LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 11/15 pp. 31-32
  • ‘Kien l-Aqwa Messaġġ li Qatt Instemaʼ’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Kien l-Aqwa Messaġġ li Qatt Instemaʼ’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 11/15 pp. 31-32

Mill-​arkivji Tagħna

‘Kien l-​Aqwa Messaġġ li Qatt Instemaʼ’

“DAWK x’jaħbtu?” staqsa George Naish, u hu jipponta lejn munzell zkuk twal 18-​il metru li kienu fl-​armerija f’Saskatoon, Saskatchewan, il-​Kanada. Intqallu li l-​injam kien intuża biex inbnew strutturi taʼ komunikazzjoni matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Iktar tard Ħuna Naish irrakkonta: “Ġieni f’rasi li nistgħu nużaw dawn iz-​zkuk biex nibnu antenni sabiex inkunu nistgħu nittrasmettu bir-​radju, u b’hekk nibtet l-​idea għal stazzjon tar-​radju teokratiku.” Sena biss wara—fl-​1924—beda jittrasmetti s-​CHUC. Kien wieħed mill-​ewwel stazzjonijiet tar-​radju li xandru suġġetti reliġjużi fil-​Kanada.

Il-​Kanada, li bejn wieħed u ieħor hi daqs l-​Ewropa, kienet il-​post ideali biex tingħata xhieda bir-​radju. “Grazzi għax-​xandiriet tagħna bir-​radju, il-​verità laħqet lil ħafna nies li ma stajniex nikkuntattjawhom personalment,” tgħid Florence Johnson, li kienet taħdem fl-​istazzjon f’Saskatoon. “U ladarba dak iż-​żmien ir-​radju kien xi ħaġa ġdida, in-​nies kienu ħerqanin biex jisimgħu kwalunkwe ħaġa li tiġi mxandra.” Sal-​1926, l-​Istudenti tal-​Bibbja (kif kienu jissejħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien) kienu qed iħaddmu l-​istazzjonijiet tar-​radju tagħhom stess f’erbat ibliet Kanadiżi.a

X’kont tismaʼ kieku qbadt maʼ waħda minn dawn ix-​xandiriet? Kantanti minn kongregazzjoni lokali spiss kienu jkantaw maʼ xi mużiċist u saħansitra maʼ orkestri żgħar. Naturalment, l-​aħwa kienu jagħtu taħditiet u jikkonduċu diskussjonijiet fuq il-​Bibbja. Amy Jones, li ħadet sehem fid-​diskussjonijiet, qalet, “Waqt li kont inkun fil-​ministeru tal-​għalqa, kont nintroduċi lili nnifsi u xi kultant l-​inkwilin kien jgħidli, ‘Eh, iva, smajtek fuq ir-​radju.’”

Studenti tal-​Bibbja f’Halifax, Nova Scotia, ippreżentaw il-​programm b’mod li kien oriġinali għal dak iż-​żmien. Kienu jitkellmu fuq suġġett u mbagħad jistiednu lis-​semmiegħa jċemplu u jistaqsu mistoqsijiet Bibliċi waqt li jkun qed jixxandar il-​programm. Ħu wieħed kiteb: “Ir-​respons għal dan it-​tip taʼ programm kien enormi. Ma stajniex inlaħħqu mat-​telefonati kollha li kienu jidħlulna.”

Bħal fi żmien l-​appostlu Pawlu, xi nies wieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tal-​Istudenti tal-​Bibbja, u oħrajn le. (Atti 17:1-​5) Xi semmiegħa għoġobhom il-​messaġġ. Pereżempju, meta Hector Marshall semaʼ fuq ir-​radju l-​Istudenti tal-​Bibbja jsemmu l-​kotba Studies in the Scriptures, hu ordna sitt volumi. Iktar tard hu kiteb: “Jien ħsibt li l-​kotba kienu se jgħinuni biex ngħallem il-​katekiżmu nhar taʼ Ħadd.” Madankollu, sakemm qara l-​ewwel volum, Hector iddeċieda li jitlaq mir-​reliġjon tiegħu. Hu sar evanġelizzatur żeluż u baqaʼ jaqdi lil Ġeħova lealment sakemm miet fl-​1998. Fil-​Lvant taʼ Nova Scotia, l-​għada li xxandret it-​taħdita “Is-​Saltna, it-​Tama tad-​Dinja,” il-​Kurunell J.  A. MacDonald qal lil ħu lokali: “In-​nies tal-​Gżira Cape Breton ilbieraħ semgħu messaġġ li kien l-​aqwa wieħed li qatt instemaʼ f’din il-​parti tad-​dinja.”

Min-​naħa l-​oħra, il-​kleru kien mgħaddab. Xi Kattoliċi f’Halifax heddew li jisplodu l-​istazzjon li kien ixandar il-​programmi tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Fl-​1928, imħeġġeġ mill-​mexxejja reliġjużi, il-​gvern bla mistenni ħabbar li mhux se jġedded il-​liċenzji tal-​istazzjonijiet tal-​Istudenti tal-​Bibbja. Bi tweġiba, l-​aħwa qassmu l-​fuljett Who Owns the Air?, li kien fih messaġġ stampat bi protesta kontra din l-​azzjoni inġusta. Minkejja dan, l-​uffiċjali tal-​gvern irrifjutaw li jġeddu l-​liċenzji tax-​xandir tal-​Istudenti tal-​Bibbja.

Il-​grupp żgħir tal-​qaddejja tax-​Xhieda fil-​Kanada, ġew skuraġġiti minħabba dan? “Għall-​ewwel, dehret li kienet rebħa kbira għall-​għadu,” ammettiet Isabel Wainwright. “Imma kont naf li Ġeħova setaʼ jipprevieni dan kieku kien fi qbil mal-​iskop tiegħu. Allura kien ifisser li kellna naġġustaw ruħna għal mod ieħor iktar rimarkevoli biex inxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna.” Minflok ma baqgħu jistrieħu żżejjed fuq ir-​radju sabiex jagħtu xhieda, l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew jiffokaw fuq iż-​żjajjar persunali fid-​djar tan-​nies. Però, fi żmienu, ir-​radju kellu rwol kbir f’li jxandar ‘l-​aqwa messaġġ li qatt instemaʼ.’—Mill-​arkivji tagħna fil-​Kanada.

[Nota ta’ taħt]

a Biex jagħtu xhieda permezz tar-​radju, l-​aħwa fil-​Kanada ħallsu lil stazzjonijiet kummerċjali biex jittrasmettu programmi fuqhom.

[Kumment f’paġna 32]

“Ma stajniex inlaħħqu mat-​telefonati kollha li kienu jidħlulna”

[Stampi f’paġna 32]

(1) Stazzjon f’Edmonton, Alberta (2) Ħu jinnaviga fit-​trasmettitur f’Toronto, Ontario (3) L-​istazzjon CHUC f’Saskatoon, Saskatchewan

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja