LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 3/1 pp. 24-27
  • Il-Frott—Tajjeb u Ħażin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Frott—Tajjeb u Ħażin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tin It-​Tajjeb Tal-​Viżjoni
  • It-​Tin Il-​Ħażin Tal-​Viżjoni
  • Tin Imħassar Figurattiv Fi Żmienna
  • Lezzjoni Taʼ Twissija Għalina
  • Għandek ‘qalb li biha tkun taf’ lil Ġeħova?
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
  • Għandek ‘Qalb li Biha Tkun Taf’ lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kull Wieħed Jinsab taħt is-Siġra tat-Tin Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għamos—Kien Jiġbor jew Joqros it-Tin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 3/1 pp. 24-27

Il-​Frott—Tajjeb u Ħażin

“Jehovah urieni, u, ħares! żewġ basktijiet bit-​tin . . . Inkwantu għall-​basket wieħed, it-​tin kien tajjeb ħafna, bħal tin bikri; u inkwantu għall-​basket l-​ieħor, it-​tin kien ħażin ħafna, tant li ma setax jittiekel daqskemm kien ħażin.”—ĠEREMIJA 24:1, 2.

1. Jehovah kif wera mogħdrija mal-​poplu tiegħu, Iżrael, imma huma kif wieġbu?

IS-​SENA kienet is-​617 Q.E.K. Kien biss għaxar snin qabel ma twettaq il-​ġudizzju mistħoqq taʼ Jehovah kontra Ġerusalemm u l-​poplu tagħha. Ġeremija kien diġà ilu jippriedka bla heda għal 30 sena. Innota d-​deskrizzjoni ħajja taʼ Eżra dwar is-​sitwazzjoni, kif insibuha fit-2 Kronaki 36:15: “Jehovah dak Alla taʼ missirijiethom tal-​qedem baqaʼ jibgħat kontra tagħhom permezz tal-​messaġġiera tiegħu, jibgħat darba wara l-​oħra, għaliex ħass mogħdrija għall-​poplu tiegħu u għall-​post fejn joqgħod.” U x’kien ir-​riżultat taʼ dan l-​isforz kollu? B’sogħba, Eżra jkompli jirrakkonta fil-​vers 16: “Imma huma kienu l-​ħin kollu jiżżufjettaw bil-​messaġġiera tal-​veru Alla u jistmerru kliemu u jżebilħu lill-​profeti tiegħu, sakemm id-​dagħdigħa taʼ Jehovah telgħet għal kontra l-​poplu tiegħu, sakemm ma kien hemm ebda fejqan.”

2, 3. Iddeskrivi l-​viżjoni li tant tispikka li Jehovah wera lil Ġeremija.

2 Kien dan ifisser li l-​ġens taʼ Ġuda kellu jkun miknus għalkollox? Biex insibu t-​tweġiba, ejjew nikkunsidraw viżjoni importanti ferm li issa ngħatat lil Ġeremija u li ġiet imniżżla bil-​miktub f’kapitlu 24 tal-​ktieb li jġib ismu. Alla uża żewġ basktijiet mimlijin tin f’din il-​viżjoni biex jissimbolizzaw l-​iżviluppi fost il-​poplu tal-​patt tiegħu. Dawn kellhom ikunu rrappreżentati b’żewġ tipi differenti taʼ frott, it-​tajjeb u l-​ħażin.

3 Ġeremija kapitlu 24, versi 1 u 2, jiddeskrivi dak li ra l-​profeta t’Alla: “Jehovah urieni, u, ħares! żewġ basktijiet bit-​tin imqegħdin quddiem it-​tempju taʼ Jehovah, wara li Nebukadneżżar is-​sultan taʼ Babilonja kien ġarr fl-​eżilju lil Ġekonija bin Ġeħojakim, is-​sultan taʼ Ġuda, u l-​prinċpijiet taʼ Ġuda u n-​nies tas-​sengħa u l-​bennejja tas-​swar, minn Ġerusalemm biex ikun jistaʼ jġibhom lejn Babilonja. Inkwantu għall-​basket wieħed, it-​tin kien tajjeb ħafna, bħal tin bikri; u inkwantu għall-​basket l-​ieħor, it-​tin kien ħażin ħafna, tant li ma setax jittiekel daqskemm kien ħażin.”

