Ġeremija
11 Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid: 2 “Isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt!”
“U tkellem+ man-nies taʼ Ġuda u l-abitanti taʼ Ġerusalemm, 3 u għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel: “Misħut il-bniedem li ma jismax mill-kliem taʼ dan il-patt,+ 4 li kkmandajt lil missirijietkom meta ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu,+ mill-forn tal-ħadid,+ u għedtilhom, ‘Obdu minn leħni, u agħmlu skond dak kollu li nikkmandakom;+ u ssiru l-poplu tiegħi u jien insir Alla tagħkom,+ 5 sabiex inwettaq il-ħalfa li ħlift lil missirijietkom,+ li nagħtihom art li tnixxi ħalib u għasel,+ bħalma qed nagħmel illum.’”’”
U jien wiġibt u għedt: “Amen, O Ġeħova.”
6 Imbagħad Ġeħova qalli: “Xandar dan il-kliem kollu fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm,+ u għid, ‘Isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt, u wettquh.+ 7 Għax lil missirijietkom bqajt inwissihom solennement minn dakinhar li ħriġthom mill-art taʼ l-Eġittu+ sa llum, u kont inbakkar fil-għodu biex inwissihom u ngħidilhom: “Obdu minn leħni.”+ 8 Imma huma ma semgħux u lanqas taw widen,+ iżda komplew jimxu lkoll fl-ebusija taʼ qalbhom il-ħażina;+ u għalhekk ġibt fuqhom il-kliem kollu taʼ dan il-patt li kkmandajthom jagħmlu, imma li huma min-naħa tagħhom ma wettquhx.’”
9 Iktar minn hekk, Ġeħova qalli: “In-nies taʼ Ġuda u l-abitanti taʼ Ġerusalemm qed jikkonfoffaw kontrija.+ 10 Huma reġgħu lura għall-iżbalji taʼ missirijiethom,+ li kienu l-ewwel li ma ridux jobdu kliemi, imma li mxew wara allat oħrajn biex jaqduhom.+ Dar Israel u dar Ġuda kisru l-patt li jien għamilt maʼ missirijiethom.+ 11 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova, ‘Ara, se nġib gwaj fuqhom+ li ma jkunux jistgħu jeħilsu minnu;+ u jsejħuli għall-għajnuna imma jien ma nismagħhomx.+ 12 U l-bliet taʼ Ġuda u l-abitanti taʼ Ġerusalemm ikollhom imorru jgħajtu għall-għajnuna lill-allat li qed joffrulhom id-duħħan tas-sagrifiċċji,+ imma dawn żgur mhux se jsalvawhom fi żmien il-gwaj.+ 13 Għax sar għandek allat daqskemm għandek bliet, O Ġuda;+ u daqskemm hawn toroq f’Ġerusalemm waqqaftu artali għal dik il-ħaġa taʼ mistħija,+ artali biex toffru lil Bagħal id-duħħan tas-sagrifiċċji.’+
14 “U int, titlobx għal dawn in-nies, u tgħajjatx bil-ħrara għan-nom tagħhom jew titlob għalihom,+ għax mhux se nismagħhom meta jgħajtuli minħabba l-gwaj tagħhom.+
15 “X’qed tagħmel il-maħbuba tiegħi f’dari,+ meta ħafna min-nies qed iwettqu dan+ il-pjan mill-agħar?+ U jistgħu huma bil-laħam qaddis li joffru jbiegħdu l-gwaj minnek+ meta dan jiġi fuqek? Se tifraħ f’dak iż-żmien?+ 16 ‘Siġra taż-żebbuġ tħaddar, sabiħa bi frottok u f’surtek,’ hekk semmiek Ġeħova.+ Imma kien hemm ħoss qawwi u hu qabbad nar għal fuqha, u l-friegħi tagħha nkisrulha.+
17 “U Ġeħova taʼ l-armati, Dak li ħawlek,+ iddikjara gwaj kontrik minħabba l-ħażen li dar Israel+ u dar Ġuda għamlu biex joffenduni, bid-duħħan tas-sagrifiċċji li offrew lil Bagħal.”+
18 U Ġeħova għarrafni b’dan sabiex inkun naf. Dak iż-żmien int urejtni l-għemejjel tagħhom.+ 19 U jien kont bħal ħaruf ġwejjed li jinġieb għall-qatla,+ u ma kontx naf li l-pjanijiet li kienu qed ifasslu kienu kontrija,+ meta kienu jgħidu: “Ejjew neqirdu s-siġra bil-frott tagħha; ejjew inqaċċtuh mill-art tal-ħajjin,+ sabiex ismu ma jitfakkarx iżjed.” 20 Imma Ġeħova taʼ l-armati qed jiġġudika bis-sewwa;+ qed jeżamina l-kliewi u l-qalb.+ Ħallini nara l-vendetta tiegħek fuqhom, għax lilek urejt il-kawża legali tiegħi.+
21 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova kontra n-nies t’Għanatot+ li qed jipprovaw jiħduli ħajti u jgħidu: “Tipprofetizzax f’isem Ġeħova,+ għax tmut taħt idejna”; 22 għalhekk, dan qal Ġeħova taʼ l-armati: “Ara, se nitlob kont minnhom. Iż-żgħażagħ imutu bis-sejf.+ Uliedhom subien u bniet imutu bil-ġuħ.+ 23 U ma jifdal ħadd minnhom, għax inġib gwaj fuq in-nies t’Għanatot,+ fis-sena li nitlob kont minnhom.”+