Numri
18 U Ġeħova qal lil Aron: “Int u wliedek u dar missierek miegħek twieġbu għall-iżball kontra s-santwarju,+ u int u wliedek miegħek twieġbu għall-iżball kontra s-saċerdozju tagħkom.+ 2 U ġib qrib ukoll lil ħutek tat-tribù taʼ Levi, it-tribù taʼ missierek, biex jingħaqdu miegħek u jaqduk,+ kemm lilek u kemm lil uliedek miegħek, quddiem it-tinda tat-Testimonjanza.+ 3 U jridu jħarsu l-obbligu tagħhom lejk u l-obbligu li għandhom li jieħdu ħsieb it-tinda kollha.+ Huwa biss lejn l-għodod tal-post qaddis u lejn l-artal li ma jridux jersqu, biex ma jmutux,+ la huma u lanqas intom. 4 U jridu jingħaqdu miegħek u jħarsu l-obbligu tagħhom li jieħdu ħsieb it-tinda tal-laqgħa rigward is-servizz kollu tat-tinda, u ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jersaq qribkom.+ 5 U intom tridu tħarsu l-obbligu tagħkom li tieħdu ħsieb il-post qaddis+ u l-obbligu tagħkom li tieħdu ħsieb l-artal,+ biex ma jkunx hemm iktar għadab+ kontra wlied Israel. 6 U jien, ara, ħadt lil ħutek, il-Leviti, minn fost ulied Israel,+ bħala għotja għalikom,+ bħala dawk mogħtijin lil Ġeħova biex iwettqu s-servizz tat-tinda tal-laqgħa.+ 7 U int u wliedek miegħek għandkom tħarsu s-saċerdozju tagħkom f’dak kollu li għandu x’jaqsam maʼ l-artal u maʼ dak li hemm ’il ġewwa mill-purtiera;+ u tridu tagħtu servizz.+ Nagħtikom is-servizz tas-saċerdozju bħala għotja, u l-individwu mhux awtorizzat li jersaq qrib għandu jingħata l-mewt.”+
8 U Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “U jien, ara, tajtek biex tieħu ħsieb il-kontribuzzjonijiet li jagħtuni.+ L-affarijiet imqaddsin kollha taʼ wlied Israel, jien tajthom lilek u lil uliedek bħala sehmek, bħala sehmek għal żmien indefinit.+ 9 Dan għandu jsir tiegħek mill-affarijiet l-iktar imqaddsin, mill-offerta magħmula bin-nar, kull offerta tagħhom flimkien maʼ kull offerta tal-qmuħ+ u kull offerta għad-dnub+ u kull offerta għall-ħtija+ li se jagħtuni lura. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalik u għal uliedek. 10 F’post mill-iktar qaddis għandek tieklu.+ Kull raġel għandu jieklu.+ Għandu jsir xi ħaġa qaddisa għalik.+ 11 U dan hu tiegħek: il-kontribuzzjoni+ taʼ l-għotja tagħhom flimkien maʼ l-offerti tat-tixjir+ kollha taʼ wlied Israel. Tajthom lilek u lil uliedek subien u bniet miegħek,+ bħala sehem għal żmien indefinit. Kulmin hu nadif f’darek jistaʼ jieklu.+
12 “L-aħjar kollu taż-żejt u l-aħjar kollu taʼ l-inbid ġdid u tal-qmuħ, l-ewwel frott tagħhom,+ li huma jagħtu lil Ġeħova, tajthom lilek.+ 13 L-ewwel frott misjur minn kulma hemm f’arthom, li se jġibu lil Ġeħova, tiegħek għandu jsir.+ Kulmin hu nadif f’darek jistaʼ jieklu.