It-​Tin It-​Tajjeb Tal-​Viżjoni

4. Il-​viżjoni tat-​tin liema messaġġ taʼ faraġ għandha għal Iżraeliti leali?

4 Wara li staqsa lil Ġeremija dwar dak li ra, Jehovah issokta jgħid fil-​versi 5 sa 7: “Bħal dan it-​tin tajjeb, hekk se nqishom lill-​eżiljati taʼ Ġuda, li lilhom se nibgħat minn dan il-​post lejn l-​art tal-​Kaldin, b’mod tajjeb. U jien se nixħet għajni fuqhom b’mod tajjeb, u jien ċertament li se nġigħelhom jerġgħu lura lejn din l-​art. U se nibnihom, u m’inix se nqaċċat; u se nħawwilhom, u m’inix se naqlaʼ mill-​għeruq. U se nagħtihom qalb biex ikunu jafuni, li jien Jehovah; u jridu jsiru l-​poplu tiegħi, u jien innifsi se nsir Alla tagħhom, għax huma se jerġgħu lura lejja b’qalbhom kollha.”

5, 6. (a) Xi wħud mill-​Iżraeliti kif kienu ‘mibgħutin b’mod tajjeb’ lejn il-​Kaldea? (b) Jehovah kif ‘xeħet għajnu b’mod tajjeb’ fuq Iżraeliti leali fl-​eżilju?

5 Mela jidher minn dak li qal Jehovah hawnhekk li kienu ġejjin żminijiet aħjar, li l-​ġens taʼ Ġuda ma kienx se jiġi miknus għalkollox. Imma x’inhu s-​sinjifikat taʼ dan il-​basket taʼ tin tajjeb?

6 Ġekonija, jew Ġeħojaċin, kien ilu sultan fuq Ġuda tliet xhur u għaxart ijiem biss qabel ma ċeda lil Ġerusalemm minn jeddu lis-​Sultan Nebukadneżżar. Fost dawk li nġarru bħala rsiera miegħu fl-​eżilju kien hemm Danjel u t-​tliet Ebrej sħabu, Ħananija, Mixael, u Ażarija, kif ukoll Eżekjel. Il-​ħajjiet tagħhom ġew ippreservati mis-​sultan taʼ Babilonja, u għalhekk setaʼ jingħad li Jehovah ħares lejn dawn l-​irsiera kollha bħala li kienu mibgħutin b’mod tajjeb lejn l-​art tal-​Kaldin. Innotajt int li Jehovah wiegħed ukoll li ‘jixħet għajnu fuqhom b’mod tajjeb’? Dan kif twettaq? Fis-​sena 537 Q.E.K., 80 sena wara, Jehovah ġiegħel lis-​Sultan Ċiru joħroġ digriet biex iħalli lil fdal mid-​dixxendenti tagħhom jerġgħu lura lejn l-​art taʼ Ġuda. Dawn il-​Lhud leali bnew mill-​ġdid il-​belt taʼ Ġerusalemm; tellgħu tempju ġdid għall-​qima t’Alla tagħhom, Jehovah; u reġgħu lura lejh b’qalbhom kollha. Mela f’dan kollu, għal Jehovah dawn l-​irsiera u d-​dixxendenti tagħhom kienu bħal tin bikri tajjeb ħafna.

