Imħallfin
12 Imbagħad l-irġiel t’Efrajm issejħu flimkien u qasmu lejn it-tramuntana u qalu lil Ġefta: “Għalfejn qsamt tiġġieled kontra wlied Għammon, u lilna ma sejjaħtilniex biex niġu miegħek?+ Darek se naħarquha fuqek bin-nar.”+ 2 Imma Ġefta qalilhom: “Jien kelli ġlieda kbira, jien u n-nies tiegħi, maʼ wlied Għammon.+ U sejjaħtilkom għall-għajnuna, u ma salvajtunix minn idejhom. 3 Meta rajt li ma ġejtux issalvawni, iddeċidejt li nissogra ħajti*+ u mmur kontra wlied Għammon.+ Għal dan, Ġeħova tahomli f’idi. Għalhekk, għala tlajtu kontrija llum biex tiġġilduli?”
4 Minnufih Ġefta ġabar l-irġiel kollha taʼ Gilegħad flimkien+ u ġġieled maʼ l-Efrajmin; u l-irġiel taʼ Gilegħad qatlu lill-Efrajmin, għax kienu qalu: “Intom irġiel maħrubin minn Efrajm, O Gilegħad, f’nofs Efrajm, f’nofs Manasse.” 5 U l-Gilegħadin irnexxielhom jieħdu f’idejhom l-ilmijiet baxxi tal-Ġordan+ quddiem l-Efrajmin; u ġara li meta dawk li kienu jaħarbu minn Efrajm kienu jgħidu: “Ħallini naqsam,” l-irġiel taʼ Gilegħad kienu jgħidu lil kull wieħed minnhom: “Int Efrajmi?” Meta kien jgħid: “Le!” 6 kienu jgħidulu: “Jekk jogħġbok, għid Xibbolet.”+ U kien jgħid: “Sibbolet,”* għax ma kienx ikun jistaʼ jgħid il-kelma tajjeb. U kienu jaqbduh u joqtluh ħdejn l-ilmijiet baxxi tal-Ġordan. Għalhekk, f’dak iż-żmien inqatlu tnejn u erbgħin elf minn Efrajm.+
7 U Ġefta dam jiġġudika lil Israel sitt snin, u mbagħad Ġefta l-Gilegħadi miet u ndifen f’beltu f’Gilegħad.
8 U Ibsan minn Betlehem+ beda jiġġudika lil Israel warajh.+ 9 U kellu tletin tifel u tletin tifla. Hu bagħat għal tletin tfajla* u ġabhom għal uliedu subien minn barra l-familja tiegħu. U dam jiġġudika lil Israel sebaʼ snin. 10 U Ibsan miet u ndifen f’Betlehem.
11 U warajh beda jiġġudika lil Israel Elon iż-Żebuluni.+ U dam jiġġudika lil Israel għaxar snin. 12 U Elon iż-Żebuluni miet u ndifen f’Ajjalon fl-art taʼ Żebulun.
13 U warajh beda jiġġudika lil Israel Għabdon bin Ħillel il-Piratoni.+ 14 U kellu erbgħin tifel u tletin ulied uliedu. Dawn kienu jirkbu fuq sebgħin ħmar.+ U hu dam jiġġudika lil Israel tmien snin. 15 Imbagħad Għabdon bin Ħillel il-Piratoni miet u ndifen f’Piraton fl-art t’Efrajm fil-muntanja taʼ l-Għamaleki.+