1 Samwel
9 Issa kien hemm raġel mit-tribù taʼ Benjamin, u kien jismu Kis,+ bin Abijel, bin Seror, bin Bekorat, bin Afija, Benjamini,+ raġel għani ħafna.+ 2 U kellu iben li kien jismu Sawl,+ żagħżugħ u sabiħ, u ma kienx hemm raġel minn ulied Israel li kien isbaħ minnu; kien itwal min-nies kollha u kien jgħaddihom minn spallejh ’il fuq.+
3 U lil Kis, missier Sawl, intilfulu l-ħmir nisa.+ Għalhekk, Kis qal lil ibnu Sawl: “Jekk jogħġbok, ħu miegħek wieħed mill-qaddejja u qum u mur fittex il-ħmir.” 4 U għadda minn ġor-reġjun muntanjuż t’Efrajm+ u għadda minn ġo l-art taʼ Salisa,+ u ma sabuhomx. U għaddew minn ġo l-art taʼ Sagħlim, imma ma kinux hemmhekk. U għadda minn ġo l-art tal-Benjaminin, u ma sabuhomx.
5 U daħlu fl-art taʼ Suf; u Sawl, min-naħa tiegħu, qal lill-qaddej tiegħu li kien miegħu: “Ejja ħa nerġgħu lura, li ma jmurx missieri m’għadux jaħseb dwar il-ħmir u jsir ansjuż dwarna.”+ 6 Imma hu qallu: “Ara, jekk jogħġbok! Hemm bniedem t’Alla+ f’din il-belt, u dan il-bniedem hu onorat. Kulma jgħid hu żgur li jseħħ.+ Ejja mmorru hemmhekk issa. Forsi jkun jistaʼ jgħidilna t-triq li għandna naqbdu.” 7 Imbagħad Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “U jekk immorru, x’niħdulu lil dan il-bniedem?+ għaliex il-ħobż għab mir-reċipjenti tagħna, u, bħala għotja,+ m’hemm xejn x’niħdulu lill-bniedem taʼ l-Alla l-veru. X’għandna magħna?” 8 Għalhekk, il-qaddej reġaʼ wieġeb lil Sawl u qallu: “Ara! F’idi għandi kwart taʼ xekel+ fidda, u se nagħtih lill-bniedem taʼ l-Alla l-veru, u hu jgħidilna triqitna.” 9 (Dari f’Israel hekk kien jitkellem ir-raġel hu u sejjer ifittex lil Alla: “Ejjew, u ħa mmorru għand il-veġġent.”+ Għax il-profeta taʼ llum kien jissejjaħ veġġent dari.) 10 Imbagħad Sawl qal lill-qaddej tiegħu: “Sewwa qed tgħid.+ Ejja ħa mmorru.” U telqu fi triqithom lejn il-belt fejn kien hemm il-bniedem taʼ l-Alla l-veru.
11 Huma u telgħin it-telgħa lejn il-belt, sabu xi tfajliet ħerġin biex itellgħu l-ilma.+ Għalhekk, staqsewhom: “Il-veġġent+ f’dan il-post qiegħed?” 12 Imbagħad wiġbuhom u qalulhom: “Hawnhekk qiegħed. Ara! Qiegħed qabilkom. Għaġġlu issa, għaliex illum ġie fil-belt, għax illum hemm sagrifiċċju+ għan-nies fil-post għall-qima.*+ 13 Malli tidħlu fil-belt, issibuh minnufih qabel ma jitlaʼ lejn il-post għall-qima biex jiekol; għaliex in-nies ma jistgħux jieklu qabel ma jasal hu, għax hu jbierku s-sagrifiċċju.+ Wara dan, l-ewwel li jieklu huma dawk li jkunu mistidnin. Mela itilgħu, għax bħalissa ssibuh.” 14 Għaldaqstant, telgħu lejn il-belt. Huma u deħlin f’nofs il-belt, ara, kien hemm Samwel ħiereġ jiltaqaʼ magħhom biex jitlaʼ lejn il-post għall-qima.
15 Il-jum taʼ qabel ma ġie Sawl, Ġeħova kien tarraf xi ħaġa f’widnejn+ Samwel, u qallu: 16 “Għada bħalissa nibgħatlek raġel mill-art taʼ Benjamin,+ u trid tidilku+ bħala mexxej fuq il-poplu tiegħi Israel; u hu jsalva lill-poplu tiegħi minn id il-Filistin,+ għaliex jien rajt is-sofferenza tal-poplu tiegħi, għax l-għajta tagħhom waslet għandi.”+ 17 U Samwel ra lil Sawl, u Ġeħova, min-naħa tiegħu, wieġbu: “Hawn hu r-raġel li dwaru għedtlek, ‘Dan hu l-bniedem li se jrażżan lill-poplu tiegħi.’”+
18 Imbagħad Sawl resaq lejn Samwel f’nofs il-bieb u qallu: “Għidli, jekk jogħġbok, Fejn hi eżatt id-dar tal-veġġent?” 19 U Samwel wieġeb lil Sawl u qallu: “Jien il-veġġent. Itlaʼ qabli lejn il-post għall-qima, u intom tieklu miegħi llum,+ u nibagħtek fil-għodu, u kulma għandek f’qalbek ngħidulek.+ 20 Rigward il-ħmir nisa li ntilfulek tlett ijiem ilu,+ tinkwetax dwarhom,+ għax instabu. U taʼ min hu kulma hu prezzjuż f’Israel?+ Mhux tiegħek u tad-dar kollha taʼ missierek?” 21 U Sawl wieġbu u qallu: “M’iniex jien Benjamini minn wieħed mill-iżgħar+ tribujiet taʼ Israel,+ u m’hijiex il-familja tiegħi l-iktar insinifikanti mill-familji kollha tat-tribù taʼ Benjamin?+ Għalhekk, għala għedtli ħaġa bħal din?”+
22 Imbagħad Samwel ħa lil Sawl u lill-qaddej tiegħu u daħħalhom fis-sala taʼ l-ikel u tahom post f’ras+ il-mistidnin; u dawn kienu xi tletin raġel. 23 Iktar tard Samwel qal lill-kok: “Newwel is-sehem li tajtek u li dwaru għedtlek, ‘Erfgħu għandek.’” 24 U l-kok refaʼ l-koxxa u dak li kien hemm fuqha, u qegħedha quddiem Sawl. U ssokta jgħidlu: “Hawn hu dak li ġie merfugħ. Qiegħdu quddiemek. Kulu, għaliex għal din l-okkażjoni refgħuh għalik sabiex tiekol mal-mistidnin.” Għalhekk, dakinhar Sawl kiel maʼ Samwel. 25 Imbagħad niżlu mill-post għall-qima+ lejn il-belt, u kompla jitkellem maʼ Sawl fuq il-bejt.+ 26 Imbagħad qamu kmieni, u ġara li, malli beda jżernaq, Samwel sejjaħ lil Sawl fuq il-bejt u qallu: “Qum, ħalli nibagħtek.” Għalhekk, Sawl qam u t-tnejn li huma, hu u Samwel, ħarġu barra. 27 Waqt li kienu neżlin f’tarf il-belt Samwel qal lil Sawl: “Għid lill-qaddej+ jgħaddi qabilna”—għalhekk, dan għadda—“u, inkwantu għalik, ieqaf issa sabiex inħallik tismaʼ l-kelma t’Alla.”