7. Għajn Jehovah meta u kif kienet “b’mod tajjeb” fuq il-​klassi moderna taʼ Ġeremija?

7 Forsi tiftakar li fl-​artiklu taʼ qabel dan rigward il-​kliem profetiku taʼ Ġeremija, tgħallimna li għandu tifsira għas-​seklu 20 tagħna. U kapitlu 24 m’huwiex eċċezzjoni. Matul is-​snin mudlama taʼ l-​Ewwel Gwerra Dinjija, ħafna mill-​qaddejja ddedikati taʼ Jehovah kienu b’xi mod jew ieħor taħt l-​influwenza taʼ Babilonja l-​Kbira. Imma l-​għajn attenta taʼ Jehovah ‘kienet fuqhom b’mod tajjeb.’ U hekk ġara li permezz taʼ Ċiru Akbar, Kristu Ġesù, Jehovah kisser il-​poter taʼ Babilonja l-​Kbira fuqhom u bil-​mod il-​mod ġabhom f’ġenna spiritwali. Dawn l-​Iżraeliti spiritwali wieġbu u reġgħu lura lejn Jehovah b’qalbhom kollha. Imbagħad, fl-​1931, huma ferħu b’li jaċċettaw l-​isem taʼ Xhieda taʼ Jehovah. Verament, setaʼ issa jingħad li kienu saru bħal basket tin tajjeb ħafna f’għajnejn Jehovah.

8. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah b’liema mod ipproklamaw barra ’l pajjiż il-​ħlewwa bħal tat-​tin tal-​messaġġ tas-​Saltna?

8 U x-​Xhieda taʼ Jehovah ma naqsux li jagħrfu l-​iskop tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla f’li ħelishom minn Babilonja l-​Kbira. Ma żammewx għalihom infushom il-​ħlewwa bħal tat-​tin tal-​messaġġ taʼ aħbar tajba tas-​Saltna, imma pproklamawh barra ’l pajjiż fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù f’​Mattew 24:14: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha.” U x’kien ir-​riżultat? Iktar minn 4,700,000 uħud bħal ngħaġ li m’humiex Iżraeliti spiritwali nqatgħu minn maʼ Babilonja l-​Kbira!

It-​Tin Il-​Ħażin Tal-​Viżjoni

9. Min kienu rrappreżentati mit-​tin ħażin tal-​viżjoni taʼ Ġeremija, u x’kellu jiġrilhom?

9 Imma x’ingħidu dwar dak il-​basket taʼ tin ħażin fil-​viżjoni taʼ Ġeremija? Ġeremija issa jiffoka l-​attenzjoni tiegħu fuq il-​kliem taʼ Jehovah misjub f’​Ġeremija kapitlu 24, versi 8 sa 10: “Bħat-​tin il-​ħażin li ma jistax jittiekel daqskemm hu ħażin, dan fil-​fatt hu dak li Jehovah qal: ‘Hekk se nagħti lil Żedekija s-​sultan taʼ Ġuda u lill-​prinċpijiet tiegħu u lill-​fdal taʼ Ġerusalemm li qegħdin jibqgħu f’din l-​art u lil dawk li qegħdin igħammru fl-​art taʼ l-​Eġittu​—jien ukoll se nagħtihom għat-​tregħid, għall-​gwaj, fis-​saltniet kollha taʼ l-​art, għal stmerrija u għal kelma proverbjali, għal inbixa u għal saħta, fil-​postijiet kollha fejn se nxerridhom. U se nibgħat kontra tagħhom is-​sejf, il-​ġuħ u l-​pesta, sakemm jaslu lejn tmiemhom ’il barra mill-​art li jien tajt lilhom u lil missirijiethom tal-​qedem.’”

10. Jehovah għala għaddu bħala ‘tina ħażina’ lil Żedekija?

10 Mela Żedekija verament ħareġ li kien ‘tina ħażina’ f’għajnejn Jehovah. Mhux biss irvella kontra s-​Sultan Nebukadneżżar billi kiser il-​ħalfa tal-​lealtà li kien għamel lil dak is-​sultan f’isem Jehovah imma wkoll ċaħad għalkollox il-​mogħdrija taʼ Jehovah estiża lilu permezz taʼ Ġeremija. Fil-​fatt, hu azzarda saħansitra li jixħet lil Ġeremija fil-​ħabs! Mhux taʼ b’xejn li Eżra jiġbor fil-​qosor l-​attitudni tas-​sultan kif jiġborha fit-​2 Kronaki 36:12: “Hu kompla jagħmel dak li kien ħażin f’għajnejn Jehovah Alla tiegħu. M’umiljax ruħu.” F’għajnejn Jehovah Żedekija u dawk li baqgħu Ġerusalemm kienu qishom basket b’tin ħażin, u mħassar!

