Kull Wieħed Jinsab taħt is-Siġra tat-Tin Tiegħu
ID-DELL huwa rari imma mfittex matul is-sajf jaħraq fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Kull siġra li toffri rifuġju mir-raġġi tax-xemx hi mixtieqa, speċjalment meta tikber viċin id-dar. Bil-weraq kbir u wiesaʼ u z-zkuk mifruxin tagħha, is-siġra tat-tin tipprovdi dell li hu aqwa minn kważi kwalunkwe siġra oħra f’dan ir-reġjun.
Skond il-ktieb Plants of the Bible, “jingħad li d-dell [tas-siġra tat-tin] huwa iktar frisk minn dak taʼ tinda.” Is-siġar tat-tin li kienu jikbru mad-dawra taʼ xi għalqa tad-dwieli f’Iżrael tal-qedem kienu joffru post ideali fejn il-ħaddiema taʼ l-għalqa jistrieħu ftit.
Fi tmiem ġurnata twila u sħuna, il-membri tal-familja setgħu joqogħdu bil-qiegħda taħt is-siġra tat-tin tagħhom u jgawdu s-sħubija pjaċevoli taʼ xulxin. Iktar minn hekk, issiġra tat-tin tippremja lil sidha b’abbundanza taʼ frott sustanzjuż. B’hekk, minn żmien is-Sultan Salamun, li wieħed joqgħod bilqiegħda taħt is-siġra tat-tin tiegħu kien ifisser paċi, prosperità, u abbundanza.—1 Slaten 5:4, 5 (1 Slaten 4:24, 25, NW).
Sekli qabel, il-profeta Mosè ddeskriva l-Art Imwiegħda bħala ‘art tat-tin.’ (Dewteronomju 8:8) It-tnax-il spija pprovdew evidenza tal-fertilità tagħha billi ġabu lura t-tin u frott ieħor lura lejn il-kamp taʼ Iżrael. (Numri 13:21-23) Fis-seklu 19, wieħed li vvjaġġa lejn l-artijiet Bibliċi rrapporta li s-siġar tat-tin kienu l-iktar siġar komuni f’dawn il-postijiet. Mhux taʼ b’xejn li l-iskritturi spiss isemmu t-tin u s-siġar tat-tin!
Siġra li Tagħti l-Frott Darbtejn fis-Sena
Is-siġra tat-tin taqbad f’diversi tipi taʼ ħamrija, u l-mod kif jinfirxu l-għeruq jgħinha tissaporti s-sjuf twal u nexfin tal-Lvant Nofsani. Din is-siġra mhix bħal siġar oħrajn għax tipprovdi ħsad taʼ tin bikri f’Ġunju u l-ħsad prinċipali ġeneralment isir minn Awissu ’l quddiem. (Isaija 28:4) L-Iżraelin kienu jieklu l-ewwel ħsad bħala frott frisk. It-tieni ħsad kienu jnixxfuh biex jużawh matul is-sena. It-tin niexef setaʼ jiġi pressat f’forma tonda, u kultant kienu jżidulu ftit lewż. Dan it-tin pressat kien konvenjenti, sustanzjuż, u delizzjuż.
Il-mara diskreta Abigajl tat 200 ċappa tin imqadded lil David, żgur li għax ħasbet li dan kien ikel addattat għal nies li kienu qed jaħarbu. (1 Samwel 25:18, 27) It-tin pressat kellu wkoll valur mediku. Ġbara taʼ tin pressat ġiet applikata fuq nuffata li kienet qed toqtol lis-Sultan Ħeżekija għalkemm il-fejqan tiegħu li ġie wara kien minħabba intervent divin.a—2 Slaten 20:4-7.
Fi żmien il-qedem, it-tin niexef kien apprezzat ħafna fir-reġjun tal-Mediterran. L-istatista Cato xejjer tina quddiem is-Senat Ruman biex jikkonvinċih jidħol għat-tielet gwerra bejn Ruma u Kartaġni. L-aqwa tin niexef f’Ruma kien minn Caria, fl-Asja minuri. Minħabba f’hekk, carica sar l-isem Latin għat-tin niexef. L-istess reġjun fit-Turkija taʼ llum għadu jipproduċi tin niexef taʼ l-aqwa kwalità.
Il-bdiewa Iżraelin spiss żergħu siġar tat-tin fl-għelieqi tad-dwieli, imma huma kienu jqaċċtu s-siġar li ma jagħmlux frott. Il-ħamrija tajba kienet skarsa wisq biex tinħela fuq siġar li ma jagħmlux frott. Fit-tixbiha taʼ Ġesù dwar siġra tat-tin li m’għamlitx frott, il-bidwi qal lil dak li kien jieħu ħsieb id-dwieli: “Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqaʼ tkidd l-art?” (Luqa 13:6, 7) Ladarba fi żmien Ġesù s-siġar tal-frott kienu jiġu ntaxxati, kull siġra li ma tagħmilx frott kienet spiża ekonomika li m’għandhomx x’jambuha.
It-tin kien importanti ħafna fid-dieta taʼ l-Iżraelin. Minħabba f’hekk, meta l-ħsad tat-tin kien imur ħażin—forsi minħabba xi ġudizzju kontrihom minn Jehovah—kien ikun qisu traġedja għalihom. (Ħosegħa 2:12; Għamos 4:9) Il-profeta Ħabakkuk qal: “U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, u xejn ma jagħtu d-dwieli u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, u r-rabaʼ xejn ma jibqaʼ jrodd għall-ikel . . . jien xorta waħda nifraħ fil-Mulej, nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!”—Ħabakkuk 3:17, 18.
Simbolu taʼ Ġens Bla Fidi
L-Iskrittura kultant tuża t-tin jew is-siġar tat-tin b’mod simboliku. Per eżempju, Ġeremija qabbel l-eżiljati leali taʼ Ġuda maʼ qoffa tin tajjeb, tin bikri li kien jittiekel frisk. Madankollu, l-eżiljati li kienu żleali ġew imqabblin maʼ tin ħażin, li ma setax jittiekel u kien ikollu jintrema.—Ġeremija 24:2, 5, 8, 10.
Fit-tixbiha tiegħu tas-siġra tat-tin li m’għamlitx frott, Ġesù wera l-paċenzja t’Alla mal-ġens Lhudi. Bħalma semmejna qabel, hu tkellem fuq ċertu bniedem li kellu siġra tat-tin fl-għalqa tad-dwieli tiegħu. Is-siġra m’għamlitx frott għal tliet snin sħaħ, u s-sid kien se jqaċċatha. Imma dak li jieħu ħsieb id-dwieli qallu: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.”—Luqa 13:8, 9.
Meta Ġesù ta din it-tixbiha, hu kien diġà ilu tliet snin jippriedka, jistinka biex jikkultiva l-fidi fost il-membri tal-ġens Lhudi. Ġesù żied l-attività tiegħu, “iffertilizza” s-siġra tat-tin simbolika—il-ġens Lhudi—u taha l-opportunità tipproduċi l-frott. Madankollu, fil-ġimgħa taʼ qabel ma miet Ġesù, deher biċ-ċar li l-ġens in ġenerali kien ċaħad lill-Messija.—Mattew 23:37, 38.
Għal darb’oħra, Ġesù uża s-siġra tat-tin biex jagħti tixbiha taʼ l-istat spiritwali ħażin tal-ġens. Meta kien qed jivvjaġġa minn Betanja lejn Ġerusalemm erbat ijiem qabel mewtu, hu ra siġra tat-tin li kellha ħafna weraq imma ma kellha ebda frott. Ladarba t-tin bikri kien joħroġ mal-weraq—u kultant anki qabel ma jiżviluppa l-weraq—in-nuqqas taʼ frott fis-siġra kien juri li ma tiswa għalxejn.—Mark 11:13, 14.b
Bħal siġra li ma tagħmilx frott imma li kienet tidher b’saħħitha, id-dehra tal-ġens Lhudi kienet tqarraq b’dak li jkun. Imma l-ġens ma kienx għamel frott li jogħġob lil Alla, u fl-aħħar mill-aħħar ċaħad lil Iben Jehovah stess. Ġesù seħet lis-siġra li m’għamlitx frott, u l-għada, id-dixxipli nnotaw li kienet diġà nixfet. Din is-siġra niexfa fissret sew il-fatt li fil-futur Alla kien se jiċħad lil-Lhud bħala l-poplu magħżul tiegħu.—Mark 11:20, 21.
‘Tgħallmu mis-Siġra tat-Tin’
Ġesù uża s-siġra tat-tin anki biex jagħti lezzjoni importanti dwar il-preżenza tiegħu. Hu qal: “Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.” (Mattew 24:32, 33) Il-weraq aħdar ċar tas-siġra tat-tin jispikka u hu sinjal evidenti li ġej is-sajf. Bl-istess mod, il-profezija famuża taʼ Ġesù mniżżla f’Mattew kapitlu 24, Mark kapitlu 13, u Luqa kapitlu 21 tagħti evidenza ċara tal-preżenza tiegħu issa bħala l-ħakkiem tas-Saltna tas-sema.—Luqa 21:29-31.
Ladarba qegħdin ngħixu fi żmien bħal dan li hu tant kruċjali fl-istorja, żgur li rridu nitgħallmu mis-siġra tat-tin. Jekk nagħmlu hekk u nibqgħu mqajmin spiritwalment, għandna t-tama li nesperjenzaw it-twettiq tal-wegħda grandjuża: “Imma kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej taʼ l-eżerċti tkellem.”—Mikea 4:4.
[Noti taʼ taħt]
a In-naturalista H. B. Tristram, li żar il-pajjiżi Bibliċi f’nofs is-seklu 19, osserva li n-nies lokali kienu għadhom jużaw ġbara tat-tin biex ifejqu l-infafet.
b Din il-ġrajja seħħet viċin ir-raħal taʼ Betfaġe. L-isem tar-raħal ifisser “Dar tat-Tin Bikri.” Dan jistaʼ jindika li l-post kien magħruf sew li jipproduċi ħsad tajjeb taʼ tin bikri.