It-Tieni Kronaki
2 Salamun ta l-kmand biex tinbena dar għal isem Ġeħova u palazz għas-saltna tiegħu. 2 Salamun għażel 70,000 raġel bħala ħaddiem normali,* 80,000 li jaqtgħu l-ġebel mill-muntanji, u 3,600 bħala mgħallmin fuqhom. 3 Barra minn hekk, Salamun bagħat jgħid lil Ħiram ir-re taʼ Tir: “Ibgħatli njam taċ-ċedru bħalma bgħatt lil missieri David meta bena palazz ħalli jgħix fih. 4 Jien qed nibni dar għal isem Ġeħova l-Alla tiegħi, biex inqaddisha għalih, biex naħraq l-inċens ifuħ quddiemu, u wkoll għall-ħobż tal-preżenza* li jkun hemm il-ħin kollu u l-offerti tal-ħruq, filgħodu u filgħaxija, f’kull Sabat, f’kull qamar ġdid, u fl-istaġuni tal-festi għal Ġeħova l-Alla tagħna. Din hi r-responsabbiltà t’Iżrael għal żmien twil. 5 Id-dar li qed nibni tkun kbira, għax l-Alla tagħna hu akbar mill-allat l-oħrajn kollha. 6 U min għandu l-ħila li jibnilu dar? Għax lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex joqgħod fiha. Allura jien min jien biex nibnilu dar? Kulma nistaʼ nagħmel hu li nibnilu dar biex jiġi offrut id-duħħan tas-sagrifiċċji quddiemu. 7 Ibgħatli raġel tas-sengħa li jaħdem id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, is-suf vjola, id-drapp aħmar skur, u l-ħajt blu, u li jaf inaqqax. Hu jaħdem f’Ġuda u f’Ġerusalemm man-nies tas-sengħa tiegħi li għażel missieri David. 8 U ibgħatli njam taċ-ċedru, tal-ġnibru, u tas-sandlu mil-Libanu, għax jien naf tajjeb li l-qaddejja tiegħek huma tal-esperjenza f’li jaqtgħu s-siġar tal-Libanu. Il-qaddejja tiegħi se jaħdmu mal-qaddejja tiegħek 9 biex jippreparawli ammont kbir taʼ njam, għax id-dar li se nibni se tkun kbira u sabiħa ħafna. 10 Jien se nipprovdi għall-qaddejja tiegħek li jaqtgħu s-siġar 20,000 kor* qamħ, 20,000 kor xgħir,* 20,000 bat* inbid, u 20,000 bat żejt.”
11 U Ħiram ir-re taʼ Tir bagħat dan il-messaġġ bil-miktub lil Salamun: “Ġeħova għamlek re fuq in-nies tiegħu għax iħobbhom.” 12 Imbagħad Ħiram kompla: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li għamel is-sema u l-art, talli ta lir-Re David iben għaref. Int għaqli u kapaċi tifhem. Int se tibni dar għal Ġeħova u palazz għas-saltna tiegħu. 13 Jien se nibgħat lil Ħiram-abi, raġel tas-sengħa li kapaċi jifhem. 14 Hu t-tifel taʼ mara mid-Danin imma missieru kien minn Tir. Hu għandu l-esperjenza f’li jaħdem id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, il-ġebel, l-injam, is-suf vjola, il-ħajt blu, id-drapp fin, u d-drapp aħmar skur. Hu jaf jagħmel kull tip taʼ tinqix u kull disinn li jitolbuh jagħmel. Hu se jaħdem man-nies tas-sengħa tiegħek u man-nies tas-sengħa taʼ missierek David. 15 Sidi, ibgħat il-qamħ, ix-xgħir, iż-żejt, u l-inbid li wegħedt lill-qaddejja tiegħi. 16 U aħna se naqtgħu s-siġar li għandek bżonn mil-Libanu, norbtuhom flimkien, u nibagħtuhom bil-baħar sa Ġaffa, u int ittellagħhom Ġerusalemm.”
17 Imbagħad Salamun għadd l-irġiel kollha li kienu residenti barranin fl-art t’Iżrael, bħalma kien għamel missieru David, u kien hemm 153,600. 18 Għalhekk, hu qabbad 70,000 minnhom bħala ħaddiema normali,* 80,000 jaqtgħu l-ġebel mill-muntanji, u 3,600 imgħallem fuq il-ħaddiema.