Isaija
58 Hu qalli: “Għajjat kemm tiflaħ; iżżommx lura!
Għolli leħnek bħall-ħoss taʼ qarn.
Għid lill-poplu tiegħi bir-ribelljoni tagħhom,
U lid-dar taʼ Ġakobb bid-dnubiet tagħhom.
2 Huma jfittxuni jum wara ieħor,
U juru li jieħdu pjaċir ikunu jafu kif nixtieqhom jgħixu,
Bħallikieku kienu poplu li jagħmlu dak li hu sewwa
U li ma telqux il-kmandamenti tiegħi, l-Alla tagħhom.
Huma jitolbuni biex nagħmel ġudizzju ġust,
Bħallikieku jieħdu pjaċir jersqu lejja, u jgħidu:
3 ‘Għala ma taraniex meta nsumu?
U għala ma tindunax meta numiljaw ruħna?’
Għax dakinhar li somtu, intom kien moħħkom fl-interessi tagħkom stess,
U ħqartu lill-ħaddiema tagħkom.
Ma tistgħux issumu b’dan il-mod u tippretendu li jien nismagħkom fis-sema.
5 Għandu s-sawm li għedtilkom biex tagħmlu jkun hekk?
Għandha l-ġurnata li ssumu tkun biss biex tumiljaw ruħkom,
Tniżżlu raskom bħal ħaxix twil,
U timteddu fuq ħwejjeġ tal-ixkora u l-irmied?
Taħsbu li jien, Ġeħova, se nieħu pjaċir b’dawn il-ġranet li ssumu?
6 Le, is-sawm li għedtilkom biex tagħmlu hu dan:
Li tneħħu l-ktajjen li saru b’inġustizzja,
Li tħollu l-irbit tal-madmad,
Teħilsu lil min hu maħqur,
U tkissru fi tnejn kull madmad;
7 Li taqsmu l-ħobż tagħkom maʼ min hu bil-ġuħ,
Li ddaħħlu fid-dar tagħkom lil min hu fqir u m’għandux dar,
Li tlibbsu lil min m’għandux ħwejjeġ,
U li ma twarrbux lil dawk li jiġu minnkom.
8 Imbagħad id-dawl tagħkom se jiddi bħad-dawl taʼ meta jkun qed jisbaħ,
U se tfiqu malajr.
Il-ġustizzja tagħkom se tkun quddiemkom,
U jien, Ġeħova, se nkun warajkom biex nipproteġikom bil-glorja tiegħi.
9 Imbagħad se tgħajtuli, u jien, Ġeħova, se nwieġeb;
Se tgħajtuli għall-għajnuna, u jien se ngħidilkom, ‘Se ngħinkom!’
Jekk tneħħu minn fostkom il-madmad
U ma tibqgħux tippontaw subgħajkom u titkellmu bi ħdura,
10 Jekk lil min hu bil-ġuħ tagħtuh dak li tixtiequ intom stess,
U lil min hu batut* tagħtuh dak li għandu bżonn,
Imbagħad id-dawl tagħkom se jiddi anki fid-dlam,
U s-swidija tagħkom se tkun bħal nofsinhar.
11 Jien, Ġeħova, dejjem se mmexxikom
U nagħtikom dak li għandkom bżonn* anki f’art niexfa;
Jien se nsaħħaħkom,
U intom se tkunu bħal ġnien li jkun imsoqqi sew
U bħal għajn tal-ilma li l-ilma tagħha ma jispiċċa qatt.
12 Minħabba fikom se jerġgħu jinbnew il-postijiet li ilhom ħerba,
U intom se terġgħu tqiegħdu l-pedamenti li kienu ħerba fil-ġenerazzjonijiet tal-passat.
Intom se tissejħu dawk li jsewwu s-swar imkissra,
Dawk li jirranġaw it-toroq biex in-nies joqogħdu ħdejhom.
13 Jekk minħabba s-Sabat, il-jum qaddis tiegħi, intom iżżommu lura* milli tagħmlu dak li jaqbel lilkom,
U ssejħu s-Sabat jum taʼ pjaċir, jum qaddis għal Ġeħova, u ġurnata li għandha tiġi gglorifikata,
U tigglorifikawh minflok ma tfittxu l-interessi tagħkom stess u tparlaw fil-vojt,
14 Imbagħad jien, Ġeħova, se nkun ir-raġuni għall-ferħ tagħkom.
Ukoll, jien se nagħtikom il-postijiet għoljin tal-art biex tmexxu fuqhom.
Se nagħtikom tieklu mill-wirt* taʼ missierkom Ġakobb,
Għax jien, Ġeħova, għedt dan.”