1 Kronaki
13 U David ikkonsulta mal-kapijiet taʼ l-eluf u tal-mijiet u maʼ kull mexxej;+ 2 u David issokta jgħid lill-kongregazzjoni kollha taʼ Israel: “Jekk hu tajjeb għalikom u hu aċċettabbli għal Ġeħova Alla tagħna, ħa nibagħtu għal ħutna li għad baqaʼ fl-artijiet kollha taʼ Israel+ u magħhom għall-qassisin+ u l-Leviti+ fil-bliet tagħhom+ bil-mergħat, sabiex jinġabru flimkien magħna. 3 U ħa nġibu l-arka+ t’Alla tagħna għandna.” Għax ma kinux ħadu ħsiebha fi żmien Sawl.+ 4 Għalhekk, il-kongregazzjoni kollha qablet li jagħmlu hekk, għax din il-ħaġa dehret li hi tajba f’għajnejn in-nies kollha.+ 5 Għaldaqstant, David laqqaʼ+ lil Israel kollu mix-xmara taʼ l-Eġittu+ sad-daħla taʼ Ħamat,+ biex iġibu l-arka+ taʼ l-Alla l-veru minn Kirjat-ġegħarim.+
6 U David u Israel kollu telgħu Bagħala,+ lejn Kirjat-ġegħarim, li hi taʼ Ġuda, biex itellgħu minn hemmhekk l-arka taʼ l-Alla l-veru, Ġeħova, li qiegħed fuq il-kerubini,+ li fuqha jissejjaħ ismu. 7 Madankollu, l-arka taʼ l-Alla l-veru għabbewha fuq karru ġdid+ mid-dar t’Abinadab, u Użżah u Aħjo+ kienu qed imexxu l-karru. 8 U David u Israel kollu kienu qed jiċċelebraw+ b’saħħithom kollha quddiem l-Alla l-veru, bl-għanjiet,+ bl-arpi,+ bi strumenti tal-korda,+ bit-tanburlini,+ biċ-ċimbali, u bit-trumbetti.+ 9 U bil-mod il-mod waslu sal-qiegħa tad-dris taʼ Kidon,+ u Użżah issa ħareġ idu biex iżomm l-Arka,+ għax il-barrin kienu kważi qalbuha. 10 U r-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Użżah, u b’hekk laqtu għaliex kien ħareġ idu biex iżomm l-Arka,+ u miet hemmhekk quddiem Alla.+ 11 U David irrabja+ għaliex Ġeħova kien żbroffa kontra Użżah; u dak il-post semmewh Pereż-użżah* sa dan il-jum.
12 U David beżaʼ mill-Alla l-veru dakinhar+ u qal: “Kif se nġibha għandi l-arka taʼ l-Alla l-veru?”+ 13 U David ma ġabx l-Arka għandu fil-Belt taʼ David, imma ġarrha lejn id-dar t’Għobed-edom+ il-Gitti.+ 14 U l-arka taʼ l-Alla l-veru baqgħet għand in-nies taʼ dar Għobed-edom, fid-dar tiegħu+ għal tliet xhur; u Ġeħova baqaʼ jbierek+ lin-nies taʼ dar Għobed-edom u kulma kellu.