Luqa
21 Issa hekk kif ħares ’il fuq, ra lill-għonja jitfgħu l-għotjiet tagħhom fil-kaxxi tat-teżor.+ 2 Imbagħad ra waħda armla fil-bżonn titfaʼ hemmhekk żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm+ 3 u qal: “Ngħidilkom il-verità, Din l-armla, għalkemm fqira, tefgħet iktar minnhom ilkoll.+ 4 Għax dawn kollha tefgħu għotjiet miż-żejjed tagħhom, imma din il-mara, min-nieqes tagħha, tefgħet il-mezz t’għajxien kollu li kellha.”+
5 Iktar tard, waqt li xi wħud kienu qed jitkellmu dwar it-tempju, kif kien imżejjen b’ġebel mill-isbaħ u b’għotjiet dedikati,+ 6 qal: “Dan li qed taraw, se jiġu l-jiem meta hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx.”+ 7 Imbagħad staqsewh u qalulu: “Għalliem, fil-fatt, dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta dan għandu jiġri?”+ 8 Qalilhom: “Oqogħdu attenti li ma titqarrqux;+ għax ħafna jiġu f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Qorob il-waqt.’+ Tmorrux warajhom. 9 Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer u taqlib, titwerwrux.+ Għax l-ewwel irid iseħħ dan, imma t-tmiem ma jiġix minnufih.”
10 Imbagħad kompla jgħidilhom: “Ġens iqum kontra ġens,+ u saltna kontra saltna;+ 11 u jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-ieħor ikun hemm mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel;+ u jkun hemm dehriet tal-biżaʼ u, mis-sema, sinjali kbar.+
12 “Imma qabel dan kollu, imiddu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom,+ u jagħtukom f’idejn is-sinagogi u l-ħabsijiet, u jressqukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba ismi.+ 13 Dan ikunilkom bħala xiehda.+ 14 Għalhekk, daħħluha fi qlubkom biex ma toqogħdux tipprattikaw minn qabel x’se tgħidu fid-difiża tagħkom,+ 15 għax nagħtikom fomm u għerf, li dawk kollha li jopponukom ma jkunux jistgħu jiqfulhom jew imeruhom.+ 16 Barra minn hekk, tingħataw f’idejn il-qrati saħansitra mill-ġenituri+ u l-aħwa u l-qraba u l-ħbieb, u lil xi wħud minnkom jagħtuhom il-mewt;+ 17 u tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.+ 18 Iżda żgur li lanqas xagħra+ minn raskom ma tintilef. 19 Bis-sabar tagħkom tiksbu ruħkom.+
20 “Iktar minn hekk, meta taraw lil Ġerusalemm imdawra+ bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha.+ 21 Imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji, u dawk li jkunu f’nofsha ħa joħorġu minnha, u dawk li jkunu fil-kampanja ħa ma jidħlux fiha;+ 22 għax dawn ikunu jiem biex issir ġustizzja, ħalli jitwettaq kulma hu miktub.+ 23 Gwaj għan-nisa tqal u għal dawk li jreddgħu f’dawk il-jiem!+ Għax ikun hemm tbatija kbira fl-art u korla fuq dan il-poplu; 24 u jaqgħu b’xifer is-sejf u jittieħdu lsiera fil-ġnus kollha;+ u Ġerusalemm tintrifes mill-ġnus sakemm jitwettqu ż-żminijiet+ stabbiliti tal-ġnus.
25 “Ukoll, ikun hemm sinjali fix-xemx+ u l-qamar u l-kwiekeb, u fuq l-art diqa tal-ġnus, li ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-għajat u t-taqlib+ tal-baħar,+ 26 waqt li n-nies iħosshom ħażin bil-biżaʼ+ u bl-istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-art abitata;+ għax il-qawwiet tas-smewwiet jitheżżu.+ 27 U mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem+ ġej fi sħaba b’qawwa u glorja kbira.+ 28 Imma malli jibdew iseħħu dawn l-affarijiet, qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħkom.”
29 Imbagħad qalilhom tixbiha: “Innotaw is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħrajn kollha:+ 30 Meta jkunu diġà qed jarmu, jekk tosservawhom tindunaw li issa jkun qorob is-sajf.+ 31 Hekk ukoll intom, meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla tkun qrib.+ 32 Tassew ngħidilkom, Din il-ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħu l-affarijiet kollha.+ 33 Is-sema u l-art jgħaddu,+ imma kliemi żgur ma jgħaddix.+
34 “Imma oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed+ u ansjetajiet+ tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda+ 35 bħal nassa.+ Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha.+ 36 Għalhekk, ibqgħu mqajmin+ u itolbu bil-ħerqa+ l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”+
37 U bi nhar kien ikun jgħallem fit-tempju,+ imma bil-lejl kien joħroġ barra u joqgħod fuq il-muntanja msejħa l-Muntanja taż-Żebbuġ.+ 38 U kmieni fil-għodu, in-nies+ kollha kienu jiġu ħdejh fit-tempju biex jisimgħuh.