taʼ Ġeħova.—2 Kor. 1:12; 1 Tim. 1:19; 1 Pt. 3:16, 21.
Issa li wasalt f’dan il-punt fl-istudju tiegħek, bla dubju int ħerqan li tkun sottomess lejn it-tmexxija taʼ Ġeħova u li ssir parti mill-organizzazzjoni tiegħu. Il-mistoqsijiet u r-referenzi tal-Iskrittura se jgħinuk teżamina dak li fhimt dwar li tkun sottomess lejn l-arranġament taʼ Ġeħova, kemm jekk fil-kongregazzjoni, fil-familja, jew fl-affarijiet politiċi taʼ din is-sistema. Bla dubju, int tistaʼ tapprezza iktar l-arranġamenti taʼ Ġeħova biex jeduka lill-poplu tiegħu u jsaħħaħlu l-fidi. Dawn jinkludu l-laqgħat tal-kongregazzjoni li int se tkun trid tattendi u tipparteċipa fihom skont iċ-ċirkustanzi tiegħek.
Flimkien maʼ dan f’din is-sezzjoni se nikkunsidraw kemm hu importanti li jkollna sehem regolari fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u f’li ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u x’qiegħed jagħmel għall-bnedmin. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Fl-aħħar, din is-sezzjoni se tgħinek tifhem is-serjetà tad-dedikazzjoni tiegħek lil Alla Ġeħova u tal-magħmudija tiegħek. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova japprezza dak li se tagħmel int b’sinċerità wara li wera qalb tajba mhix mistħoqqa miegħek.
1. X’inhu l-livell Kristjan għaż-żwieġ? X’inhi l-unika bażi għal divorzju Skritturali?
• “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem. . . . Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:4-6, 9.
2. Dawk li jgħixu flimkien bħala raġel u mara għala għandhom ikunu miżżewġin legalment? Jekk int miżżewweġ, ċert int li ż-żwieġ tiegħek hu legali u rikonoxxut mill-gvern?
• “Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet.”—Titu 3:1.
• “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-żienja u lill-adulteri.”—Ebr. 13:4.
3. X’inhu l-irwol tiegħek fil-familja?
• “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.”—Prov. 1:8.
• “Ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni . . . Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni.”—Efes. 5:23, 25.
• “Missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efes. 6:4.
• “Intom tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan jogħġob lill-Mulej.”—Kol. 3:20.
• “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom.”—1 Pt. 3:1.
4. Għala għandna nuru rispett lejn il-ħajja?
• “[Alla] jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. . . . Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.”—Atti 17:25, 28.
5. Għala m’għandna noqtlu lil ħadd, inkluż tarbija li għadha ma twilditx?
• “Jekk żewġt irġiel jissaraw bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u . . . jekk jiġri xi aċċident fatali, trid tagħti ruħ b’ruħ.”—Eżo. 21:22, 23.
• “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati u ma kien għad hemm ebda parti teżisti.”—Salm 139:16.
• ‘Ġeħova jobgħod . . . idejn li qed ixerrdu demm innoċenti.’—Prov. 6:16, 17.
6. Alla x’jikkmanda dwar id-demm?
• ‘Ibqgħu tbiegħdu . . . mid-demm u mil-laħam t’annimali fgati.’—Atti 15:29.
7. Għala għandna nħobbu lil ħutna Kristjani?
• “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:34, 35.
8. Biex jevita li jgħaddi lil ħaddieħor marda li tittieħed jew li tistaʼ tkun fatali: (a) Individwu infettat għala m’għandux jibda juri affezzjoni, bħal tgħanniq u bews? (b) Għala m’għandux jirreaġixxi b’mod negattiv jekk xi wħud jagħżlu li ma jistidnuhx fi djarhom? (ċ) Individwu li forsi kien espost għal marda li tittieħed għala għandu jagħżel li minn jeddu jagħmel test tad-demm qabel ma jibda jinnamra? (d) Individwu li għandu marda li tittieħed għala għandu jinforma lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani qabel ma jitgħammed?
• “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin. . . . ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.”—Rum. 13:8-10.
• “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Flp. 2:4.
9. Ġeħova għala jistenna li naħfru lil oħrajn?
• “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kol. 3:13.
10. X’għandek tagħmel jekk ħu jimmalafamak jew jagħmel frodi kontrik?
• “Jekk ħuk jagħmel dnub, mur sibu waħdu u urih l-iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk. Imma jekk ma jismax, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex kull ħaġa tkun stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta. Jekk ma jismax minnhom, kellem lill-kongregazzjoni. Jekk lanqas mill-kongregazzjoni ma jismaʼ, ħa jkun għalik bħal raġel mill-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.”—Mt. 18:15-17.
11. Ġeħova kif iqis id-dnubiet li ġejjin?
▪ L-immoralità sesswali
▪ L-użu tax-xbihat fil-qima
▪ L-omosesswalità
▪ Is-serq
▪ Il-logħob għall-flus
▪ Li xi ħadd ikun fis-sakra
• “Titqarrqux. La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-irġiel li jimteddu maʼ l-irġiel, la l-ħallelin, la r-rgħiba, la s-sakranazzi, la ż-żeblieħa, lanqas l-imbroljuni ma jirtu s-saltna t’Alla.”—1 Kor. 6:9, 10.
