Levitiku
13 U Ġeħova kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Jekk raġel fil-ġilda tiegħu joħroġlu xi raxx jew qoxra+ jew tebgħa u din issir il-marda tal-ġdiem fil-ġilda tiegħu,+ irid jinġieb għand Aron, il-qassis, jew għand wieħed minn uliedu l-qassisin.+ 3 U l-qassis irid jara l-ġerħa fil-ġilda.+ Meta x-xagħar fil-ġerħa jibjad u l-ġerħa tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, din tkun il-marda tal-ġdiem. U l-qassis irid jaraha, u jrid jiddikjarah mhux nadif. 4 Imma jekk it-tebgħa tkun bajda fil-ġilda tiegħu u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u x-xagħar taʼ ġo fiha ma jkunx bjad, il-qassis irid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem lil dak li għandu din il-ġerħa. 5 U l-qassis irid jarah fis-sebaʼ jum, u jekk minn kif tidher, il-ġerħa tkun baqgħet kif kienet, il-ġerħa ma tkunx infirxet fil-ġilda, il-qassis irid jerġaʼ jżommu kwarantina+ għal sebat ijiem oħra.
6 “U l-qassis irid jarah it-tieni darba fis-sebaʼ jum, u jekk il-ġerħa tkun iċċarat u l-ġerħa ma tkunx infirxet fil-ġilda, il-qassis irid ukoll jiddikjarah nadif. Din kienet qoxra. U hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 7 Imma jekk il-qoxra tkun bla dubju nfirxet fil-ġilda wara li jkun deher quddiem il-qassis biex tiġi stabbilita l-purifikazzjoni tiegħu, irid jidher it-tieni darba quddiem il-qassis,+ 8 u l-qassis irid jarah; u jekk il-qoxra tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Dan ikun ġdiem.+
9 “Jekk raġel toħroġlu l-marda tal-ġdiem irid jinġieb għand il-qassis. 10 U l-qassis irid jarah;+ u jekk ikun hemm raxx abjad fil-ġilda u x-xagħar jibjad minħabba fih u l-ġerħa misluħa tal-laħam il-ħaj+ tkun fir-raxx, 11 dan ikun ġdiem kroniku+ fil-ġilda tiegħu; u l-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. M’għandux iżommu kwarantina,+ għax m’huwiex nadif. 12 Issa jekk il-ġdiem bla dubju joħroġlu fil-ġilda, u l-ġdiem jiksi l-ġilda kollha tal-marid minn rasu sa saqajh kulfejn jistaʼ jara l-qassis; 13 u l-qassis ikun ra, u, ara, il-ġdiem ksielu laħmu kollu, irid jiddikjara l-ġerħa nadifa.* Kollha bjadet. Hu jkun nadif. 14 Imma dakinhar li jitfaċċa l-laħam il-ħaj fiha, hu ma jkunx nadif. 15 U l-qassis+ irid jara l-laħam il-ħaj, u jrid jiddikjarah mhux nadif. Il-laħam il-ħaj m’huwiex nadif. Dan ikun ġdiem.+ 16 Jew jekk il-laħam il-ħaj jgħib u jsir abjad, hu jrid imur għand il-qassis. 17 U l-qassis irid jarah,+ u jekk il-ġerħa tkun saret bajda, il-qassis irid jiddikjara l-ġerħa nadifa. Hu jkun nadif.