Tin Imħassar Figurattiv Fi Żmienna

11, 12. Min huma identifikati bħala tin ħażin illum, u x’se jiġrilhom?

11 Issa ħares madwar id-​dinja llum. Taħseb li nistgħu nsibu xi basket figurattiv taʼ tin ħażin? Ejjew nikkunsidraw il-​fatti billi nqabblu żmienna maʼ dak taʼ Ġeremija. F’dan is-​seklu 20, Jehovah uża lill-​klassi taʼ Ġeremija, il-​fdal midlukin, biex iwissu kontinwament lill-​ġnus dwar il-​qilla tiegħu li ġejja fit-​tribulazzjoni l-​kbira. Hu ħeġġeġ lill-​gruppi nazzjonali biex jagħtuh il-​glorja li tixraq lil ismu, biex iqimuh bl-​ispirtu u l-​verità, u biex jirrikonoxxu lil Ibnu renjanti, Kristu Ġesù, bħala l-​Ħakkiem bi dritt taʼ l-​art. X’kienet ir-​reazzjoni? Sewwa sew l-​istess bħal dik taʼ żmien Ġeremija. Il-​ġnus ikomplu jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Jehovah.

12 Min huma dawk li qegħdin irewħu din l-​attitudni ribelluża? Min huma dawk li qegħdin ikomplu jiżżufjettaw b’dawn il-​messaġġiera t’Alla li huma bħal Ġeremija billi jiddubitaw l-​awtorità tagħhom li jaġixxu bħala ministri t’Alla? Min huma dawk li qegħdin ikomplu jżebilħu l-​Kelma t’Alla? Min illum kien wara l-​biċċa l-​kbira tal-​persekuzzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah? It-​tweġiba hi ċara quddiem kulħadd​—huwa l-​Kristjaneżmu, b’mod speċjali l-​kleru! U ħares ftit lejn il-​frott ħażin u mħassar tal-​Kristjaneżmu li ġie diskuss fl-​artiklu taʼ qabel. Iva, tabilħaqq, ċertament li hemm basket simboliku taʼ tin ħażin fuq l-​art illum. Fil-​fatt, Jehovah igħid li ma jistgħux ‘jittieklu daqskemm huma ħżiena.’ Il-​kliem taʼ Jehovah permezz taʼ Ġeremija għadu jidwi sal-​ġurnata tal-​lum: ‘Se jiġu lejn tmiemhom’! Id-​dagħdigħa taʼ Jehovah kontra l-​Kristjaneżmu ma se ssib ebda fejqan.

Lezzjoni Taʼ Twissija Għalina

13. Skond il-​kliem taʼ Pawlu li jinsab fl-​1 Korintin 10:11, kif għandna nifhmu l-​viżjoni taż-​żewġ basktijiet tat-​tin?

13 Hekk kif neżaminaw l-​implikazzjonijiet tal-​messaġġ imnebbaħ taʼ twissija taʼ Ġeremija, kliem l-​appostlu Pawlu fl-​Ewwel Korintin 10:11 iżarżar f’widnejna: “Issa dawn l-​affarijiet komplew jiġrulhom bħala eżempji, u nkitbu bħala twissija lilna li fuqna waslu t-​tmimijiet tas-​sistemi taʼ affarijiet.” Daħħalna aħna personalment f’qalbna t-​twissija mogħtija lilna permezz taʼ dil-viżjoni taż-​żewġ basktijiet bit-​tin? Dak li konna qegħdin niddiskutu huwa parti essenzjali mill-​affarijiet li ġraw lil Iżrael bħala eżempju taʼ twissija għalina.