12. X’int determinat li tagħmel dwar l-immoralità sesswali, li tinkludi diversi atti sesswali barra ż-żwieġ?
• “Aħarbu miż-żína.”—1 Kor. 6:18.
13. Għala m’għandniex nieħdu sustanzi li jagħmluna dipendenti minnhom jew li jeffettwaw il-moħħ jekk ma jkunux għall-użu mediku?
• ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom. U tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’—Rum. 12:1, 2.
14. X’inhuma xi ftit mill-prattiki demoniċi li Alla jipprojbixxi?
• “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin.”—Dt. 18:10, 11.
15. Jekk persuna tikkommetti dnub serju u tkun trid terġaʼ tikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, x’għandha tagħmel mill-ewwel?
• “Dnubi stqarrejtu miegħek, u l-iżball tiegħi ma bqajtx ngħattih. Jien għedt: ‘Se nistqarr nuqqasijieti lil Ġeħova.’”—Salm 32:5.
• “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.”—Ġak. 5:14, 15.
16. Jekk taf li Kristjan ieħor għamel dnub serju, x’għandek tagħmel?
• “Jekk xi ħadd jidneb għax ikun semaʼ lil min jisħet fil-pubbliku u hu jkun xhud jew ikun rah jew sar jaf bih, jekk ma jirrapportax dan, irid iwieġeb għall-iżball tiegħu.”—Lev. 5:1.
17. Jekk isir avviż li xi ħadd m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, kif għandna nittrattawh?
• “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.”—1 Kor. 5:11.
• “Jekk xi ħadd jiġi għandkom u ma jġibx dan it-tagħlim, tilqgħuh qatt fi djarkom u ssellmulux.”—2 Ġw. 10.
18. Il-ħbieb tal-qalb tiegħek għala għandhom ikunu jħobbu lil Ġeħova?
• “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.”—Prov. 13:20.
• “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.
19. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala huma newtrali fil-politika?
• “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien [Ġesù] m’iniex parti mid-dinja.”—Ġw. 17:16.
20. Għala għandek tobdi lill-gvern?
• “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax m’hemm l-ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.”—Rum. 13:1.
21. Jekk ikun hemm konflitt bejn liġi tal-bnedmin u liġi t’Alla, x’tagħmel?
• “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
22. Liema skritturi jistgħu jgħinuk tibqaʼ separat mid-dinja meta tkun qed tagħżel xogħol?
• “Ma jerfgħux is-sejf, ġens kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.”—Mik. 4:3.
• “Oħorġu minnha [Babilonja l-Kbira], poplu tiegħi, jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha, u jekk ma tridux tirċievu parti mill-kastigi tagħha.”—Riv. 18:4.
23. X’tip taʼ divertiment u rikreazzjoni se tagħżel, u liema tip se twarrab?
• “Ġeħova . . . [jobgħod] lil kulmin iħobb il-vjolenza.”—Salm 11:5.
• “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.”—Rum. 12:9.
• “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-affarijiet komplu aħsbu.”—Flp. 4:8.
24. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jagħtux qima maʼ gruppi reliġjużi oħra?
• “Ma tistgħux tieħdu sehem mill-‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-mejda tad-demonji.”—1 Kor. 10:21.
• “‘Infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif’; ‘u jien nilqagħkom.’”—2 Kor. 6:17.
25. Xi prinċipji se jgħinuk tiddeċiedi jekk tipparteċipax f’xi ċelebrazzjoni?
• “Tħalltu mal-ġnus u bdew jitgħallmu mill-imġiba tagħhom. U qdew lill-idoli tagħhom, u dawn saru nassa għalihom.”—Salm 106:35, 36.
• “Il-mejtin ma jafu assolutament xejn.”—Ekk. 9:5.
• “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.”—Ġw. 17:16.
• “Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu r-rieda tal-ġnus meta wettaqtu għemejjel taʼ kondotta laxka, passjonijiet, xorb żejjed taʼ nbid, xalar, imħatri min jixrob l-iktar, u idolatriji kontra l-liġi.”—1 Pt. 4:3.
26. L-eżempji tal-Bibbja kif jgħinuk tiddeċiedi jekk għandekx tiċċelebra l-birthdays?
• “It-tielet jum kien għeluq snin il-Fargħun, u dan għamel festa għall-qaddejja kollha tiegħu u ħareġ lill-kap tal-kuppieri u lill-kap tal-furnara f’nofs il-qaddejja tiegħu. Għaldaqstant, hu reġaʼ ta lill-kap tal-kuppieri l-kariga tiegħu taʼ kuppier . . . Imma lill-kap tal-furnara dendlu maʼ zokk.”—Ġen. 40:20-22.
