2 Samwel
9 U David qal: “Għad fadal xi ħadd mid-dar taʼ Sawl, sabiex nuri qalb tajba bl-imħabba+ miegħu minħabba Ġonatan?”+ 2 Issa mid-dar taʼ Sawl kien hemm qaddej li kien jismu Siba.+ Għalhekk, sejħulu biex imur għand David, u s-sultan qallu: “Int Siba?” u dan wieġbu: “Jien il-qaddej tiegħek.” 3 U s-sultan issokta jistaqsih: “M’għad hemm ħadd iktar mid-dar taʼ Sawl, sabiex nuri l-qalb tajba bl-imħabba t’Alla miegħu?”+ Għal dan, Siba wieġeb lis-sultan: “Għad hemm iben taʼ Ġonatan, zopp minn saqajh.”+ 4 Imbagħad is-sultan qallu: “Fejn hu?” Għalhekk, Siba wieġeb lis-sultan: “Ara! Qiegħed fid-dar taʼ Makir,+ bin Għammijel, f’Lo-debar.”+
5 Minnufih is-Sultan David bagħat u ġabu mid-dar taʼ Makir, bin Għammijel, f’Lo-debar. 6 Meta Mefiboset, bin Ġonatan, bin Sawl, daħal għand David, hu minnufih waqaʼ u nxteħet wiċċu fl-art.+ Imbagħad David qallu: “Mefiboset!” u dan wieġbu: “Hawn hu l-qaddej tiegħek.” 7 U David issokta jgħidlu: “Tibżax, għax jien żgur li se nuri qalb tajba bl-imħabba+ miegħek minħabba missierek Ġonatan;+ u rrid irroddlok ir-rabaʼ kollu+ taʼ nannuk Sawl, u int tiekol il-ħobż dejjem mill-mejda tiegħi.”+
8 Għal dan, hu nxteħet fl-art u qallu: “X’inhu l-qaddej tiegħek, biex int dawwart wiċċek lejn kelb mejjet+ bħali?” 9 Is-sultan issa sejjaħ lil Siba, il-qaddej taʼ Sawl, u qallu: “Kulma kien taʼ Sawl u taʼ daru kollha nagħtih+ lin-neputi taʼ sidek. 10 U int aħdimlu l-art, int u wliedek u l-qaddejja tiegħek, u agħmel il-ġbir, u dan iservi bħala ikel għal dawk li huma tan-neputi taʼ sidek, u huma jieklu; imma Mefiboset innifsu, in-neputi taʼ sidek, jiekol il-ħobż dejjem mill-mejda tiegħi.”+
Issa Siba kellu ħmistax-il tifel u għoxrin qaddej.+ 11 Għalhekk, Siba qal lis-sultan: “Skond kulma sidi s-sultan jikkmanda lill-qaddej tiegħu, hekk jagħmel il-qaddej tiegħek; imma Mefiboset+ jiekol mill-mejda tiegħi* bħal wieħed minn ulied is-sultan.” 12 Issa Mefiboset kellu tifel żgħir jismu Mika,+ u dawk kollha li kienu jgħammru fid-dar taʼ Siba kienu qaddejja taʼ Mefiboset. 13 U Mefiboset kien qed jgħammar f’Ġerusalemm, għax kien qed jiekol dejjem mill-mejda tas-sultan;+ u hu kien zopp minn saqajh it-tnejn.+