14 “Kull ħaġa dedikata* f’Israel għandha ssir tiegħek.+
15 “Kulmin jiftaħ il-ġuf,+ minn kull xorta taʼ laħam, li huma se jippreżentaw lil Ġeħova, fost il-bnedmin u fost il-bhejjem, għandu jsir tiegħek. Madankollu, żgur li għandek tifdi lill-ewwel imwieled tal-bnedmin;+ u għandek tifdi lill-ewwel imwieled tal-bhima mhix nadifa.+ 16 U meta jkun għalaq xahar għandek tifdih bil-prezz tal-ħelsien, skond il-valur stmat, ħames xwiekel fidda skond ix-xekel tal-post qaddis.+ Kull xekel jiswa għoxrin gera.+ 17 Huwa biss il-barri mwieled l-ewwel jew il-ħaruf imwieled l-ewwel jew il-mogħża mwielda l-ewwel li m’għandekx tifdi.+ Huma xi ħaġa qaddisa. Demmhom+ għandek troxxu fuq l-artal, u x-xaħam tagħhom għandek taħarqu bħala offerta magħmula bin-nar, bħala riħa pjaċevoli lil Ġeħova.+ 18 U laħamhom għandu jsir tiegħek. Bħas-sidra taʼ l-offerta tat-tixjir u bħas-sieq il-leminija, għandu jsir tiegħek.+ 19 Il-kontribuzzjonijiet+ imqaddsin kollha, li wlied Israel jagħtu lil Ġeħova, tajthom lilek u lil uliedek subien u bniet miegħek, bħala sehem għal żmien indefinit.+ Dan hu patt tal-melħ għal żmien indefinit quddiem Ġeħova għalik u għal nislek miegħek.”+
20 U Ġeħova ssokta jgħid lil Aron: “Mhux se jkollok wirt f’arthom, u ebda sehem ma jsir tiegħek f’nofshom.+ Jien is-sehem tiegħek u l-wirt tiegħek f’nofs ulied Israel.+
21 “U lil ulied Levi, ara, tajthom kull għaxar+ parti f’Israel bħala wirt talli qed iwettqu s-servizz tagħhom, is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 22 U wlied Israel m’għandhomx jersqu iktar lejn it-tinda tal-laqgħa u jagħmlu dnub, u b’hekk imutu.+ 23 U l-Leviti nfushom iridu jwettqu s-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u jkunu huma li jwieġbu għall-iżball tagħhom.+ Dan hu statut għal żmien indefinit matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom, li f’nofs ulied Israel huma m’għandux ikollhom wirt.+ 24 Għax il-parti minn għaxra li wlied Israel jagħtu bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova tajtha lil-Leviti bħala wirt. Huwa għalhekk li għedtilhom, ‘F’nofs ulied Israel m’għandux ikollhom wirt.’”+
25 Imbagħad Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 26 “U għandek tkellem lil-Leviti, u tgħidilhom, ‘Se tirċievu mingħand ulied Israel il-parti minn għaxra li tajtkom mingħandhom bħala wirt tagħkom,+ u tridu tagħtu minnha bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova parti minn għaxra tal-parti minn għaxra.+ 27 U trid tingħaddilkom bħala l-kontribuzzjoni tagħkom, bħall-qmuħ tal-qiegħa tad-dris+ u bħall-prodott abbundanti tal-magħsar taʼ l-inbid jew taż-żejt. 28 B’dan il-mod intom infuskom tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova minn kull għaxar parti li tirċievu mingħand ulied Israel, u minnhom tridu tagħtu lil Aron, il-qassis, il-kontribuzzjoni li tagħtu lil Ġeħova. 29 Mill-għotjiet kollha li jingħatawlkom, agħtu lil Ġeħova kull tip taʼ kontribuzzjoni, mill-aqwanett,+ bħala xi ħaġa qaddisa minnhom.’
30 “U għidilhom, ‘Meta tagħtu l-aħjar minnhom,+ imbagħad lil-Leviti jingħaddilhom bħala l-prodott tal-qiegħa tad-dris u bħala l-prodott tal-magħsar taʼ l-inbid jew taż-żejt. 31 U tridu tikluh f’kull post, intom u n-nies taʼ darkom, għaliex hu l-ħlas tagħkom talli twettqu s-servizz tagħkom fit-tinda tal-laqgħa.+ 32 U m’għandkomx tagħmlu dnub minħabba fih meta tagħtu l-aħjar minnhom, u m’għandkomx tkasbru l-affarijiet imqaddsin taʼ wlied Israel, għax inkella tmutu.’”+