Isaija
3 Għax il-Mulej il-veru, Ġeħova tal-armati,
Qed ineħħi minn Ġerusalemm u Ġuda kull tip t’għajnuna u provvista,
Jiġifieri l-ħobż u l-ilma,
2 Ir-raġel b’saħħtu u l-gwerrier,
L-imħallef u l-profeta, dak li jbassar il-futur u l-anzjan,*
3 Il-kap taʼ 50, ir-raġel importanti, u dak li jagħti l-pariri,
L-espert fil-maġija, u s-saħħar tas-sengħa.
4 Jien se nagħmel subien bħala l-mexxejja tagħhom,
U se jmexxuhom dawk li l-ħin kollu jbiddlu fehmithom.
5 In-nies se jaħqru lil xulxin,
Kull wieħed lil sieħbu.
It-tifel se jattakka lir-raġel kbir fl-età,
U n-nies komuni se jiħduha kontra min hu rrispettat.
6 Kull wieħed se jaqbad lil ħuh fid-dar taʼ missieru u jgħidlu:
“Int għandek mantar, allura mexxi fuqna.
Ħu ħsieb dan il-post li hu ħerba.”
7 Imma dakinhar hu se jipprotesta u jgħid:
“M’iniex se ninfaxxa l-feriti tagħkom;
M’għandix ikel u ħwejjeġ fid-dar tiegħi.
Tagħmlunix mexxej fuq il-poplu.”
8 Ġerusalemm tfixklet u Ġuda waqaʼ,
Għax b’dak li jgħidu u jagħmlu qed imorru kontra Ġeħova;
Huma jaġixxu b’nuqqas taʼ rispett f’għajnejn il-wieħed glorjuż.
9 L-espressjoni taʼ wiċċhom tixhed kontrihom,
Bħal Sodoma, huma jitkellmu dwar id-dnub tagħhom;
Ma jipprovawx jaħbuh.
Ħażin għalihom,* għax qed iġibu diżastru fuqhom infushom.
10 Għidu lill-ġusti li se jiġu mberkin;
Huma se jiġu ppremjati għal dak li jagħmlu.
11 Ħażin għall-wieħed mill-agħar!
Hu se jaħbatlu ħażin,
Għax bħalma jagħmel se jagħmlulu!
12 Il-poplu tiegħi qed jiġi ttrattat ħażin minn dawk li jagħtuh ix-xogħol,
U n-nisa jmexxu fuqu.
Poplu tiegħi, il-mexxejja tiegħek qed jiżvijawk,
U qed ifixklulek it-triq li trid tgħaddi minnha.
13 Ġeħova qed jipprepara biex jakkuża lin-nies;
Hu qed iqum biex jaqtaʼ s-sentenza fuq il-popli.
14 Ġeħova se jressaq għall-ġudizzju lill-anzjani u l-mexxejja tal-poplu tiegħu.
Hu se jgħidilhom: “Intom ħraqtu l-għalqa tad-dwieli,
U dak li sraqtu mingħand il-foqra qiegħed id-dar tagħkom.”
15 Is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati, jgħid ukoll:
“Kif tażżardaw tittrattaw ħażin lill-poplu tiegħi
U tgħaffġu wiċċ il-foqra fil-ħmieġ?”
16 Ġeħova jgħid: “Peress li n-nisa taʼ Sijon huma kburin,
Qed jimxu b’rashom mgħollija,
Jifflertjaw b’għajnejhom, iżegilgu,
U jagħmlu l-ħsejjes biċ-ċpiepet taʼ maʼ saqajhom,
17 Jien, Ġeħova, se nimla ras in-nisa taʼ Sijon bil-qoxra,
U jien, Ġeħova, se nwaqqgħalhom xagħarhom.
18 Dakinhar jien, Ġeħova, se nneħħi s-sbuħija tagħhom:
Il-brazzuletti tas-saqajn, id-drapp li jorbtu maʼ rashom, l-ornamenti forma taʼ qamar,
19 L-imsielet, iċ-ċpiepet, il-velijiet,
20 It-tiżjin li jgħatti r-ras, iċ-ċpiepet taʼ mal-għaksa, it-trieħi taʼ madwar is-sider,
Ir-reċipjenti tal-fwieħa, l-oġġetti żgħar li jużaw biex jipproteġu lilhom infushom,*
21 Iċ-ċrieket, il-ħoloq tal-imnieħer,
22 Il-ħwejjeġ ċerimonjali, it-tuniki taʼ fuq, l-imnatar, il-basktijiet,
23 Il-mirja tal-idejn, il-ħwejjeġ tal-għażel,*
It-traban, u l-velijiet.
24 Minflok ma jkollhom riħa tfuħ taʼ żejt tal-balzmu, ikollhom riħa taʼ xi ħaġa mħassra;
Minflok ma jilbsu ċinturin, jilbsu ħabel;
Minflok ma jkollhom xagħarhom issettjat, se jkunu bil-qargħa;
Minflok ħwejjeġ li jiswew il-flus, se jilbsu ħwejjeġ tal-ixkora;
U minflok is-sbuħija, se jkollhom marka b’ħadida taħraq.*
25 Sijon, l-irġiel tiegħek se jinqatlu bix-xabla,
U l-irġiel b’saħħithom tiegħek se jmutu fil-battalja.
26 Id-daħliet tal-belt se jkunu bħal xi ħadd li qed jibki ħafna u jagħmel il-vistu.
Il-belt se tkun bħal mara li serqulha dak kollu li għandha u qiegħda bilqiegħda mal-art.”