1 Samwel
19 Sa fl-aħħar, Sawl kellem lil ibnu Ġonatan u lill-qaddejja kollha tiegħu biex joqtlu lil David.+ 2 Imma Ġonatan, bin Sawl, kien miġbud wisq lejn David.+ Għalhekk, Ġonatan kellem lil David u qallu: “Sawl, missieri, qed jipprova joqtlok. U issa oqgħod għassa, jekk jogħġbok, fil-għodu, u oqgħod f’post sigriet u ibqaʼ mistoħbi.+ 3 U jien, min-naħa tiegħi, noħroġ u noqgħod maġenb missieri fl-għalqa fejn tkun int, u jien inkellem lil missieri fuqek, u nara x’jiġri, u żgur li ngħidlek.”+
4 Għaldaqstant, Ġonatan tkellem tajjeb+ dwar David maʼ Sawl, missieru, u qallu: “Ħa ma jidnibx+ is-sultan kontra l-qaddej tiegħu David, għax hu ma dinibx kontrik u l-għemejjel tiegħu lejk kienu tajbin ferm.+ 5 U hu ssogra ħajtu+ biex joqtol lill-Filisti,+ u b’hekk Ġeħova wettaq salvazzjoni kbira+ għal Israel kollu. Int rajtu dan, u fraħt. Għalhekk, għala għandek tidneb kontra demm innoċenti billi toqtol+ lil David għalxejn?”+ 6 Imbagħad Sawl semaʼ minn leħen Ġonatan, u Sawl ħalef: “Daqskemm hu ħaj Ġeħova,+ ma jinqatilx.” 7 Imbagħad Ġonatan sejjaħ lil David, u Ġonatan qallu dan il-kliem kollu. Imbagħad Ġonatan ġab lil David għand Sawl, u baqaʼ quddiemu l-istess bħal qabel.+
8 U reġgħet faqqgħet il-gwerra u David ħareġ jiġġieled kontra l-Filistin u ħabat għalihom u l-qatla kienet kbira,+ u ħarbu minn quddiemu.+
9 U l-ispirtu ħażin+ minn Ġeħova ġie fuq Sawl meta kien bil-qiegħda f’daru bil-lanza f’idu, waqt li David kien qed idoqq b’idu. 10 Għaldaqstant, Sawl ipprova jsammar lil David mal-ħajt+ bil-lanza, imma dan żgiċċa+ minn quddiem Sawl, u b’hekk dan waħħal il-lanza mal-ħajt. U David ħarab sabiex jeħles matul dak il-lejl.+ 11 Iktar tard Sawl bagħat xi messaġġiera+ lejn id-dar taʼ David biex jgħassuha u biex joqtluh fil-għodu;+ imma martu Mikal kellmet lil David u qaltlu: “Jekk ma ssalvax ruħek dan il-lejl, għada tkun mejjet.” 12 Minnufih Mikal niżżlet lil David minn ġot-tieqa, biex jitlaq u jaħrab u jeħles.+ 13 Imbagħad Mikal ħadet ix-xbieha tat-terafim+ u poġġietha fuq is-sodda, u poġġiet xibka minsuġa mix-xagħar tal-mogħoż fil-post fejn iqiegħed rasu, u għattietha b’libsa.
14 Sawl issa bagħat xi messaġġiera biex jieħdu lil David, imma hi qalet: “Marid.”+ 15 Għalhekk, Sawl bagħat il-messaġġiera biex jaraw lil David, u qalilhom: “Ġibuhuli fuq soddtu biex noqtlu.”+ 16 Meta daħlu l-messaġġiera, kien hemm ix-xbieha tat-terafim fuq is-sodda u xibka minsuġa mix-xagħar tal-mogħoż fil-post fejn iqiegħed rasu. 17 U Sawl qal lil Mikal: “Għala dħaqt bija+ b’dan il-mod, u b’hekk bgħatt lill-għadu tiegħi+ biex ikun jistaʼ jaħrab?” U Mikal wieġbet lil Sawl: “Hu stess qalli, ‘Ħallini mmur! Għala għandi noqtlok?’”
18 U David ħarab u ħeles+ u wasal għand Samwel f’Rama.+ U qallu kulma kien għamillu Sawl. Imbagħad hu u Samwel telqu, u bdew jgħammru f’Najot.+ 19 U lil Sawl waslitlu l-aħbar li tgħid: “Ara! David qiegħed Najot f’Rama.” 20 Minnufih Sawl bagħat xi messaġġiera biex jieħdu lil David. Meta raw lil dawk imdaħħlin fiż-żmien minn fost il-profeti jipprofetizzaw, u Samwel kien wieqaf f’postu fuqhom, l-ispirtu+ t’Alla ġie fuq il-messaġġiera taʼ Sawl, u dawn bdew iġibu ruħhom taʼ profeti,+ huma wkoll.
21 Meta lil Sawl qalulu b’dan, hu minnufih bagħat messaġġiera oħrajn, u dawn bdew iġibu ruħhom taʼ profeti, huma wkoll. Għalhekk, Sawl reġaʼ bagħat xi messaġġiera, it-tielet grupp, u dawn bdew iġibu ruħhom taʼ profeti, huma wkoll. 22 Fl-aħħar, hu wkoll mar Rama. Meta wasal saħansitra sal-ġibjun il-kbir li qiegħed f’Seku, hu beda jistaqsi u jgħid: “Fejn huma Samwel u David?” Wiġbuh: “Ara! Qegħdin Najot+ f’Rama.” 23 U minn hemmhekk baqaʼ sejjer lejn Najot f’Rama, u l-ispirtu+ t’Alla ġie fuqu, iva, fuqu, u baqaʼ miexi u baqaʼ jġib ruħu taʼ profeta sakemm wasal Najot f’Rama. 24 U hu wkoll neżaʼ ħwejġu u ġab ruħu, hu wkoll, taʼ profeta quddiem Samwel, u baqaʼ mixħut għarwien dak il-jum kollu u dak il-lejl kollu.+ Huwa għalhekk li bdew jgħidu: “Sawl ukoll qiegħed fost il-profeti?”+