14. Iżrael kif wieġeb għall-​mod teneru li bih Jehovah ħa ħsiebhom?

14 Fl-​aħħarnett, ejjew niftakru l-​kliem taʼ Jehovah lis-​Sultan David rigward Iżrael, kif misjub fit-2 Samwel 7:10: “Jien ċertament li se naħtar post għall-​poplu tiegħi Iżrael u nħawwilhom.” Jehovah b’tenerezza ħa ħsieb il-​poplu tiegħu, Iżrael, b’kull mod. Kien hemm kull raġuni għall-​Iżraeliti biex jipproduċu frott tajjeb f’ħajjithom. Kellhom biss jisimgħu mit-​tagħlim divin taʼ Jehovah u jżommu l-​kmandamenti tiegħu. Madankollu, ftit biss minnhom għamluh dan. Il-​maġġoranza tant kellhom rashom iebsa u tant kienu xxellerati li pproduċew frott ħażin, imħassar.

15. Iżrael spiritwali u sħabhom bħal ngħaġ kif wieġbu għall-​mogħdrija taʼ Jehovah illum?

15 Sewwa, allura, xi ngħidu dwar żmienna? Jehovah wera ħafna mogħdrija lejn il-​fdal tiegħu taʼ Iżrael spiritwali u sħabhom bħal ngħaġ. Għajnu kienet fuqhom il-​ħin kollu mindu seħħ il-​ħelsien spiritwali tagħhom fl-​1919. Bħalma bassar hu permezz taʼ Isaija, huma kuljum jirċievu istruzzjoni divina mingħand l-​aqwa Għalliem fl-​univers, Alla Jehovah. (Isaija 54:13) Dan it-​tagħlim divin, iddireġut permezz taʼ Ibnu l-​għażiż Ġesù Kristu, irriżulta f’paċi abbundanti fosthom u ressaqhom b’mod sod lejn relazzjoni iktar fil-​qrib maʼ Jehovah. X’ambjent spiritwali taʼ l-​għaġeb jipprovdi dan għalina lkoll biex inkunu nafu lil Jehovah, biex nisimgħu minnu, u biex inkomplu nipproduċu frott tajjeb f’ħajjitna​—frott li jġib tifħir lil Jehovah! Ifisser l-​istess ħajjietna!

16. Liema applikazzjoni persunali jistaʼ kull wieħed minna jagħmel tal-​viżjoni taż-​żewġ basktijiet tat-​tin?

16 Imma minkejja l-​qalb tajba mhix mistħoqqa kollha t’Alla, xorta għad hemm xi wħud li jsiru ribellużi u qalbhom iebsa, bħalma kienu ħafna f’Ġuda tal-​qedem, u li jipproduċu frott ħażin u mħassar fil-​ħajjiet tagħhom. Kemm hu traġiku dan! Jalla ħadd minna qatt ma jinjora l-​lezzjoni taʼ twissija li qiegħda ċara quddiemna permezz taʼ dawn iż-​żewġ basktijiet tat-​tin bil-​frott tagħhom​—tajjeb u ħażin. Hekk kif il-​ġudizzju mistħoqq taʼ Jehovah kontra l-​Kristjaneżmu apostat igħaġġel ’il quddiem, jalla ndaħħlu f’qalbna t-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu: “Imxu kif jixraq lil Jehovah bil-​għan li togħġbuh għalkollox hekk kif tkomplu tagħtu l-​frott f’kull xogħol tajjeb.”—Kolossin 1:10. [w94 03/01]

Reviżjoni “Il-​Frott—Tajjeb U Ħażin” u paragrafi 1-4 taʼ “Il-​Kontroversja Taʼ Jehovah Mal-​Ġnus”

◻ Il-​basket tat-​tin it-​tajjeb x’jirrappreżenta?

◻ Il-​basket tat-​tin il-​ħażin fil-​viżjoni kif sar jidher?

◻ Il-​messaġġ taʼ Ġeremija liema lezzjoni taʼ twissija jipprovdi għalina?

◻ X’kien sinjifikanti dwar is-​sena 607 Q.E.K. u s-​sena 1914 E.K.?

[Stampa f’paġna 26]

Bħal tin tajjeb, in-​nies t’Alla pproduċew frott ħelu tas-​Saltna

[Stampa f’paġna 26]

Il-​Kristjaneżmu ta prova li hu bħal basket taʼ tin ħażin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja