Levitiku
15 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u lil Aron u jgħidilhom: 2 “Kellmu lil ulied Israel u għidulhom, ‘Jekk xi raġel ikollu tisfija kontinwa+ mill-organu ġenitali tiegħu, it-tisfija tiegħu ma tkunx nadifa. 3 U dan ikun in-nuqqas taʼ ndafa tiegħu minħabba t-tisfija tiegħu: Sew jekk l-organu ġenitali tiegħu jnixxi tisfija kontinwa u sew jekk l-organu ġenitali tiegħu jkun imblokkat minħabba t-tisfija kontinwa tiegħu, dan ikun in-nuqqas taʼ ndafa tiegħu.
4 “‘Kull sodda li jimtedd fuqha dak li jkollu tisfija kontinwa ma tkunx nadifa, u kull oġġett li joqgħod bil-qiegħda fuqu ma jkunx nadif. 5 U raġel li jmisslu s-sodda tiegħu għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 6 U kulmin joqgħod bil-qiegħda fuq l-oġġett li kien bil-qiegħda fuqu dak li jkollu tisfija kontinwa għandu jaħsel+ ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 7 U kulmin imiss il-ġisem taʼ dak li jkollu tisfija kontinwa+ għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 8 U jekk dak li jkollu tisfija kontinwa jobżoq fuq xi ħadd nadif, dan irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 9 U kull sarġ+ li jkun rikeb fuqu dak li jkollu tisfija kontinwa ma jkunx nadif. 10 U kulmin imiss xi ħaġa li tkun taħtu ma jkunx nadif sa fil-għaxija; u min iġorrha jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 11 U jekk dak li jkollu tisfija kontinwa,+ li ma jkunx ħasel idejh fl-ilma, imiss lil xi ħadd, dan irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 12 U xi reċipjent tal-fuħħar li jmiss dak li jkollu tisfija kontinwa għandu jitkisser;+ u kull reċipjent taʼ l-injam+ għandu jinħasel bl-ilma.
13 “‘Issa jekk dak li jkollu tisfija kontinwa jindaf mit-tisfija kontinwa tiegħu, hu nnifsu jrid jgħodd sebat ijiem għall-purifikazzjoni tiegħu,+ u jrid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma ġieri;+ u hu jkun nadif. 14 U fit-tmien jum hu nnifsu għandu jieħu żewġ gamimiet+ jew żewġ bċieċen, u jidħol quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa u jagħtihom lill-qassis. 15 U l-qassis joffrihom, wieħed minnhom bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq;+ u l-qassis jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova rigward it-tisfija kontinwa tiegħu.
16 “‘Issa jekk raġel joħroġ minnu xi tixrid taʼ l-isperma,+ irid jinħasel kollu kemm hu fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 17 U kull libsa u kull ħaġa tal-ġild li jiġi fuqha t-tixrid taʼ l-isperma trid tinħasel fl-ilma u ma tkunx nadifa sa fil-għaxija.+
18 “‘Mara li jimtedd magħha raġel b’tixrid taʼ l-isperma, it-tnejn iridu jinħaslu fl-ilma u ma jkunux nodfa+ sa fil-għaxija.
19 “‘U jekk mara jkollha tisfija kontinwa, u t-tisfija kontinwa li jkollha f’ġisimha tkun demm,+ hi għandha tibqaʼ sebat ijiem fin-nuqqas taʼ safa+ mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar tagħha,+ u kulmin imissha ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 20 U kulma timtedd fuqu meta tkun fin-nuqqas taʼ safa bit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar tagħha ma jkunx nadif,+ u kulma toqgħod bil-qiegħda fuqu ma jkunx nadif. 21 U kulmin imiss is-sodda tagħha għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 22 U kulmin imiss xi oġġett li tkun qagħdet bil-qiegħda fuqu għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 23 U jekk tkun qagħdet bil-qiegħda fuq is-sodda jew fuq oġġett ieħor, min imissu+ ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 24 U jekk raġel fil-fatt jimtedd magħha u jiġi fuqu n-nuqqas taʼ safa mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar tagħha,+ ma jkunx nadif għal sebat ijiem, u kull sodda li jimtedd fuqha ma tkunx nadifa.
25 “‘Jekk mara jkollha t-tisfija kontinwa taʼ demmha tnixxi għal ħafna jiem+ meta ma jkunx iż-żmien regulari tan-nuqqas taʼ safa tagħha mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar,+ jew jekk ikollha tnixxija li ddum iktar min-nuqqas taʼ safa mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar, il-jiem kollha li ddum bit-tisfija kontinwa u mhix nadifa jkunu bħal fil-jiem tan-nuqqas taʼ safa mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. Ma tkunx nadifa. 26 Kull sodda li timtedd fuqha fil-jiem tat-tisfija kontinwa tagħha se tkun għaliha bħas-sodda tan-nuqqas taʼ safa tagħha mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar,+ u kull oġġett li toqgħod bil-qiegħda fuqu jsir mhux nadif bħan-nuqqas taʼ ndafa tan-nuqqas taʼ safa tagħha mit-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. 27 U kulmin imisshom+ ma jkunx nadif, u jrid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.
28 “‘Madankollu, jekk tkun indafet mit-tisfija kontinwa tagħha, hi nfisha trid tgħodd ukoll sebat ijiem, u wara tkun nadifa.+ 29 U fit-tmien jum hi nfisha għandha tieħu żewġ gamimiet+ jew żewġ bċieċen, u trid iġġibhom lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.+ 30 U l-qassis jagħmel wieħed minnhom offerta għad-dnub u l-ieħor offerta tal-ħruq;+ u l-qassis jagħmel tpattija+ għaliha quddiem Ġeħova rigward it-tisfija kontinwa u mhix nadifa li kellha.
31 “‘U tridu żżommu lil ulied Israel ’il bogħod min-nuqqas taʼ ndafa, għax inkella jmutu fin-nuqqas taʼ ndafa għax ikunu niġġsu t-tabernaklu tiegħi, li qiegħed f’nofshom.+
32 “‘Din hi l-liġi dwar ir-raġel li jkollu tisfija kontinwa+ u r-raġel li minnu joħroġ tixrid taʼ l-isperma,+ u b’hekk isir mhux nadif bih; 33 u l-mara li jkollha tnixxija tad-demm taʼ kull xahar+ fin-nuqqas taʼ ndafa tagħha, u kulmin ikollu tnixxija tat-tisfija kontinwa,+ kemm raġel u kemm mara, u raġel li jimtedd maʼ mara mhix nadifa.’”