GĦALLEM LIL ULIEDEK
Pietru u Ananija Gidbu—X’Lezzjoni Nistgħu Nitgħallmu?
Bħalma taf, gidba hi meta tgħid xi ħaġa li tkun taf li mhix vera. Ġieli għedt xi gidba?—a Anki xi adulti li jħobbu lil Alla gidbu. Int forsi taf dwar xi ħadd fil-Bibbja li għamel dan. Fost dawn kien hemm Pietru, wieħed mit-12-il appostlu taʼ Ġesù. Ejja nisimgħu l-istorja dwar għala gideb.
Wara li Ġesù jiġi arrestat, hu jittieħed lejn id-dar tal-qassis il-kbir. Diġà qabeż sew nofs il-lejl. Pietru jidħol fil-bitħa tad-dar tal-qassis mingħajr ħadd ma jagħrfu. Fid-dawl tal-ħuġġieġa, il-qaddejja tal-qassis il-kbir li daħħlet lil Pietru tagħrfu u tgħidlu: “Int ukoll kont maʼ Ġesù.” Bil-biżaʼ, Pietru jgħid li ma kienx.
Il-Bibbja tgħid li iktar tard “ratu oħra.” Hi qalet: “Dan ir-raġel kien maʼ Ġesù.” Pietru jerġaʼ jiċħad. Wara ftit, oħrajn jersqu fuq Pietru u jgħidulu: “Żgur li int ukoll wieħed minnhom.”
Pietru jitwerwer. Għalhekk, għat-tielet darba hu jigdeb, u jgħid: “Ma nafux lil dak ir-raġel!” Jinstemaʼ serduq jidden. Ġesù jħares lejn Pietru, u Pietru jiftakar li ftit sigħat qabel, Ġesù kien qallu: “Qabel ma jidden is-serduq, int tiċħadni tliet darbiet.” Pietru ma jiflaħx iktar u jinfaqaʼ jibki. Kemm jiddispjaċih!
Tistaʼ xi ħaġa bħal din tiġri lilek?— Forsi tkun l-iskola u tismaʼ xi studenti jitkellmu dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Xi ħadd jgħid: “Dawk ma jkantawx l-Innu Malti.” Ieħor iżid: “Lanqas jiċċelebraw għeluq sninhom.” Jerġaʼ xi ħaddieħor jgħid: “Lanqas biss jemmnu f’Ġesù għax ma jiċċelebrawx il-Milied.” Imbagħad xi ħadd idur fuqek u jistaqsik, “Int mhux Xhud taʼ Ġeħova?” Int x’se twieġeb?—
Biex twieġeb tajjeb jeħtieġ li tkun preparat qabel ma tiġri xi ħaġa bħal din. Pietru ma kienx preparat. Meta saritlu pressjoni, gideb! Iżda hu ddispjaċieh ħafna għal dak li għamel, u Alla ħafirlu.
Dixxiplu ieħor taʼ Ġesù jismu Ananija wkoll gideb. Imma Alla la ħafer lilu u lanqas lil martu, Safira. Hi kienet qablet maʼ żewġha li jgħidu gidba. Ejja naraw għala Alla ma ħafirx lil Ananija u lil Safira.
Għaxart ijiem wara li Ġesù ħalla lill-appostli u mar lura fis-sema ħdejn Alla, f’Ġerusalemm tgħammdu madwar 3,000 ruħ. Ħafna minnhom ġew minn pajjiżi ’l bogħod biex jiċċelebraw il-Festa taʼ Pentekoste. Wara li saru dixxipli taʼ Ġesù, riedu jibqgħu hemmhekk biex jitgħallmu iktar dwar it-twemmin il-ġdid tagħhom. Għalhekk, xi dixxipli taʼ Ġesù jużaw flushom stess biex jieħdu ħsiebhom.
Ananija u martu jbigħu xi proprjetà biex jaqilgħu l-flus ħalli jgħinu lil dawk li għadhom kif tgħammdu. Meta Ananija jġib il-flus lill-appostli, hu jgħidilhom li dan hu l-ammont kollu li daħħal mill-bejgħ. Imma ma kienx hekk! Hu jżomm xi flus għalih! Alla jirrivela dan lil Pietru, u b’hekk Pietru jgħid lil Ananija: “Int mhux bil-bnedmin qarraqt, imma b’Alla.” Malli jismaʼ dan, Ananija jaqaʼ u jmut! Wara xi tliet sigħat tidħol martu. Mingħajr ma taf xi ġralu r-raġel tagħha, hi wkoll tigdeb u taqaʼ u tmut.
X’lezzjoni qawwija hija din! Hu importanti li tgħid il-verità! Iva, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu dan! Iżda, aħna lkoll niżbaljaw, speċjalment meta nkunu għadna żgħar. M’intix ferħan li Ġeħova jħobbok u li se jaħfirlek bħalma ħafer lil Pietru?— Imma ftakar, jeħtieġ li ngħidu l-verità. U jekk xi darba nagħmlu l-iżball kbir li nigdbu, jeħtieġ li nitolbu, iva, nitolbu bil-ħniena lil Alla biex jaħfrilna. Pietru bilfors li hekk għamel, u Alla ħafirlu. Jekk nagħmlu ħilitna biex ma nkomplux nigdbu, Alla se jaħfer lilna wkoll!
Aqra mill-Bibbja Tiegħek
a Jekk qed taqra mat-tfal, is-sing twil qiegħed hemm biex ifakkrek li għandek tieqaf u tinkuraġġixxi lit-tfal jesprimu ruħhom.