Ester
5 U ġara li fit-tielet jum+ Ester libset l-ilbies irjali.+ Imbagħad waqfet fil-bitħa+ taʼ ġewwa taʼ dar is-sultan faċċata taʼ dar is-sultan. Sadanittant is-sultan kien bil-qiegħda fuq it-tron irjali tiegħu fid-dar irjali faċċata tad-daħla tad-dar. 2 U ġara li, malli s-sultan ra lis-Sultana Ester wieqfa fil-bitħa, ħa pjaċir+ biha, u għalhekk is-sultan medd ix-xettru tad-deheb+ li kellu f’idu lejn Ester. Imbagħad Ester resqet u messet ras ix-xettru.
3 U s-sultan qalilha: “X’għandek, O Sultana Ester, u xi trid?+ Anki sa nofs is-saltna+ nagħtik!” 4 Imbagħad Ester qalet: “Jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb, ħa jiġi llum is-sultan maʼ Ħaman+ għall-ikla kbira+ li għamiltlu.” 5 Għaldaqstant is-sultan qal: “Morru għidu lil Ħaman biex jagħmel malajr+ kif qalet Ester.” Iktar tard is-sultan u Ħaman ġew għall-ikla kbira li għamlet Ester.
6 Matul il-festa taʼ l-inbid is-sultan qal lil Ester: “X’inhu dak li qed titlob?+ U jingħatalek! Xi trid? Anki sa nofs is-saltna lest li nagħtik!” 7 Għal dan Ester wieġbet u qalet: “Li qed nitlob u li rrid hu dan, 8 Jekk għoġobt lis-sultan,+ u jekk is-sultan jidhirlu li hu tajjeb li jagħtini dak li rrid u jagħmel dak li nitlob, ħa jiġu għada s-sultan u Ħaman għall-ikla kbira li se nagħmlilhom, u għada nagħmel skond il-kelma tas-sultan.”+
9 Minħabba f’hekk, Ħaman dakinhar ħareġ kuntent+ u b’qalbu ferħana; imma malli lemaħ lil Mordekaj f’bieb is-sultan+ u ra li dan ma qamx+ u ma trigħedx minħabba fih,+ Ħaman mill-ewwel imtela bir-rabja+ għal Mordekaj. 10 Madankollu, Ħaman ikkontrolla ruħu u daħal f’daru. Imbagħad bagħat isejjaħ lil ħbiebu u lil martu Żeres;+ 11 u Ħaman qagħad jgħidilhom bil-glorja tar-rikkezzi+ tiegħu u bil-ħafna wlied+ li kellu. Qalilhom ukoll b’dak kollu li għamel is-sultan biex jagħtih unur akbar u kif eżaltah fuq il-prinċpijiet u l-qaddejja tas-sultan.+
12 U Ħaman kompla jgħid: “Iżjed minn hekk, is-Sultana Ester ma daħħlet lil ħadd ħliefi+ mas-sultan għall-ikla kbira li għamlet, u għada+ rġajt mistieden għandha mas-sultan. 13 Imma minkejja dan kollu, m’iniex kuntent sakemm nibqaʼ nara lil Mordekaj il-Lhudi bil-qiegħda f’bieb is-sultan.” 14 Għal dan, martu Żeres u ħbiebu kollha qalulu: “Ħa jagħmlu zokk+ għoli ħamsin kubitu. U fil-għodu+ għid lis-sultan li għandhom idendlu lil Mordekaj maz-zokk.+ Imbagħad mur ferħan mas-sultan għall-ikla.” U din il-ħaġa għoġbitu+ lil Ħaman, u ħa ħsieb li jitlesta z-zokk.+