Isaija
62 Minħabba Sijon, mhux se nibqaʼ b’ħalqi magħluq,
U minħabba Ġerusalemm, mhux se nibqaʼ bi kwieti
Sakemm il-ġustizzja tagħha tiddi bħal dawl qawwi,
U s-salvazzjoni tagħha taħraq bħal torċa.
2 “Mara, il-popli se jaraw il-ġustizzja tiegħek
U r-rejiet kollha l-glorja tiegħek.
Se jgħajtulek b’isem ġdid,
Li se jagħżlu Ġeħova stess.
3 Int se ssir bħal kuruna taʼ sbuħija f’id Ġeħova,
U bħal turban taʼ re fil-pala t’id l-Alla tiegħek.
4 Mhux se jibqgħu jsejħulek mara abbandunata,
U l-art tiegħek mhux se tibqaʼ msejħa ħerba.
Imma int tissejjaħ L-Għaxqa Tiegħi Hi Fiha,
U l-art tiegħek se tissejjaħ Il-Miżżewġa.
Għax Ġeħova se jieħu pjaċir bik,
U l-art tiegħek se tkun bħal waħda miżżewġa.
5 Għax bħalma żagħżugħ jiżżewweġ verġni,
In-nies tiegħek se jiżżewġu lilek.
L-Alla tiegħek se jifraħ bik
Bħalma għarus jifraħ bl-għarusa.
6 Ġerusalemm, jien qegħedt l-għassiesa fuq is-swar tiegħek.
Minn filgħodu sa filgħaxija, dawn m’għandhomx jibqgħu siekta.
Intom li ssemmu lil Ġeħova,
Tistriħux
7 U ibqgħu itolbu lilu sakemm jistabbilixxi lil Ġerusalemm b’mod sod,
Iva, sakemm dawk fuq l-art ifaħħruha.
8 Ġeħova ħalef b’idu l-leminija, bl-id b’saħħitha tiegħu:
“Jien mhux se nagħti iktar iċ-ċereali* tiegħek lill-għedewwa tiegħek,
U l-barranin mhux se jixorbu l-inbid ġdid tiegħek, li tħabatt għalih.
9 Imma dawk li jiġbru ċ-ċereali se jikluh u jfaħħru lili, Ġeħova;
U dawk li jaqtgħu l-għeneb se jixorbu l-inbid fil-btieħi qaddisin tiegħi.”
10 Għaddu, għaddu mill-bibien.
Agħmlu l-wisaʼ għan-nies.
Agħmlu t-triq prinċipali.
Neħħulha l-ġebel.
Għollu arblu bħala sinjal għall-popli.
11 Ġeħova xandar sa truf l-art:
“Għidu lill-belt taʼ Sijon,
‘Se tiġu salvati.
Il-premju li se jagħti qiegħed għandu,
U l-paga li se jagħti qiegħda quddiemu.’”
12 Huma se jissejħu l-poplu l-qaddis, dawk li nxtraw lura minn Ġeħova,
U int se tissejjaħ Imfittxija, Belt Mhux Abbandunata.