Ġwanni
5 Wara dan kien hemm festa+ tal-Lhud, u Ġesù telaʼ Ġerusalemm. 2 Issa f’Ġerusalemm ħdejn bieb in-nagħaġ+ hemm għadira, li bl-Ebrajk jisimha Betzata, b’ħames loġoġ bil-kolonni. 3 F’dawn kien hemm mixħuta maʼ l-art kotra taʼ morda, għomja, zopop, u nies b’partijiet minn ġisimhom nexfin. 4* —— 5 U kien hemm wieħed raġel li kien ilu marid tmienja u tletin sena. 6 Ġesù ra lil dan ir-raġel mixħut maʼ l-art u, peress li kien jaf li kien ilu marid żmien twil,+ qallu: “Trid tfiq?”+ 7 Wieġbu l-marid: “Sinjur, m’għandix min iniżżilni fl-għadira meta l-ilma jiċċaqlaq; u x’ħin inkun nieżel jien, xi ħadd ieħor jinżel qabli.” 8 Qallu Ġesù: “Qum, erfaʼ soddtok, u imxi.”+ 9 Għal dan, ir-raġel fieq minnufih, refaʼ soddtu, u beda jimxi.
Issa dakinhar kien is-Sabat.*+ 10 Għalhekk, il-Lhud bdew jgħidu lir-raġel imfejjaq: “Illum is-Sabat; skond il-liġi+ ma tistax iġġorr soddtok.” 11 Imma hu wiġibhom: “Kien dak li fejjaqni li qalli, ‘Erfaʼ soddtok u imxi.’” 12 Staqsewh: “Min hu r-raġel li qallek, ‘Erfaʼ soddtok u imxi’?” 13 Imma r-raġel imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù kien warrab minħabba li l-post kien iffollat.
14 Wara dan, Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, int fiqt. Tidnibx iżjed, sabiex ma tiġrilekx xi ħaġa agħar.” 15 Ir-raġel telaq u qal lil-Lhud li kien Ġesù li fejqu. 16 Għalhekk, minħabba dan, il-Lhud bdew jippersegwitaw+ lil Ġesù għax kien qed jagħmel dan fis-Sabat. 17 Imma hu wiġibhom: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.”+ 18 Minħabba f’hekk il-Lhud iktar bdew ifittxu opportunità biex joqtluh,+ għax mhux biss kien qed jikser is-Sabat imma wkoll kien qed jgħid li Alla hu Missieru,+ u b’hekk jagħmel lilu nnifsu ugwali+ m’Alla.
19 Għaldaqstant, biex iwiġibhom, Ġesù kompla jgħidilhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, L-Iben ma jistaʼ jagħmel xejn minn rajh, imma jagħmel biss dak li jara lill-Missier jagħmel.+ Għax kulma jagħmel il-Missier, jagħmlu wkoll l-Iben bl-istess mod. 20 Għax il-Missier għandu affezzjoni lejn l-Iben+ u jurih kulma jagħmel, u għad jurih għemejjel akbar minn dawn, sabiex tibqgħu mistagħġbin.+ 21 Għax bħalma l-Missier iqajjem il-mejtin u jagħtihom il-ħajja,+ hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid.+ 22 Għax il-Missier ma jiġġudika lil ħadd, imma ħalla f’idejn l-Iben biex jiġġudika lil kulħadd,+ 23 sabiex kulħadd jonora lill-Iben+ bħalma jonora lill-Missier. Min ma jonorax lill-Iben ma jonorax lill-Missier li bagħtu.+ 24 Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jismaʼ kelmti u jemmen lil dak li bagħatni għandu l-ħajja taʼ dejjem,+ u ma jingħatax ġudizzju imma jkun għadda mill-mewt għall-ħajja.+
25 “Tassew, tassew, ngħidilkom, Ġejja s-siegħa, u hi issa, meta l-mejtin+ jisimgħu leħen+ l-Iben t’Alla u dawk li jkunu taw kas, jgħixu.+ 26 Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu,+ hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu.+ 27 U tah awtorità biex jiġġudika,+ għax hu Bin il-bniedem.+ 28 Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira+ jisimgħu leħnu 29 u joħorġu, dawk li għamlu t-tajjeb għal irxoxt taʼ ħajja,+ dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.+ 30 Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja; bħalma nismaʼ, niġġudika; u l-ġudizzju li nagħti hu ġust,+ għax ma nfittixx ir-rieda tiegħi imma r-rieda+ taʼ dak li bagħatni.
31 “Jekk nixhed jien biss+ dwari nnifsi, ix-xiehda tiegħi ma tkunx vera.+ 32 Hemm ieħor li jixhed dwari, u naf li dak li hu jixhed+ dwari hu veru. 33 Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni, u dan xehed għall-verità.+ 34 Madankollu, ma naċċettax ix-xiehda taʼ bniedem, imma ngħid dan biex tiġu salvati.+ 35 Dak ir-raġel kien musbieħ jixgħel u jiddi, u għal żmien qasir kontu lesti li tifirħu bil-kbir fid-dawl tiegħu.+ 36 Imma jien għandi x-xiehda li hi akbar minn dik taʼ Ġwanni, għax l-għemejjel li tani Missieri biex inwettaq, dawn l-istess għemejjel li qed nagħmel,+ jixhdu dwari li kien il-Missier li bagħatni. 37 Ukoll, il-Missier li bagħatni xehed dwari hu stess.+ Intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu s-sura tiegħu;+ 38 u l-kelma tiegħu ma tibqax fikom, għax lil dak li hu bagħat, ma temmnuhx.
39 “Qed tfittxu fl-Iskrittura,+ għax taħsbu li permezz tagħha jkollkom il-ħajja taʼ dejjem; u din stess tixhed dwari.+ 40 Imma intom ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.+ 41 Jien ma naċċettax glorja mingħand il-bnedmin,+ 42 imma naf tajjeb li m’għandkomx l-imħabba t’Alla fikom.+ 43 Jien ġejt f’isem Missieri,+ imma intom ma tilqgħunix; kieku ġie ħaddieħor f’ismu stess, kontu tilqgħuh. 44 Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw glorja+ mingħand xulxin u m’intomx tfittxu l-glorja mingħand l-uniku Alla?+ 45 Taħsbux li se nakkużakom jien quddiem il-Missier; hemm min jakkużakom, Mosè,+ li fih ittamajtu. 46 Fil-fatt, kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili, għax hu kiteb dwari.+ 47 Imma jekk ma temmnux dak li kiteb hu,+ kif se temmnu dak li ngħid jien?”