18 “Jekk fil-laħam joħroġ xi musmar+ fil-ġilda tiegħu u jfiq, 19 u minflok il-musmar joħroġ raxx abjad jew tebgħa bajda ħamranija, hu jrid juri ruħu lill-qassis. 20 U l-qassis irid jara,+ u jekk tkun tidher li hi ’l isfel mill-ġilda u x-xagħar taʼ ġo fiha jkun bjad, il-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din tkun il-marda tal-ġdiem. Ħarġet fil-musmar. 21 Imma jekk il-qassis jaraha, u, ara, m’hemmx xagħar abjad fiha u m’hijiex iktar fonda mill-ġilda u hi ċara, il-qassis irid iżommu kwarantina+ għal sebat ijiem. 22 U jekk bla dubju tinfirex fil-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din tkun ġerħa. 23 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet, ma tkunx infirxet, din tkun l-infjammazzjoni+ tal-musmar; u l-qassis irid jiddikjarah nadif.+
24 “Jew jekk ikun hemm ħarqa bin-nar fil-ġilda, u l-laħam misluħ tal-ħarqa jsir tebgħa bajda ħamranija jew bajda, 25 il-qassis irid jaraha; u jekk ix-xagħar ikun sar abjad fit-tebgħa u din tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, dan ikun ġdiem. Ħareġ fil-ħarqa, u l-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem. 26 Imma jekk il-qassis jaraha, u, ara, ma jkunx hemm xagħar abjad fit-tebgħa u din ma tkunx ’l isfel mill-ġilda u tkun ċara, il-qassis irid iżommu kwarantina għal sebat ijiem. 27 U l-qassis irid jarah fis-sebaʼ jum. Jekk bla dubju tinfirex fil-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Din hi l-marda tal-ġdiem. 28 Imma jekk it-tebgħa tibqaʼ fejn kienet, ma tkunx infirxet fil-ġilda u tkun ċara, tkun raxx tal-ħarqa; u l-qassis irid jiddikjarah nadif, għaliex tkun infjammazzjoni tal-ħarqa.
29 “Fil-każ taʼ raġel jew mara, jekk lil xi ħadd minnhom toħroġlu ġerħa f’rasu jew fuq geddumu, 30 il-qassis+ irid jara l-ġerħa; u jekk tkun tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, u x-xagħar ikun isfar u skars fiha, il-qassis irid jiddikjarah mhux nadif. Ix-xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali.+ Dan ikun ġdiem fir-ras jew fil-geddum. 31 Imma jekk il-qassis jara l-ġerħa fejn ix-xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali, u, ara, ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis irid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem+ lil dak li xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali. 32 U l-qassis irid jara l-ġerħa fis-sebaʼ jum; u jekk il-ġerħa, fejn ix-xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali, ma tkunx infirxet, u ma jkunx ħareġ xagħar isfar fiha u ma jkunx jidher li din il-ġerħa+ m’hijiex iktar fonda mill-ġilda, 33 hu jrid jitqarweż, imma ma jqarwiżx il-post fejn xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali;+ u l-qassis irid iżomm kwarantina għal sebat ijiem oħra lil dak li xagħru ma jkunx waqagħlu b’mod normali.
34 “U fis-sebaʼ jum il-qassis irid jara l-post fejn ix-xagħar ma jkunx waqaʼ b’mod normali; u jekk din il-ġerħa ma tkunx infirxet fil-ġilda, u ma tkunx tidher li hi iktar fonda mill-ġilda, il-qassis irid jiddikjarah nadif,+ u hu jrid jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 35 Imma jekk din il-ġerħa bla dubju tinfirex fil-ġilda wara li tkun ġiet stabbilita l-purifikazzjoni tiegħu, 36 il-qassis+ irid jarah; u jekk il-ġerħa tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis ma jkollux għalfejn jeżamina jekk hemmx xagħar isfar; hu ma jkunx nadif. 37 Imma jekk ikun jidher li l-ġerħa baqgħet kif kienet u x-xagħar iswed kiber fiha, din il-ġerħa tkun fieqet. Hu jkun nadif, u l-qassis irid jiddikjarah nadif.+
38 “Fil-każ taʼ raġel jew mara, jekk joħorġu xi tbajjaʼ+ fil-ġilda tagħhom, tbajjaʼ bojod, 39 il-qassis+ irid jarahom; u jekk it-tbajjaʼ fil-ġilda jkunu bojod ċari, dan ma jkunx raxx taʼ ħsara. Ikun ħareġ fil-ġilda u l-individwu jkun nadif.
