Is-6 Profezija. Xogħol taʼ Ppritkar Globali
“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.”—MATTEW 24:14.
● Vaiatea tgħix fuq gżira remota tal-Paċifiku fl-Arċipelagu taʼ Tuamotu. Għalkemm Tuamotu jikkonsisti minn kważi 80 gżira tal-qroll fuq medda taʼ iktar minn 802,900 kilometru kwadru, għandu popolazzjoni taʼ xi 16,000 abitant biss. Madankollu, Vaiatea u l-ġirien tagħha ġew kuntattjati mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala? Għax ix-Xhieda jixtiequ jaqsmu l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla man-nies kollha—jgħixu fejn jgħixu.
X’JURU L-FATTI? Il-messaġġ tas-Saltna qed jilħaq kull rokna tad-dinja. Fl-2010 biss, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu iktar minn 1.6 biljun siegħa jxandru din l-aħbar tajba f’236 pajjiż. Din hi medja taʼ 30 minuta fix-xogħol tal-ippritkar kuljum minn kull Xhud. Matul l-aħħar għaxar snin ipproduċew u qassmu iktar minn 20 biljun pubblikazzjoni bbażati fuq il-Bibbja.
X’INHI OĠĠEZZJONI KOMUNI? Il-messaġġ tal-Bibbja ilu jiġi pritkat eluf taʼ snin.
HIJA VALIDA DIN L-OĠĠEZZJONI? Veru, ħafna ppritkaw xi ħaġa dwar il-messaġġ tal-Bibbja. Madankollu, il-biċċa l-kbira għamlu dan għal perijodu qasir biss u fuq skala limitata. B’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed iwettqu kampanja taʼ ppritkar globali b’mod organizzat li tilħaq mijiet taʼ miljuni taʼ nies. Ix-Xhieda pperseveraw fix-xogħol tal-ippritkar tagħhom minkejja oppożizzjoni ħarxa minn ftit mill-iktar organizzazzjonijiet setgħanin u kefrin fl-istorja tal-bniedem.a (Marku 13:13) Iżjed minn hekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex imħallsin biex jippritkaw. Minflok, minn jeddhom jagħtu mill-ħin tagħhom, u joffru l-letteratura tagħhom mingħajr ħlas. Xogħolhom hu appoġġat kompletament minn kontribuzzjonijiet volontarji.
INT X’TAĦSEB? “L-aħbar tajba tas-saltna,” qed tiġi pritkata madwar id-dinja? It-twettiq taʼ din il-profezija, jistaʼ jfisser li hemm xi ħaġa aħjar fil-futur qarib?
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara t-tliet dokumentarji fuq vidjo “Faithful Under Trials,” “Purple Triangles,” u “Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault,” imqassmin mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 9]
“Sakemm Ġeħova jippermetti, aħna se nkomplu nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna biż-żelu, billi nużaw kull mezz possibbli biex nilħqu lin-nies.”—2010 YEARBOOK OF JEHOVAH’S WITNESSES.