Eżodu
10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun, għaliex jien—jien ma ħallejtx lil qalbu u lil qlub il-qaddejja tiegħu jitqanqlu,+ sabiex inqiegħed dawn is-sinjali tiegħi quddiemu,+ 2 u sabiex int ixxandar f’widnejn ibnek u bin ibnek kemm jien aġixxejt bl-aħrax maʼ l-Eġittu kif ukoll is-sinjali tiegħi li stabbilejt fosthom;+ u intom tkunu tafu li jien Ġeħova.”+
3 Għalhekk, Mosè u Aron daħlu għand il-Fargħun u qalulu: “Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-Ebrej, ‘Kemm se ddum tirrifjuta li tissottometti ruħek lejja?+ Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqdu lili. 4 Għax jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom, għada nġib il-ġurati ’l ġewwa mill-fruntieri tiegħek.+ 5 U jiksu wiċċ l-art u ma tkunx tistaʼ tara l-art; u dawn jieklu l-bqija li ma nqeridx, dak li ħallielkom is-silġ, u jieklu kull siġra li tinbtilkom fir-rabaʼ.+ 6 U djarek u djar il-qaddejja tiegħek kollha u djar l-Eġittu kollu tant se jimtlew bihom li la missirijietek u lanqas missirijiet missirijietek ma rawh dan minn kemm ilhom jeżistu fuq l-art sa dan il-jum.’”+ Imbagħad dar u ħareġ mingħand il-Fargħun.+
7 Imbagħad il-qaddejja tal-Fargħun qalulu: “Dan ir-raġel kemm se jdum ikun taʼ nassa għalina?+ Ibgħat lin-nies sabiex jaqdu lil Ġeħova Alla tagħhom. Għadek ma indunajtx li l-Eġittu nqered?”+ 8 Għalhekk, Mosè u Aron inġiebu lura għand il-Fargħun, u dan qalilhom: “Morru, aqdu lil Ġeħova Alla tagħkom.+ Eżattament, min huma dawk li sejrin?” 9 Wieġeb Mosè: “Se mmorru biż-żgħażagħ tagħna u bix-xjuħ tagħna. Se mmorru b’uliedna subien u bniet,+ bin-nagħaġ tagħna u l-baqar tagħna,+ għax irridu nagħmlu festa lil Ġeħova.”+ 10 Hu qalilhom: “Ħa jkun hekk, jekk qatt nibgħat lilkom u liċ-ċkejknin tagħkom, imbagħad tabilħaqq li Ġeħova jkun magħkom!+ Ara, għall-kuntrarju, xi ħaġa ħażina għandkom f’moħħkom.+ 11 Mhux hekk! Morru issa, intom l-irġiel b’saħħitkom biss, u aqdu lil Ġeħova, għax dan qed tipprovaw tagħmlu.” U tkeċċew ’il barra minn quddiem il-Fargħun.+
12 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Midd+ idek fuq l-art taʼ l-Eġittu għall-ġurati, biex jitilgħu fuq l-art taʼ l-Eġittu u jieklu l-ħxejjex kollha taʼ l-art, kulma tħalla mis-silġ.”+ 13 Mosè minnufih medd il-ħatar tiegħu fuq l-art taʼ l-Eġittu, u Ġeħova qajjem riħ mil-lvant+ biex jonfoħ fuq l-art dak il-jum kollu u l-lejl kollu. Sebaħ fil-għodu u r-riħ mil-lvant ġarr il-ġurati. 14 U l-ġurati telgħu fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu u qagħdu fuq it-territorju kollu taʼ l-Eġittu.+ Kienu għadd kbir ħafna.+ Qabilhom qatt ma kienu dehru b’dan il-mod ġurati bħalhom, u qatt ma se jidhru b’dan il-mod warajhom. 15 U ksew il-wiċċ taʼ l-art kollha,+ u l-art iddallmet;+ u kielu l-ħaxix kollu taʼ l-art u l-frott kollu tas-siġar li kien tħalla mis-silġ;+ u ma ħallew xejn aħdar fuq is-siġar jew fuq l-uċuħ tar-rabaʼ fl-art kollha taʼ l-Eġittu.+
16 Għalhekk, il-Fargħun sejjaħ malajr lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Dnibt kontra Ġeħova Alla tagħkom u kontrikom.+ 17 U issa, jekk jogħġobkom, aħfruli+ dnubi din id-darba biss u itolbu bil-ħrara+ lil Ġeħova Alla tagħkom sabiex ibiegħed minn fuqi dan il-kastig li jġib il-mewt.” 18 Għalhekk, hu ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħrara lil Ġeħova.+ 19 Imbagħad Ġeħova dawwar ir-riħ f’wieħed qawwi ferm mill-punent, u dan ġarr il-ġurati u kaxkarhom għal ġol-Baħar l-Aħmar. Lanqas ġurat wieħed ma tħalla fit-territorju kollu taʼ l-Eġittu. 20 Madankollu, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes qalbu,+ u dan ma bagħathomx lil ulied Israel.
21 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè: “Midd idek lejn is-smewwiet,+ sabiex ikun hemm id-dlam fuq l-art taʼ l-Eġittu u d-dlam ikun jistaʼ jinħass.” 22 Mosè minnufih medd idu lejn is-smewwiet, u waqaʼ dlam ċappa fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu għal tlett ijiem.+ 23 Ma kinux jaraw lil xulxin, u ħadd minnhom ma qam minn postu għal tlett ijiem; imma għall-ulied kollha taʼ Israel kien hemm id-dawl fejn kienu jgħammru huma.+ 24 Imbagħad il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u qallu: “Morru, aqdu lil Ġeħova.+ Jitħallew biss in-nagħaġ tagħkom u l-baqar tagħkom. Iċ-ċkejknin tagħkom jistgħu jiġu magħkom ukoll.”+ 25 Imma Mosè qallu: “Int tagħtina wkoll f’idejna sagrifiċċji u offerti tal-ħruq, għax irridu nagħtuhom lil Ġeħova Alla tagħna.+ 26 U l-bhejjem tagħna jiġu magħna wkoll.+ Lanqas difer wieħed ma jibqaʼ, għaliex minnhom irridu nieħdu ftit biex inqimu lil Ġeħova Alla tagħna,+ u aħna ma nafux x’se nagħtuh fil-qima lil Ġeħova qabel ma naslu hemmhekk.”+ 27 Għal dan, Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes qalbu, u dan ma qabilx li jibgħathom.+ 28 Għalhekk, il-Fargħun qallu: “Oħroġ ’il barra minn quddiemi!+ Oqgħod attent! Tipprovax terġaʼ tara ’l wiċċi, għaliex dakinhar li tara ’l wiċċi tmut.”+ 29 Għal dan, Mosè qallu: “Kif għedt int. M’iniex se nipprova nara ’l wiċċek iktar.”+