Ġrajja Spiritwali Importanti!
Il-Ħruġ tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa bil-Malti
FIL-5 taʼ Settembru, 2008, seħħet ġrajja spiritwali importanti: It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa ħarġet bil-Malti.
F’Malta, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida issa hija disponibbli maʼ Bibbji oħrajn li ilhom jintużaw min-nies li jibżgħu minn Alla. Imma, għala hemm bżonn taʼ traduzzjoni oħra tal-Bibbja? Min jippubblikaha? U kif tistaʼ tkun ċert li tistaʼ tafda t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida?
Għala Hawn Ħafna Traduzzjonijiet tal-Bibbja?
Fis-snin reċenti ġew pubblikati ħafna u ħafna verżjonijiet ġodda tal-Bibbja. Xi verżjonijiet ġodda għamlu l-Kelma t’Alla disponibbli b’ċerti lingwi għall-ewwel darba. Madankollu, Bibbji ġodda qed joħorġu b’lingwi li għalihom diġà jeżistu verżjonijiet stabbiliti. Għala? Il-ktieb So Many Versions?, minn Sakae Kubo u Walter Specht, jispjega: “Ebda traduzzjoni tal-Bibbja ma tistaʼ tiġi kunsidrata bħala l-aħħar waħda. It-traduzzjonijiet iridu jżommu l-pass mal-progress tat-tagħlim tal-Bibbja u l-bdil fil-lingwi.”
F’dan is-seklu rajna tkabbir konsiderevoli fil-fehma taʼ l-Ebrajk, l-Aramajk, u l-Grieg—il-lingwi li bihom inkitbet il-Bibbja oriġinalment. Ukoll, ġew skoperti manuskritti tal-Bibbja li huma eqdem u iktar eżatti minn dawk li ntużaw minn ġenerazzjonijiet taʼ qabel taʼ tradutturi tal-Bibbja. B’hekk, il-Kelma t’Alla tistaʼ tiġi tradotta iktar eżatt illum minn qatt qabel!
Meta kien qed jirreferi għall-intrapriżi kummerċjali, The Atlantic Monthly qal: “L-ippubblikar tal-Bibbja huwa negozju kbir—kbir b’mod li jimpressjonak.” U kultant ix-xewqa li jiġi pubblikat ktieb li jinbiegħ ħafna donnha tingħata iktar importanza mill-attenzjoni għall-eżattezza. Bibbja ġdida minnhom taqbad u tneħħi siltiet li l-pubblikaturi tagħha jħossu li “m’humiex interessanti.” Bibbja oħra tbiddel kliem jew espressjonijiet li jistgħu joffendu l-qarrejja moderni. Per eżempju, din tipprova togħġob lill-femministi billi lil Alla ssejjaħlu “Missier-Omm.”
Jaħbu l-Isem Divin
Forsi waħda mill-iktar xejriet inkwetanti tinvolvi l-isem persunali t’Alla—Ġeħova. (Xi studjużi jittraduċuh “Jaħweh.”) F’kopji antiki tal-Bibbja, l-isem divin hu rappreżentat minn erbaʼ konsonanti Ebrajċi li jistgħu jiġu tradotti letteralment bħala YHWH jew JĦWH. Dan l-isem li jispikka jidher kważi 7,000 darba fl-hekk imsejjaħ Testment il-Qadim biss. (Eżodu 3:15; Salm 83:18) Għalhekk, jidher ċar li l-Ħallieq tagħna ried li l-aduraturi tiegħu kemm ikunu jafu dan l-isem u kemm jużawh!
Madankollu, sekli ilu, biżaʼ superstizzjuż ġiegħel lil-Lhud jieqfu milli jlissnu l-isem divin. Iktar tard, opinjonijiet superstizzjużi bħal dawn niġġsu wkoll lill-Kristjanità. (Qabbel Atti 20:29, 30; 1 Timotju 4:1.) Saret ħaġa komuni għat-tradutturi tal-Bibbja li minflok l-isem divin iqiegħdu t-titlu “Mulej.” Illum, il-biċċa l-kbira mill-Bibbji jeliminaw l-isem t’Alla għalkollox. Xi Bibbji moderni bl-Ingliż saħansitra jħallu barra r-referenza għall-kelma ‘isem’ fi Ġwanni 17:6, fejn Ġesù jgħid: “Urejt ismek.” It-Today’s English Version tittraduċi dan il-vers: “Għamiltek magħruf.”
Għala hemm min ma jogħġbux l-isem t’Alla? Ikkunsidra l-istqarrijiet li hemm fil-ġurnal Practical Papers for the Bible Translator. (Volum 43, numru 4, 1992) Dan ġie pubblikat mis-Soċjetajiet Magħqudin tal-Bibbja (UBS), li jikkoordinaw ħafna mill-isforzi li jsiru globalment għat-traduzzjoni tal-Bibbja. Artiklu wieħed qal: “Ladarba JĦWH żgur li huwa isem proprju, it-traduzzjoni letterali tkun, fuq il-bażi tal-prinċipju, l-iktar mod loġiku kif għandu jiġi tradott.” Imma l-artiklu wissa: “Però, hemm xi fatti li għandhom jiġu kunsidrati.”
Kemm huma ġustifikati dawn il-“fatti”? Skond dan il-ġurnal, xi studjużi jirraġunaw: “Jekk nintroduċu isem bħal Jaħweh [lil dawk li m’humiex Kristjani], dan jistaʼ jagħti implikazzjoni ħażina . . . , għaliex jissuġġerixxi li ‘Jaħweh’ hu Alla barrani, jew Alla ġdid u mhux magħruf, differenti minn dak l-Alla li diġà jafu.” Però, il-Bibbja tgħallem b’enfasi li Alla Ġeħova hu differenti mill-allat li jqimu dawk li m’humiex Kristjani!—Isaija 43:10-12; 44:8, 9.
Xi studjużi jsostnu li jkunu sempliċement qed isegwu t-tradizzjoni meta minflok l-isem t’Alla jqiegħdu t-titlu “MULEJ.” Imma Ġesù kkundanna l-fatt li wieħed isegwi tradizzjonijiet li jiddiżonoraw lil Alla. (Mattew 15:6) Minbarra dan, l-idea kollha li minflok isem jitpoġġa titlu m’għandhiex bażi fl-Iskrittura. Ġesù Kristu għandu ħafna titli, bħalma huma “l-Kelma t’Alla” u “Sultan tas-slaten.” (Rivelazzjoni 19:11-16) Għandu jitpoġġa wieħed minn dawn it-titli minflok l-isem taʼ Ġesù?
Artiklu ieħor fil-ġurnal li semmejna qabel jiddikjara: “Il-forma ‘Ġeħova’ normalment għandha tiġi evitata.” Għala? “L-istudjużi ġeneralment jemmnu li l-pronunzja oriġinali hija rappreżentata bl-aħjar mod bħala ‘Jaħweh.’” Minkejja dan, ismijiet Bibliċi familjari bħal Ġeremija, Isaija, u Ġesù wkoll jiġu tradotti b’modi li ftit li xejn jixbhu l-pronunzja oriġinali tagħhom bl-Ebrajk (Jirmeja, Jesajaħu, u Jeħosugħa). Ladarba l-forma “Ġeħova” hija mod ġustifikat kif jiġi tradott l-isem divin—u wieħed familjari maʼ ħafna nies—l-oġġezzjonijiet biex ma jintużax ma jidhrux li huma ġenwini. Tabilħaqq, il-fatt li hemm min joqgħod lura milli juża l-isem divin jidher li hu bbażat fuq l-emozzjoni u l-preġudizzju, mhux fuq l-istudji akkademiċi.
Imma din m’hijiex sempliċi kwistjoni akkademika. Per eżempju, konsulent tas-Soċjetajiet Magħqudin tal-Bibbja fl-Indja kiteb dwar il-konsegwenzi li jkun hemm meta l-isem divin jitneħħa minn edizzjonijiet li qabel kien jidher fihom. Hu jammetti: “Il-Ħindu m’humiex interessati fit-titlu t’Alla; huma jridu jkunu jafu l-isem persunali t’Alla, u jekk dawn ma jkunux jafu l-isem ma jistgħux jikkomunikaw maʼ l-Alla li għandu dan l-isem.” Tassew, dan jistaʼ jingħad dwar dawk kollha li jfittxu ’l Alla. Huwa vitali li nkunu nafu l-isem t’Alla biex nifhmuh bħala persuna—xi ħadd li nistgħu nsiru nafuh—u mhux bħala xi forza li m’għandhiex ħajja. (Eżodu 34:6, 7) B’hekk, il-Bibbja tiddikjara: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.” (Rumani 10:13) L-aduraturi huma obbligati li jużaw ismu!
