2 Samwel
6 U David reġaʼ ġabar l-aqwa rġiel kollha f’Israel,+ tletin elf. 2 Imbagħad David u n-nies kollha li kienu miegħu qamu u marru Bagħale-ġuda+ biex itellgħu l-arka+ taʼ l-Alla l-veru minn hemmhekk, li fuqha jissejjaħ isem, l-isem+ taʼ Ġeħova taʼ l-armati,+ li qiegħed fuq il-kerubini.+ 3 Madankollu, l-arka taʼ l-Alla l-veru għabbewha fuq karru ġdid,+ sabiex iġorruha mid-dar t’Abinadab,+ li kienet fuq l-għolja; u Użżah u Aħjo,+ ulied Abinadab, kienu qed imexxu l-karru l-ġdid.
4 Għalhekk, ġarrew l-arka taʼ l-Alla l-veru mid-dar t’Abinadab, li kienet fuq l-għolja; u Aħjo kien miexi quddiem l-Arka. 5 U David u d-dar kollha taʼ Israel kienu qed jiċċelebraw quddiem Ġeħova b’kull tip taʼ strument taʼ l-injam tal-ġnibru, u bl-arpi,+ bi strumenti tal-korda,+ bit-tanburlini,+ bis-sistra, u biċ-ċimbali.+ 6 U bil-mod il-mod waslu sal-qiegħa tad-dris taʼ Nakon,* u Użżah+ issa ħareġ idu lejn l-arka taʼ l-Alla l-veru u żammha,+ għax il-barrin kienu kważi qalbuha. 7 U r-rabja taʼ Ġeħova+ xegħlet kontra Użżah, u l-Alla l-veru laqtu+ hemmhekk għal dan l-att bla rispett, u b’hekk hu miet hemmhekk ħdejn l-arka taʼ l-Alla l-veru.+ 8 U David irrabja minħabba l-fatt li Ġeħova kien żbroffa kontra Użżah, u dak il-post semmewh Pereż-użżah* sa dan il-jum.+ 9 U David beżaʼ minn Ġeħova+ dakinhar u qal: “Kif se tiġi għandi l-arka taʼ Ġeħova?”+ 10 U David ma riedx iġib l-arka taʼ Ġeħova għandu fil-Belt taʼ David.+ Għalhekk, David ġiegħel li tinġarr lejn id-dar t’Għobed-edom+ il-Gitti.+
11 U l-arka taʼ Ġeħova baqgħet fid-dar t’Għobed-edom il-Gitti tliet xhur; u Ġeħova baqaʼ jbierek+ lil Għobed-edom u lin-nies kollha taʼ daru.+ 12 Fl-aħħar, lis-Sultan David wasslulu l-aħbar u qalulu: “Ġeħova bierek id-dar t’Għobed-edom u kulma għandu minħabba l-arka taʼ l-Alla l-veru.” Għal dan, David mar iġib l-arka taʼ l-Alla l-veru mid-dar t’Għobed-edom u tellagħha bil-ferħ lejn il-Belt taʼ David.+ 13 U ġara li, meta dawk li kienu qed iġorru+ l-arka taʼ Ġeħova kienu mxew sitt passi, hu minnufih offra barri u annimal imsemmen bħala sagrifiċċju.+
14 U David, imħażżem b’efod+ taʼ l-għażel, beda jdur u jiżfen kemm jiflaħ quddiem Ġeħova. 15 U David u d-dar kollha taʼ Israel kienu qed itellgħu l-arka+ b’għajat taʼ ferħ+ u bid-daqq tal-qarn.+ 16 U ġara li, meta l-arka taʼ Ġeħova kienet dieħla fil-Belt taʼ David, Mikal,+ bint Sawl, ħarset ’l isfel mit-tieqa u rat lis-Sultan David jaqbeż u jiżfen quddiem Ġeħova; u bdiet tistmerru+ f’qalbha.+ 17 U daħħlu l-arka taʼ Ġeħova u qegħduha f’postha fit-tinda li David kien waqqaf għaliha;+ imbagħad David offra sagrifiċċji tal-ħruq+ u sagrifiċċji taʼ sħubija*+ quddiem Ġeħova. 18 Meta David temm joffri s-sagrifiċċji tal-ħruq u s-sagrifiċċji taʼ sħubija, imbagħad bierek+ lin-nies f’isem Ġeħova+ taʼ l-armati. 19 Barra minn hekk, lin-nies kollha,+ lill-folla kollha kemm hi taʼ Israel, sew irġiel u sew nisa, qassmilhom ftira tal-ħobż, ċappa tamal, u ċappa żbib kull wieħed,+ u wara dan in-nies kollha marru kull wieħed lejn daru.
20 David issa reġaʼ lura biex ibierek lin-nies taʼ daru stess,+ u Mikal,+ bint Sawl, ħarġet tiltaqaʼ maʼ David u qaltlu: “Kemm igglorifika lilu nnifsu+ llum is-sultan taʼ Israel meta nkixef illum quddiem għajnejn it-tfajliet ilsiera tal-qaddejja tiegħu, sewwasew bħalma l-irġiel bla moħħ jinkixfu bla mistħija!”+ 21 David wieġeb lil Mikal: “Dan għamiltu quddiem Ġeħova, li għażel lili minflok lil missierek u lin-nies kollha taʼ daru biex nikkmanda+ bħala mexxej fuq Israel, il-poplu taʼ Ġeħova. U jien niċċelebra quddiem Ġeħova,+ 22 u niċċekken saħansitra iktar minn hekk,+ u nitbaxxa f’għajnejja; u mat-tfajliet ilsiera li semmejt int, magħhom jien deċiż li nigglorifika lili nnifsi.”+ 23 Għalhekk, Mikal,+ bint Sawl, ma kellhiex tfal sa dakinhar li mietet.