Eżodu
11 U Ġeħova qal lil Mosè: “Kastig ieħor se nġib fuq il-Fargħun u l-Eġittu. Imbagħad jibgħatkom minn hawnhekk.+ Meta jibgħatkom għalkollox, letteralment ikeċċikom ’il barra minn hawnhekk.+ 2 Kellem, issa, lin-nies biex jisimgħuk, sabiex kull raġel jitlob mingħand sieħbu u kull mara titlob mingħand seħbitha oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb.”+ 3 Għaldaqstant, Ġeħova lin-nies tahom li jsibu l-ħniena f’għajnejn l-Eġizzjani.+ Ukoll, fl-art taʼ l-Eġittu r-raġel Mosè kien kbir ħafna f’għajnejn il-qaddejja tal-Fargħun u f’għajnejn in-nies.+
4 U Mosè ssokta jgħid: “Hekk qal Ġeħova, ‘Għal xi nofsillejl se noħroġ f’nofs l-Eġittu,+ 5 u kull l-ewwel imwieled+ fl-art taʼ l-Eġittu se jmut, mill-ewwel imwieled tal-Fargħun, li qiegħed fuq it-tron tiegħu, sa l-ewwel imwieled tal-qaddejja, li qed iddawwar il-mitħna, u kull l-ewwel imwieled tal-bhejjem.+ 6 U jkun hemm għajat kbir fl-art kollha taʼ l-Eġittu, li bħalu la qatt kien hawn, u lanqas qatt ikun hawn.+ 7 Imma għal ebda wieħed minn ulied Israel ma jinbaħ kelb, la għall-bniedem u lanqas għall-bhima;+ sabiex intom tkunu tafu li Ġeħova jistaʼ jagħmel distinzjoni bejn l-Eġizzjani u wlied Israel.’+ 8 U dawn il-qaddejja kollha tiegħek żgur li se jinżlu għandi u jinxteħtu fl-art quddiemi+ u jgħidu, ‘Mur, int u l-poplu kollu li jimxi warajk.’ U wara dan noħroġ jien.” Imbagħad ħareġ mingħand il-Fargħun b’saħna kbira fuqu.
9 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Il-Fargħun mhux se jagħtikom widen,+ sabiex il-mirakli tiegħi jiżdiedu fl-art taʼ l-Eġittu.”+ 10 U Mosè u Aron wettqu dawn il-mirakli kollha quddiem il-Fargħun;+ imma Ġeħova kien iħalli lill-Fargħun iwebbes qalbu, u b’hekk dan ma kienx jibgħathom lil ulied Israel mill-art tiegħu.+