Traduzzjoni li Tonora lil Alla
Għalhekk, lura fl-1950 meta ġiet pubblikata l-ewwel verżjoni bl-Ingliż tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, din kienet ġrajja spiritwali importanti. Matul l-għaxar snin taʼ wara, porzjonijiet taʼ dak li s-soltu jissejjaħ it-Testment il-Qadim, jew l-Iskrittura Ebrajka, ġew pubblikati biċċa biċċa. Fl-1961, il-Bibbja sħiħa bl-Ingliż ħarġet f’volum wieħed. B’mod sinifikanti, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi l-isem divin Ġeħova kull darba fil-kważi 7,000 darba li jidher fit-“Testment il-Qadim.” B’mod partikulari, jispikka l-fatt li l-isem divin reġaʼ tpoġġa fil-237 darba li jidher fit-“Testment il-Ġdid,” jew l-Iskrittura Griega Kristjana.
Il-fatt li dan l-isem reġaʼ tpoġġa mhux biss jonora lil Alla imma wkoll ikabbar il-fehma tagħna. Biex nagħtu eżempju, ħafna traduzzjonijiet jittraduċu Mattew 22:44: “Il-Mulej qal lil Sidi.” Imma min qed ikellem lil min? It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi dan il-vers, “Ġeħova qal lill-Mulej tiegħi,” u b’hekk tikkwota b’mod korrett Salm 110:1. Għalhekk, il-qarrejja jistgħu jagħmlu d-distinzjoni importanti bejn Alla Ġeħova u Ibnu.
Min Jippubblikaha?
It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida hi pubblikata mill-Watch Tower Bible and Tract Society, l-aġenzija legali li tirrappreżenta lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għal iktar minn mitt sena, ix-Xhieda taʼ Ġeħova stampaw u qassmu Bibbji madwar id-dinja kollha. Din il-verżjoni partikulari ġiet preżentata lil grupp taʼ Kristjani magħrufin bħala l-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja tad-Dinja l-Ġdida tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-membri tal-kumitat tant ma ridux jiġbdu l-attenzjoni lejhom infushom li talbu biex jibqgħu anonimi saħansitra wara mewthom.—Qabbel l-1 Korintin 10:31.
Iżda, dan ix-xogħol għala ġie intitolat it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida? Dan irrifletta l-konvinzjoni soda li l-umanità qiegħda “fuq l-għatba tad-dinja l-ġdida” mwiegħda fit-2 Pietru 3:13. Bħalma kiteb il-kumitat stess, matul dan iż-“żmien taʼ bidla mid-dinja l-qadima,” huwa importanti li t-traduzzjonijiet tal-Bibbja jippermettu li “l-verità pura tal-Kelma t’Alla” tiddi.—Ara d-Daħla għall-edizzjoni taʼ l-1950.
Traduzzjoni Eżatta
Minħabba dak li għadna kif semmejna, ngħatat prijorità lill-eżattezza. It-tradutturi taʼ l-edizzjoni bl-Ingliż ħadmu direttament mil-lingwi oriġinali taʼ l-Ebrajk, l-Aramajk, u l-Grieg, u użaw l-aħjar kitbiet disponibbli.a Ukoll, qagħdu attenti iktar mis-soltu biex jittraduċu t-test antik letteralment kemm jistaʼ jkun—imma b’lingwaġġ li jinftiehem faċilment mill-qarrejja taʼ żmienna.
Mhux taʼ b’xejn li xi studjużi faħħru t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida għall-integrità u l-eżattezza tagħha. Il-Professur Benjamin Kedar, studjuż Ebrew f’Israel, qal fl-1989: “Fir-riċerka lingwistika tiegħi b’konnessjoni mal-Bibbja Ebrajka u t-traduzzjonijiet, jien spiss nirreferi għall-edizzjoni bl-Ingliż taʼ dik li hi magħrufa bħala t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Meta nagħmel hekk, jien insib li s-sentiment tiegħi jiġi konfermat ripetutament li dan ix-xogħol jirrifletti ħidma sinċiera biex tinkiseb fehma tat-test li hi eżatta kemm jistaʼ jkun.”
Jagħmlu Edizzjonijiet Oħrajn Disponibbli
Għaldaqstant, b’mod xieraq, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għamlu t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida disponibbli għal dawk li ma jitkellmux bl-Ingliż. Bħalissa hi pubblikata, sħiħa jew partijiet minnha, b’65 lingwa. Biex din il-biċċa xogħol tkun iktar faċli, ġie żviluppat metodu taʼ traduzzjoni tal-Bibbja li jiġbor flimkien l-istudju tal-kliem Bibliku mat-teknoloġija tal-kompjuter. Ukoll, ġie stabbilit dipartiment imsejjaħ Servizzi tat-Traduzzjoni biex jgħin lit-tradutturi. Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova tindokra mill-qrib ix-xogħol tat-traduzzjoni tal-Bibbja permezz tal-Kumitat tal-Kitba tagħha. Imma kif isir eżatt dan ix-xogħol?