40 “Jekk raġel jaqagħlu x-xagħar taʼ rasu+ jkun qargħi. Hu jkun nadif. 41 U jekk ix-xagħar jaqagħlu min-naħa taʼ fuq ġbinu, ikun tfartas minn quddiem. Hu jkun nadif. 42 Imma jekk toħroġ ġerħa bajda ħamranija fuq il-parti bla xagħar tal-qorriegħa jew taʼ fuq ġbinu, dan ikun ġdiem li ħareġ fil-parti bla xagħar tal-qorriegħa tiegħu jew taʼ fuq ġbinu. 43 U l-qassis+ irid jarah; u jekk tkun żviluppat nefħa u ġerħa bajda ħamranija fil-parti bla xagħar tal-qorriegħa tiegħu jew taʼ fuq ġbinu, skond kif jidher il-ġdiem fil-ġilda, 44 hu jkun imġiddem. Ma jkunx nadif. Mhux nadif, hekk għandu jiddikjarah il-qassis. Il-ġerħa tiegħu tkun fuq rasu. 45 Fil-każ taʼ l-imġiddem li għandu l-ġerħa, ħwejġu għandhom ikunu mqattgħin,+ u x-xagħar taʼ rasu għandu jkun imħabbel,+ u għandu jgħatti l-mustaċċi+ u jgħajjat, ‘Mhux nadif, mhux nadif!’+ 46 Il-jiem kollha li l-marda tkun fuqu ma jkunx nadif. Hu m’huwiex nadif. Għandu jgħammar maqtugħ minn kulħadd. ’Il barra mill-kamp+ ikun il-post fejn jgħammar.
47 “Jekk f’xi libsa toħroġ il-marda tal-ġdiem, sew jekk tkun libsa tas-suf u sew jekk tkun libsa taʼ l-għażel, 48 sew fit-tul+ u sew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ* taʼ l-għażel u tas-suf, sew f’xi ġilda u sew f’xi ħaġa magħmula mill-ġild,+ 49 u l-biċċa l-marida li tkun ħadra safranija jew ħamranija toħroġ fil-libsa jew fil-ġilda jew fit-tul jew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ jew f’xi oġġett tal-ġild, din tkun il-marda tal-ġdiem, u trid tintwera lill-qassis. 50 U l-qassis+ irid jara l-biċċa l-marida, u jrid iżomm kwarantina+ għal sebat ijiem il-ħaġa li jkollha l-biċċa l-marida. 51 Meta jkun ra l-biċċa l-marida fis-sebaʼ jum, li l-marda tkun infirxet fil-libsa jew fit-tul jew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ+ jew fil-ġilda, ikun xi jkun l-użu li għalih issir il-ġilda, il-biċċa l-marida tkun ġdiem bla fejqan.+ Din ma tkunx nadifa. 52 U jrid jaħraq il-libsa jew id-drapp minsuġ tas-suf jew taʼ l-għażel,+ jew kull oġġett tal-ġild li fih toħroġ il-marda, għaliex dan ikun ġdiem bla fejqan.+ Għandu jinħaraq fin-nar.
53 “Imma jekk il-qassis jara li l-marda ma tkunx infirxet fil-libsa jew fit-tul jew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ jew f’xi oġġett tal-ġild,+ 54 il-qassis irid jordna wkoll li għandhom jaħslu dik il-ħaġa li jkollha l-marda fiha, u jrid iżommha kwarantina għal sebat ijiem oħra. 55 U l-qassis irid jara l-biċċa l-marida wara li tkun ġiet maħsula, u jekk il-marda baqgħet tidher l-istess, u madankollu l-marda ma tkunx infirxet, din ma tkunx nadifa. Għandek taħraqha fin-nar. Din tkun toqba f’roqgħa mherrija mis-sewwa jew mill-maqlub.
56 “Imma jekk il-qassis ikun ra li l-biċċa l-marida tkun iċċarat wara li ġiet maħsula, irid imbagħad jaqtagħha barra mil-libsa jew mill-ġilda jew mid-drapp minsuġ. 57 Madankollu, jekk tkun għadha tidher fil-libsa jew fit-tul jew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ+ jew f’xi oġġett tal-ġild, tkun qed tfaqqas. Għandek taħraq+ fin-nar hu x’inhu li fih ikun hemm il-marda. 58 U l-libsa jew id-drapp minsuġ jew xi oġġett tal-ġild li taħsel, meta l-marda tkun għabet minn fuqhom, irid jiġi maħsul it-tieni darba; u hu jkun nadif.
59 “Din hi l-liġi dwar il-marda tal-ġdiem f’libsa tas-suf jew taʼ l-għażel,+ jew fit-tul jew fil-wisaʼ tad-drapp minsuġ, jew f’xi oġġett tal-ġild, sabiex tiġi dikjarata nadifa jew mhix nadifa.”