2 Samwel
20 Issa hemmhekk kien hemm raġel li ma kien tajjeb għal xejn+ u li kien jismu Xeba,+ bin Bikri, Benjamini; u daqq il-qarn+ u qal: “M’għandniex x’naqsmu maʼ David, u m’għandna ebda wirt maʼ bin Ġesse.+ Kull wieħed għal allatu,+ O Israel!” 2 Minħabba f’hekk l-irġiel kollha taʼ Israel bdew jitilqu milli jsegwu lil David biex isegwu lil Xeba, bin Bikri;+ imma l-irġiel taʼ Ġuda baqgħu mqabbdin mas-sultan tagħhom mill-Ġordan sa Ġerusalemm.+
3 U David wasal f’daru f’Ġerusalemm.+ Imbagħad is-sultan ħa l-għaxar nisa,+ il-konkubini li kien ħalla warajh biex jieħdu ħsieb id-dar, u qegħedhom f’dar mgħassa, imma baqaʼ jipprovdilhom l-ikel. U ma kellux x’jaqsam magħhom,+ imma baqgħu magħluqin sa dakinhar li mietu, romol b’żewġhom ħaj.
4 Is-sultan issa qal lil Għamasa:+ “Sejjaħ lill-irġiel taʼ Ġuda flimkien għandi fi żmien tlett ijiem, u int oqgħod hawnhekk.” 5 Għalhekk, Għamasa mar isejjaħ lill-irġiel taʼ Ġuda flimkien; imma ġie iktar tard miż-żmien iffissat li kien stabbilixxa għalih. 6 Imbagħad David qal lil Abisaj:+ “Issa Xeba,+ bin Bikri, ikun agħar għalina minn Absalom.+ Int stess ħu l-qaddejja+ taʼ sidek u mur iġri warajh, li ma jmurx jieħu taħt idejh bliet fortifikati u jaħrab quddiem għajnejna.” 7 Għaldaqstant, l-irġiel taʼ Ġowab+ u l-Keretin+ u l-Peletin+ u l-irġiel setgħanin kollha ħarġu għal warajh; u ħarġu minn Ġerusalemm biex jiġru wara Xeba, bin Bikri. 8 Huma kienu qrib il-ġebla l-kbira li qiegħda f’Gibegħon,+ u Għamasa+ mar jiltaqaʼ magħhom. Issa Ġowab kien liebes libsa u ħżiem; u fuqu kellu mħażżem sejf marbut maʼ qaddu, fl-għant tiegħu. U hu mexa ’l quddiem, u s-sejf waqagħlu.
9 U Ġowab qal lil Għamasa: “Kollox sew int, ħija?”+ Imbagħad Ġowab b’idu l-leminija qabad id-daqna t’Għamasa sabiex ibusu.+ 10 U Għamasa ma qagħadx attent għas-sejf li kellu f’idu Ġowab; għalhekk, dan darbu+ bih f’żaqqu, u msarnu xterdu maʼ l-art, u ma kellux għalfejn jerġaʼ jagħtih daqqa oħra, għax kien qed imut. U Ġowab u ħuh Abisaj, min-naħa tagħhom, marru jiġru wara Xeba, bin Bikri.
11 U wieħed miż-żgħażagħ taʼ Ġowab qagħad ħdejh u beda jgħid: “Kulmin hu kuntent b’Ġowab u kulmin hu taʼ David,+ ħa jsegwi lil Ġowab!” 12 Sadanittant, Għamasa kien mgħarraq fid-demm+ f’nofs it-triq ewlenija. Meta r-raġel ra li n-nies kollha baqgħu weqfin, imbagħad warrab lil Għamasa mit-triq ewlenija u qiegħdu fl-għalqa. Fl-aħħar tefaʼ libsa fuqu, għax ra li kulmin kien jasal ħdejh, kien jieqaf hemmhekk.+ 13 Malli neħħieh mit-triq ewlenija, kull raġel kien jibqaʼ għaddej biex isegwi lil Ġowab ħalli jiġri wara Xeba,+ bin Bikri.
14 U Xeba għadda minn ġot-tribujiet kollha taʼ Israel lejn Abel taʼ Bet-magħka.+ U l-Bikrin kollha mbagħad inġemgħu flimkien u daħlu wkoll warajh.
15 U n-nies taʼ Ġowab ġew u assedjawh f’Abel taʼ Bet-magħka u waqqfu rampa biex jassedjaw il-belt,+ għax din kienet imdawra bir-rampa tagħha. U n-nies kollha li kienu maʼ Ġowab kienu qed idgħajfu s-sur minn taħt, biex iġarrfuh. 16 U mara għaqlija+ bdiet tgħajjat mill-belt: “Isimgħu, irġiel, isimgħu! Għidu, jekk jogħġobkom, lil Ġowab, ‘Ersaq qrib s’hawnhekk ħalli nkellmek.’” 17 Għalhekk, hu mar ħdejha, u l-mara mbagħad qaltlu: “Int Ġowab?” u hu wieġeb: “Jien hu.” Għal dan, hi qaltlu: “Ismaʼ minn kliem l-ilsira tiegħek.”+ Imbagħad hu qalilha: “Qed nismaʼ.” 18 U hi ssoktat tgħidlu: “Qabel dejjem hekk kienu jitkellmu u jgħidu, ‘Ħallihom ħa jistħarrġu f’Abel, u b’hekk żgur li jtemmu l-kwistjoni.’ 19 Jien nirrappreżenta lin-nies taʼ Israel li jġibu l-paċi+ u li huma leali.+ Int qed tipprova toqtol belt+ u omm f’Israel. Għala għandek tiblaʼ+ l-wirt+ taʼ Ġeħova?” 20 Għal dan, Ġowab wieġeb u qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi, min-naħa tiegħi, li għandi niblaʼ u li għandi neqred. 21 Il-kwistjoni mhix hekk, imma raġel, mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm,+ li jismu Xeba,+ bin Bikri, għolla idu kontra s-Sultan David.+ Intom agħtuhuli waħdu,+ u jien nirtira mill-belt.”+ Imbagħad il-mara qalet lil Ġowab: “Ara! Rasu+ nixħithielek minn fuq is-sur!”
22 Minnufih il-mara bl-għerf tagħha+ marret u kellmet lin-nies kollha, u dawn qatgħu ras Xeba, bin Bikri, u xeħtuha lil Ġowab. Minħabba f’hekk, hu daqq il-qarn,+ u b’hekk xterdu mill-belt, kull wieħed lejn daru; u Ġowab reġaʼ lura lejn Ġerusalemm għand is-sultan.
23 U Ġowab kien fuq l-armata kollha+ taʼ Israel; u Benaja,+ bin Ġeħojada,+ kien fuq il-Keretin+ u fuq il-Peletin.+ 24 U Adoram+ kien fuq dawk miktubin għal xogħol forzat; u Ġeħosafat,+ bin Aħilud, kien ir-reġistratur. 25 U Sewa+ kien is-segretarju,+ u Sadok+ u Abjatar+ kienu qassisin. 26 U Ira l-Ġajiri wkoll sar uffiċjal ewlieni*+ taʼ David.