L-ewwelnett, jinħatar grupp taʼ Kristjani dedikati biex jaqdi bħala tim tat-traduzzjoni. L-esperjenza wriet li meta t-tradutturi jaħdmu flimkien bħala tim minflok waħedhom, huma jipproduċu traduzzjoni aħjar u iktar bilanċjata. (Qabbel Proverbji 11:14.) Ġeneralment, kull membru tat-tim diġà jkollu l-esperjenza bħala traduttur tal-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Imbagħad, it-tim jingħata taħriġ b’reqqa kbira fil-prinċipji bażiċi tat-traduzzjoni tal-Bibbja u fl-użu tal-programmi tal-kompjuter żviluppati speċjalment għal dan l-għan.
It-tim tat-traduzzjoni jingħata l-istruzzjoni biex jipproduċi Bibbja (1) eżatta, (2) konsistenti, (3) letterali skond kemm tippermetti l-lingwa, iżda (4) faċli biex tinftiehem min-nies komuni. Dan kif isir? Ikkunsidra l-Bibbja li għadha kif ħarġet. It-tim tat-traduzzjoni beda billi għażel il-kliem ekwivalenti bil-Malti għat-termini ewlenin tal-Bibbja li jintużaw fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż. Il-kompjuter ġie programmat biex itellaʼ fuq l-iskrin kliem Bibliku relatat u sinonimu. Ukoll juri l-kliem Ebrajk jew Grieg oriġinali li minnhom ittieħed il-kliem bl-Ingliż sabiex it-traduttur setaʼ jistudja kif dak il-kliem Ebrajk jew Grieg ġie tradott fejn deher drabi oħrajn. Dan kollu kien t’għajnuna kbira biex jintgħażlu t-termini ekwivalenti bil-Malti. Ladarba l-membri tat-tim qablu fuq dan il-kliem, huma bdew jittraduċu l-Bibbja, billi użaw il-kompjuter biex jurihom l-ekwivalenti bil-Malti huma u jaħdmu fuq kull vers.
It-traduzzjoni tfisser ħafna iktar milli sempliċement tissostitwixxi ġabra waħda taʼ kliem m’oħra. Kellu jsir ħafna xogħol biex inkunu ċerti li l-kliem Malti li jintgħażel iwassal il-ħsieb Skritturali korrett f’kull kuntest. Ngħatat attenzjoni wkoll biex inkunu ċerti li l-grammatika u s-sintassi jkunu pjaċevoli u naturali. Ix-xogħol iebes li sar f’dan il-proġett jitkellem għalih innifsu. L-edizzjoni bil-Malti tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tittraduċi l-Kelma t’Alla b’tali mod li tinqara faċilment, li hi ċara u tinftiehem, u leali lejn it-test tal-qedem.
Aħna nħeġġukom biex teżaminaw bir-reqqa għalikom infuskom it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Tistgħu tiksbuha mingħand il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jew mill-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Tistgħu taqrawha b’fiduċja sħiħa li l-kliem t’Alla nnifsu bil-lingwa tagħkom stess ġie tradott fedelment. Bla dubju, malajr se taqblu li l-ħruġ reċenti tagħha bil-lingwa Maltija kien verament ġrajja spiritwali importanti
[Nota taʼ taħt]
a The New Testament in the Original Greek, minn Westcott u Hort serva bħala t-test Grieg bażiku. Il-Biblia Hebraica taʼ R. Kittel kienet it-test bażiku li ntuża għall-Iskrittura Ebrajka.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 21]
Xi Aspetti tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida
Kliem Ċar u li Jinqara Faċilment
Versi Miġburin f’Paragrafi: Minflok ma tpoġġa kull vers f’paragrafu separat, il-versi ġew miġburin f’paragrafi. Dan jgħin lill-qarrej biex isegwi l-iżvilupp tal-ħsieb tal-kittieba Bibliċi.
Titli fin-Naħa taʼ Fuq: Dawn jidhru fin-naħa taʼ fuq tal-maġġuranza tal-paġni, u huma t’għajnuna biex ir-rakkonti Bibliċi jinstabu malajr.
Referenzi Marġinali: Kull paġna fiha referenzi li jidderiġuk għal testi Bibliċi relatati.
Konkordanza: Sezzjoni lejn l-aħħar tal-ktieb hi intitolata “Indiċi taʼ Kliem Bibliku.” Hemm imniżżel taħt xulxin kliem magħżul u l-post fejn jinsab fil-Bibbja, li normalment ikollu miegħu silta qasira li turi l-kuntest.
Appendiċi: Serje t’artikli qosra fuq tagħlim bażiku tal-Bibbja u suġġetti relatati.