Ġesù—Is-Sigriet Għal Ħajja Sinifikanti
KELLU Ġesù verament ħajja sinifikanti? Milli jidher, hu ma trabbiex fil-lussu u matul ħajtu ma kellux ħafna affarijiet materjali. Fil-fatt, ma kellu “mkien fejn imidd rasu.” (Luqa 9:57, 58) Barra minn hekk, kien malafamat, mibgħud, u fl-aħħar ġie maqtul mill-għedewwa tiegħu.
Għandek mnejn tirraġuna, ‘Jien ma nqisx ħajja bħal dik waħda sinifikanti!’ Imma hemm affarijiet oħra fil-ħajja taʼ Ġesù li nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw. Ejja neżaminaw erbaʼ aspetti mill-ħajja tiegħu.
1. ĠESÙ KELLU SKOP F’ĦAJTU —LI JAGĦMEL IR-RIEDA T’ALLA.
“L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 4:34.
Bi kliemu u b’għemilu, Ġesù fittex li jwettaq ir-rieda taʼ Missieru tas-sema, Ġeħova.a Kienet l-hena taʼ Ġesù li jagħmel ir-rieda t’Alla. Hu qabbel dan mal-ikel, bħalma jidher fl-iskrittura li għadha kif ġiet ikkwotata. Ikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom għamel dan ix-xebh.
Kien għall-ħabta taʼ nofsinhar li Ġesù lissen dan il-kliem. (Ġwanni 4:6) Kien ilu minn filgħodu għaddej mill-għoljiet tas-Samarija bil-mixi, u bla dubju kellu l-ġuħ. Fil-fatt, id-dixxipli tiegħu kienu ħeġġewh: “Rabbi, kul.” (Ġwanni 4:31) Bit-tweġiba tiegħu, Ġesù wera li hu verament kien iħossu sostnut u msaħħaħ għax kien jagħmel ix-xogħol li tah Alla. Ma taħsibx li raġel bħal dan kellu ħajja sinifikanti?
2. ĠESÙ KELLU MĦABBA INTENSA GĦAL MISSIERU.
“Jien inħobb lill-Missier.”—Ġwanni 14:31.
Ġesù kellu relazzjoni mill-qrib ħafna maʼ Missieru fis-sema. L-imħabba profonda taʼ Ġesù qanqlitu biex jagħmel magħruf lil Missieru—l-isem, l-iskopijiet, u l-kwalitajiet Tiegħu. Bi kliemu, b’għemilu, u bl-attitudni tiegħu, Ġesù rrifletta perfettament lil Missieru—sal-punt li meta naqraw dwar Ġesù, hu bħallikieku qed naqraw dwar Missieru. B’hekk, meta Filippu staqsa lil Ġesù: “Urina l-Missier,” Ġesù wieġbu: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.”—Ġwanni 14:8, 9.
Ġesù tant ħabb lil Missieru li kien lest li jobdih sal-mewt. (Filippin 2:7, 8; 1 Ġwanni 5:3) Imħabba intensa bħal din għal Alla għamlet il-ħajja taʼ Ġesù waħda sinifikanti ferm.
3. ĠESÙ ĦABB LIN-NIES.
“Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” —Ġwanni 15:13.
Ngħiduha kif inhi, il-prospetti għall-ħajja futura tagħna bħala bnedmin imperfetti ma tantx jidhru sbieħ. Il-Bibbja tispjega: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Waħedna ma nistgħux naħarbu mill-konsegwenzi tad-dnub, jiġifieri l-mewt.—Rumani 6:23.
Fortunatament, Ġeħova bi mħabba pprovda soluzzjoni għas-sitwazzjoni tal-umanità. Hu ppermetta lil Ibnu li kien perfett u bla dnub, li sar magħruf bħala Ġesù, biex isofri u jmut sabiex jipprovdi l-fidwa meħtieġa biex jeħles lill-umanità mill-jasar tad-dnub u l-mewt. Imqanqal mill-imħabba għal Missieru u għan-nies, Ġesù minn rajh obda u ta l-ħajja perfetta tiegħu għalina. (Rumani 5:6-8) Imħabba bħal din għamlet il-ħajja tiegħu waħda sinifikanti.b
4. ĠESÙ KIEN JAF LI KELLU L-IMĦABBA U L-APPROVAZZJONI TAʼ MISSIERU.
“Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mattew 3:17.
Ġeħova qal dan il-kliem mis-sema meta tgħammed Ġesù. B’hekk, Ġeħova esprima bil-miftuħ l-imħabba u l-approvazzjoni tiegħu għal Ibnu, Ġesù. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù setaʼ jgħid b’wiċċu minn quddiem: ‘Missieri jħobbni’! (Ġwanni 10:17) Peress li kien jaf li Missieru kien iħobbu u japprovah, Ġesù rabba l-kuraġġ biex jissaporti l-oppożizzjoni u l-kritika. Din l-imħabba u l-approvazzjoni saħansitra għenu lil Ġesù jiffaċċja l-mewt. (Ġwanni 10:18) Minħabba li Ġesù kien jaf li kellu l-imħabba u l-approvazzjoni taʼ Missieru stess, bla dubju ħajtu kienet saħansitra iktar sinifikanti.
Ċertament, Ġesù kellu ħajja sinifikanti. Bla dubju, nistgħu nitgħallmu ħafna minnu dwar kif nistgħu ngħixu ħajja verament sinifikanti. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra xi pariri li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu dwar kif kellhom jgħixu.
a Ġeħova hu l-isem t’Alla bħalma jidher fil-Bibbja.
b Biex titgħallem iktar dwar il-valur tal-fidwa tal-mewt taʼ Ġesù, ara kapitlu 5 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.