• “Fiċ-ċelebrazzjoni t’għeluq snin Erodi, bint Erodja ħarġet tiżfen fin-nofs u tant għoġbitu lil Erodi li wegħedha b’ħalfa li jagħtiha kulma titolbu. Imbagħad hi, mogħwija minn ommha, qalet: ‘Agħtini issa fuq platt ras Ġwanni l-Battista.’ U bagħat jaqtaʼ ras Ġwanni fil-ħabs.”—Mt. 14:6-8, 10.
27. Għala tixtieq timxi mad-direzzjonijiet tal-anzjani?
• “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.”—Ebr. 13:17.
28. Għala hu importanti għalik u għall-familja tiegħek li tagħmlu ħin biex taqraw u tistudjaw il-Bibbja regolarment?
• “L-għaxqa tiegħu hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu. Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma, li tagħti l-frott fl-istaġun tagħha u li l-weraq tagħha ma jidbielx, u jirnexxi f’kulma jagħmel.”—Salm 1:2, 3.
29. Għala tħobb tattendi l-laqgħat u tipparteċipa fihom?
• “Se nxandar ismek lil ħuti; f’nofs il-kongregazzjoni se nfaħħrek.”—Salm 22:22.
• “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.”—Ebr. 10:24, 25.
30. X’inhu l-iktar xogħol importanti li Ġesù tana nagħmlu?
• “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”—Mt. 28:19, 20.
31. Liema attitudni togħġob lil Ġeħova meta nagħmlu donazzjonijiet għax-xogħol tas-Saltna jew ngħinu lil ħutna?
• “Onora lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9.
• “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Kor. 9:7.
32. Il-Kristjani liema diffikultajiet jistennew li jkollhom?
• “Henjin dawk li ġew persegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet. Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li ġew qabilkom.”—Mt. 5:10-12.
33. Għala hu privileġġ speċjali li tkun mgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?
• “Kelmtek saret għalija l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova.”—Ġer. 15:16.
-
-
Diskussjoni tal-aħħar mal-kandidati għall-magħmudijaOrganizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
-
-
MISTOQSIJIET GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JITGĦAMMDU
Diskussjoni tal-aħħar mal-kandidati għall-magħmudija
Il-magħmudijiet ġeneralment isiru fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fi tmiem it-taħdita tal-magħmudija, il-kelliem jitlob lill-kandidati għall-magħmudija jqumu bilwieqfa u jwieġbu ż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin b’leħen għoli u ċar:
1. Indimt int minn dnubietek, iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, u aċċettajt int li l-mezz tas-salvazzjoni tiegħu hu permezz taʼ Ġesù Kristu?
2. Tifhem int li l-magħmudija tiegħek tidentifikak bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi sħubija mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
Tweġibiet fl-affermattiv għal dawn il-mistoqsijiet jifformaw ‘stqarrija pubblika’ mill-kandidati għall-magħmudija li huma eżerċitaw fidi fil-fidwa u ddedikaw ruħhom lil Ġeħova bla riserva. (Rum. 10:9, 10) Il-kandidati għall-magħmudija għandhom jitolbu u jaħsbu minn qabel dwar dawn il-mistoqsijiet biex ikunu jistgħu jwieġbu fi qbil mal-konvinzjonijiet persunali tagħhom.
Iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova fit-talb, billi wegħedtu li se taqdi lilu biss u li se tpoġġi dak li jrid hu l-ewwel post f’ħajtek?
Issa konvint int għalkollox li għandek titgħammed mal-ewwel opportunità?
X’inhu l-ilbies xieraq għall-magħmudija? (1 Tim. 2:9, 10; Ġw. 15:19; Flp. 1:10)
Għandna nilbsu “bil-modestja u b’moħħ f’loku” sabiex nuru ‘li nqimu lil Alla.’ Għalhekk, dawk li se jitgħammdu m’għandhomx jilbsu malji li ma jkunux modesti jew ilbies bil-kitba. Għandhom jilbsu b’tali mod li jkunu puliti, nodfa, xierqa, u adattati għall-okkażjoni.
Wieħed kif għandu jġib ruħu hu u jitgħammed? (Lq. 3:21, 22)
Il-magħmudija taʼ Ġesù stabbiliet l-eżempju għall-magħmudijiet Kristjani llum. Hu fehem li l-magħmudija hi pass serju, u dan deher fl-attitudni u fil-mod kif aġixxa. Għalhekk, il-post tal-magħmudija m’għandux ikun post għal ċajt mhux xieraq, logħob, għawm, jew kondotta oħra li tnaqqas is-serjetà tal-okkażjoni. Kristjan ġdid lanqas m’għandu jġib ruħu qisu rebaħ xi rebħa kbira. Filwaqt li l-magħmudija hi okkażjoni taʼ ferħ, dan il-ferħ għandu jintwera b’dinjità.
Li tiltaqaʼ u tassoċja mal-kongregazzjoni b’mod regulari kif se jgħinek twettaq id-dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova?
Wara li titgħammed, għala jkun importanti ħafna għalik li żżomm skeda tajba taʼ studju persunali u li jkollok sehem regolari fil-ministeru?
-