SUĠĠETT PRINĊIPALI: ĦAJJA SINIFIKANTI HI POSSIBBLI
Ħajja Sinifikanti Hija Verament Possibbli?
“Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket.” —Salm 90:10, Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija.
KEMM hu minnu dan il-kliem! Il-ħajja f’din id-dinja spiss hi mimlija “taħbit u niket.” Ġieli ħsibt, ‘Huwa possibbli li jkolli ħajja verament sinifikanti issa?’
Pereżempju, ikkunsidra lil Maria. Hi dejjem kienet persuna attiva, imma issa, fl-għomor taʼ 84 sena, ma tistax toħroġ mid-dar waħedha. Mentalment għadha attiva, imma milli jidher ġisimha m’għadux. Kif jistaʼ jkun li hi tħoss li ħajja bħal din hi sinifikanti?
Xi ngħidu għalik? Forsi xi darba staqsejt lilek innifsek jekk il-ħajja tiegħek hix sinifikanti. Xogħlok għandu mnejn hu ripetittiv, jgħejjik, u tedjanti. L-isforzi jew ix-xogħol tiegħek għandu mnejn ma jkunx apprezzat. Anke jekk ikollok xi ftit tas-suċċess, xorta forsi tinkwieta dwar x’jistaʼ jiġri fil-futur. Xi drabi tistaʼ tħossok waħdek jew dipress. Il-ħajja tal-familja tiegħek tistaʼ tkun mimlija problemi u ġlied. Forsi tlift lil xi ħadd maħbub. Raġel jismu André kien ħaġa waħda maʼ missieru, li ħabta u sabta marad u miet. Għal André, din kienet daqqa taʼ ħarta u jħoss li qatt ma se jirkupra mix-xokk u d-dwejjaq.
Minkejja l-problemi li nistgħu nħabbtu wiċċna magħhom, hemm xi ħaġa li jeħtieġ li nkunu nafuha: Ħajja sinifikanti hija verament possibbli? Nistgħu nsibu t-tweġiba fil-ħajja taʼ raġel li għex fuq l-art xi 2,000 sena ilu—Ġesù Kristu. Minkejja l-ostakli kollha li ffaċċja, Ġesù kellu verament ħajja sinifikanti. Anki ħajjitna tistaʼ tkun hekk jekk insegwu l-eżempju tiegħu.